25.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 79/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 248/2010
tal-24 ta’ Marzu 2010
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1484/95 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni u jiffissa dazji addizzjonali tal-importazzjoni fl-oqsma tal-laħam tat-tjur u l-bajd u għall-albumina tal-bajd, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 504/2007 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-arranġamenti għal dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni fis-settur tal-ħalib u prodotti tal-ħalib
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 143(b) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 614/2009 tas-7 ta’ Lulju 2009 dwar is-sistema komuni għall-kummerċ fl-ovalbumin u l-lactalbumin (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1484/95 (3) u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 504/2007 (4) jipprovdu li, meta l-prezz CIF tal-importazzjoni ta’ kunsinna jkun ogħla mill-prezz rappreżentattiv applikabbli, l-importatur irid jippreżenta l-garanzija msemmija fl-Artikolu 248(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (5), li tkun daqs l-ammont ta’ dazju addizzjonali li kien ikollu jħallas li kieku l-kalkolu tad-dazju addizzjonali sar fuq il-bażi tal-prezz rappreżentattiv applikabbli għall-prodott ikkonċernat. |
(2) |
Madankollu, f’każ simili, l-Artikolu 38(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (6), jipprovdi li l-importatur irid jippreżenta l-garanzija msemmija fl-Artikolu 248(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, li tkun daqs id-differenza bejn l-ammont ta’ dazju addizzjonali tal-importazzjoni kkalkulat abbażi tal-prezz rappreżentattiv applikabbli għall-prodott ikkonċernat u l-ammont ta’ dazju addizzjonali tal-importazzjoni kkalkulat abbażi tal-prezz CIF tal-importazzjoni tal-kunsinna kkonċernata. |
(3) |
Għall-finijiet tal-armonizzazzjoni tal-metodi ta’ kalkolu applikabbli fis-setturi differenti, jixraq li l-metodu pprovdut fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1484/95 u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 504/2007 jinġieb f’konformità mal-metodu pprovdut fl-Artikolu 38(3) tar-Regolament (KE) Nru 951/2006. |
(4) |
L-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1484/95 u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 504/2007 jiddeterminaw il-limiti taż-żmien li fihom l-importatur irid jagħti prova li l-kunsinna ntużat skont il-kundizzjonijiet li jikkonfermaw il-korrettezza tal-prezz CIF tal-importazzjoni. Jidher li, fil-prattika, l-proċedura għall-importazzjoni u l-bejgħ tal-oġġetti skont din is-sistema saru ħafna iżjed iddivrenzjati. Fejn qabel ġeneralment operatur wieħed kien ikun responsabbli għax-xiri fil-pajjiż terz, ir-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u l-bejgħ fil-Komunità, illum il-ġurnata diversi operaturi huma involuti fl-operazzjonijiet differenti, u b’hekk spiss ikun impossibbli li jiġu rrispettati dawk il-limiti taż-żmien. Għalhekk huwa xieraq li dawk il-limiti taż-żmien jiġu estiżi. |
(5) |
Ir-Regolamenti (KE) Nru 1484/95 u (KE) Nru 504/2007 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan. |
(6) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1484/95, il-paragrafi 3 u 4 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:
“3. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2, l-importatur għandu jippreżenta l-garanzija msemmija fl-Artikolu 248(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, li tkun daqs id-differenza bejn l-ammont ta’ dazju addizzjonali tal-importazzjoni kkalkulat abbażi tal-prezz rappreżentattiv applikabbli għall-prodott ikkonċernat u l-ammont ta’ dazju addizzjonali tal-importazzjoni kkalkulat abbażi tal-prezz CIF tal-importazzjoni tal-kunsinna kkonċernata.
4. L-importatur għandu jkollu xahrejn żmien mill-ġurnata tal-bejgħ tal-prodotti kkonċernati, suġġett għal limitu ta’ disa’ xhur mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, sabiex jipprova li l-kunsinna ntużat skont kundizzjonijiet li jikkonfermaw il-korrettezza tal-prezzijiet imsemmija fil-paragrafu 2. Il-garanzija ppreżentata tintilef f’każ li ma tkunx rispettata xi waħda minn dawn id-dati ta’ skadenza. Madankollu, il-limitu ta’ disa’ xhur żmien jista’ jiġi estiż mill-awtoritajiet kompetenti sa massimu ta’ tliet xhur oħra, fuq talba tal-importatur, li għandha tkun iġġustifikata kif xieraq.
Il-garanzija ppreżentata għandha tiġi rrilaxxata sakemm tingħata prova tal-kundizzjonijiet tal-użu għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet tad-dwana. Inkella, il-garanzija għandha tintilef bħala ħlas tad-dazji addizzjonali.”
Artikolu 2
Fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 504/2007, il-paragrafi 3 u 4 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:
“3. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2, l-importatur għandu jippreżenta l-garanzija msemmija fl-Artikolu 248(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 454/93 (*) li tkun daqs id-differenza bejn l-ammont ta’ dazju addizzjonali tal-importazzjoni kkalkulat abbażi tal-prezz rappreżentattiv applikabbli għall-prodott ikkonċernat u l-ammont ta’ dazju addizzjonali tal-importazzjoni kkalkulat abbażi tal-prezz CIF tal-importazzjoni tal-kunsinna kkonċernata.
4. L-importatur għandu jkollu xahrejn żmien mill-ġurnata tal-bejgħ tal-prodotti kkonċernati, suġġett għal limitu ta’ disa’ xhur mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, sabiex jipprova li l-kunsinna ntużat skont kundizzjonijiet li jikkonfermaw il-korrettezza tal-prezzijiet imsemmija fil-paragrafu 2. Il-garanzija ppreżentata tintilef f’każ li ma tkunx rispettata xi waħda minn dawn id-dati ta’ skadenza. Madankollu, il-limitu ta’ disa’ xhur żmien jista’ jiġi estiż mill-awtoritajiet kompetenti sa massimu ta’ tliet xhur oħra, fuq talba tal-importatur, li għandha tkun iġġustifikata kif xieraq.
Il-garanzija ppreżentata għandha tiġi rrilaxxata sakemm tingħata prova tal-kundizzjonijiet tal-użu għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet tad-dwana. Inkella, il-garanzija għandha tintilef bħala ħlas tad-dazji addizzjonali.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2010.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2010.
Ghall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(2) ĠU L 181, 14.7.2009, p. 8.
(3) ĠU L 145, 29.6.1995, p. 47.
(5) ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.
(6) ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.