24.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/33


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 243/2010

tat-23 ta' Marzu 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward Titjib għall-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRSs)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

F′April 2009, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ippubblika Titjib għall-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju, minn hawn ‘il quddiem “it-Titjib għall-IFRSs”, fil-qafas tal-proċess annwali tiegħu ta' titjib li jimmira li jirrazzjonalizza u jikkjarifika l-istandards internazzjonali tal-kontabilità. Il-biċċa l-kbira tal-emendi huma kjarifiki jew korrezzjonijiet tal-IFRSs eżistenti jew emendi b'konsegwenza ta' tibdiliet li saru qabel fl-IFRSs. L-emendi fl-IFRS 8, l-IAS 17, l-IAS 36, l-IAS 39 jinvolvu tibdiliet fir-rekwiżiti eżistenti jew fil-gwida addizzjonali għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti.

(3)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp Tekniku ta’ Esperti (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) tikkonferma li t-Titjib fl-IFRSs jissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/505/KE tal-14 ta' Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi [Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards] biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtralità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) (3), il-Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards qies l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-adozzjoni u ta parir lill-Kummissjoni li din hija bbilanċata kif xieraq u oġġettiva.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 2, l-IFRS 5, l-IFRS 8 għandhom jiġu emendati kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(2)

L-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 1, l-IAS 7, l-IAS 17, l-IAS 36, l-IAS 38, l-IAS 39 għandhom jiġu emendati kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(3)

L-Interpretazzjoni 9 tal-Kumitat għall-Interpretazzjoni tar-Rappurtaġġ Finanzjarju Internazzjonali (IFRIC) u l-Interpretazzjoni 16 tal-IFRIC għandhom jiġu emendati kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi għall-istandards imsemmija fl-Artikolu 1, mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda wara l-31 ta’ Diċembru 2009.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, it-23 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 199, 21.7.2006, p. 33.


ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ

Titjib għall-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju

Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' kkupjar għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta' kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fil-websajt www.iasb.org

Emenda għall-IFRS 2 Pagament Ibbażat fuq l-Ishma

Il-paragrafi 5 u 61 huma emendati.

AMBITU

5

Kif innutat fil-paragrafu 2, dan l-IFRS … Madankollu, entità m'għandhiex tapplika dan l-IFRS għal tranżazzjonijiet li fihom l-entità takkwista oġġetti bħala parti mill-assi netti akkwistati f'kombinament ta' negozji kif definit fl-IFRS 3 Kombinamenti ta' Negozji, (kif rivedut fl-2008), f’kombinament ta’ entitajiet jew negozji taħt kontroll komuni kif deskritt fil-paragrafi B1-B4 tal-IFRS 3, jew bħala kontribut ta' negozju lejn il-formazzjoni ta' impriża konġunta kif iddefinita fl-IAS 31 Interessi f’Impriżi Konġunti. Għalhekk, strumenti azzjonarji maħruġa … (u għalhekk fl-ambitu ta’ dan l-IFRS).

DATA EFFETTIVA

61

L-IFRS 3 (kif rivedut fl-2008) u t-Titjib fl-IFRSs maħruġ f’April 2009 emendaw il-paragrafu 5. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Lulju 2009 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-IFRS 3 (rivedut fl-2008) għal perijodu aktar bikri, l-emendi għandhom japplikaw ukoll għal dak il-perijodu aktar bikri.

Emenda għall-IFRS 5 Assi Mhux Kurrenti Miżmuma għall-Bejgħ u Operazzjonijiet li Ma Tkomplewx

Jiżdiedu l-paragrafi 5B u 44E.

AMBITU

5B

Dan l-IFRS jispeċifika l-iżvelar meħtieġ fir-rigward ta’ assi mhux kurrenti (jew gruppi ta’ disponiment) ikklassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ jew operazzjonijiet li ma tkomplewx. L-iżvelar f’IFRSs oħrajn ma japplikax għal dawn l-assi (jew gruppi ta’ disponiment) ħlief jekk dawk l-IFRSs ikunu jeħtieġu:

(a)

żvelar speċifiku fir-rigward ta’ assi mhux kurrenti (jew gruppi ta’ disponiment) ikklassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ jew operazzjonijiet li ma tkomplewx; jew

(b)

żvelar dwar il-kejl ta’ assi u obbligazzjonijiet fi ħdan grupp ta’ disponiment li ma jidħlux fl-ambitu tar-rekwiżit ta’ kejl tal-IFRS 5 u dak l-iżvelar ikun għadu ma sarx fin-noti l-oħrajn għar-rapporti finanzjarji.

Żvelar addizzjonali dwar assi mhux kurrenti (jew gruppi ta’ disponiment) ikklassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ jew operazzjonijiet li ma tkomplewx jista’ jkun neċessarju sabiex tintlaħaq konformità mar-rekwiżiti ġenerali tal-IAS 1, b’mod partikolari l-paragrafi 15 u 125 ta’ dak l-Istandard.

DATA EFFETTIVA

44E

Il-paragrafu 5B ġie miżjud mit-Titjib fl-IFRSs maħruġ f’April 2009. Entità għandha tapplika dik l-emenda prospettivament għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2010 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-emenda għal perijodu aktar bikri hija għandha tiżvela dak il-fatt.

Emenda għall-IFRS 8 Segmenti tal-Operat

Il-paragrafi 23 u 36 huma emendati. Jiżdied il-paragrafu 35A.

ŻVELAR

Informazzjoni dwar profitt jew telf, assi u obbligazzjonijiet

23

Entità għandha tirrapporta kalkolu ta’ profitt jew telf għal kull segment suġġett għar-rappurtaġġ. Entità għandha tirrapporta kalkolu ta’ assi u obbligazzjonijiet totali għal kull segment soġġett għal rappurtaġġ jekk tali ammonti jkunu pprovduti regolarment lill-kap li jiddeċiedi fl-operat. Entità għandha wkoll tiżvela li ġej dwar kull segment suġġett għar-rappurtaġġ jekk l-ammonti speċifikati jkunu inklużi fil-kalkolu tal-profitt jew telf tas-segment analizzat mill-kap li jiddeċiedi fl-operat, jew b’xi mod ieħor ikunu regolarment ipprovduti lill-kap li jiddeċiedi fl-operat, anki jekk mhux inklużi f'dak il-kalkolu tal-profitt jew telf tas-segment:

(a)

id-dħul minn klijenti esterni;

(b)

TRANŻIZZJONI U DATA EFFETTIVA

35A

Il-paragrafu 23 ġie emendat mit-Titjib fl-IFRSs maħruġ f’April 2009. Entità għandha tapplika dik l-emenda għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2010 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-emenda għal perijodu aktar bikri hija għandha tiżvela dak il-fatt.

36

Informazzjoni segmentali għal snin preċedenti li tkun irrappurtata bħala informazzjoni komparattiva għall-ewwel sena tal-applikazzjoni (inkluża applikazzjoni tal-emenda fil-paragrafu 23 li saret f’April 2009) għandha tiġi riformulata biex tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ din l-IFRS, ħlief jekk l-informazzjoni meħtieġa ma tkunx disponibbli u l-kost biex tiġi żviluppata jkun eċċessiv.

Emenda għall-IAS 1 Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji

Il-paragrafu 69 huwa emendat. Jiżdied il-paragrafu 139D huwa miżjud.

STRUTTURA U KONTENUT

Rapport tal-pożizzjoni finanzjarja

Obbligazzjonijiet kurrenti

69

Entità għandha tikklassifika obbligazzjoni bħala kurrenti meta:

(a)

tkun mistennija li ssalda l-obbligazzjoni fiċ-ċiklu operattiv normali tagħha;

(b)

tkun qed iżżomm l-obbligazzjoni primarjament għall-iskop ta’ negozju;

(ċ)

l-obbligazzjoni tkun dovuta li tissalda fi żmien tnax-il xahar wara l-perijodu tar-rapportaġġ; jew

(d)

ma jkollhiex dritt bla kondizzjoni li tipposponi s-saldu tal-obbligazzjoni għal mill-anqas tnax-il xahar wara l-perijodu tar-rapportaġġ (ara l-paragrafu 73). It-termini ta’ obbligazzjoni li jistgħu, fuq l-għażla tal-kontroparti, jirriżultaw fis-saldu tagħha bil-ħruġ ta’ strumenti azzjonarji ma jaffettwawx il-klassifikazzjoni tagħha.

Entità għandha tikklassifika l-obbligazzjonijiet l-oħrajn kollha bħala mhux kurrenti.

TRANŻIZZJONI U DATA EFFETTIVA

139D

Il-paragrafu 69 ġie emendat mit-Titjib fl-IFRSs maħruġ f’April 2009. Entità għandha tapplika dik l-emenda għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2010 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-emenda għal perijodu aktar bikri hija għandha tiżvela dak il-fatt.

Emenda għall-IAS 7 Rapport tal-Flussi ta’ Flus

Il-paragrafu 16 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 56.

PREŻENTAZZJONI TA’ RAPPORT TAL-FLUSSI TA’ FLUS

Attivitajiet ta’ investiment

16

L-iżvelar separat ta’ flussi ta’ flus li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ investiment huwa importanti minħabba li l-flussi ta’ flus jirrappreżentaw sa liema punt l-infiq ikun sar fuq riżorsi maħsubin sabiex jiġġeneraw introjtu u flussi ta’ flus fil-futur. Huma biss dawk in-nefqiet li jirriżultaw f’assi rikonoxxut fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja li huma eliġibbli għal klassifikazzjoni bħala attivitajiet ta' investiment. Eżempji ta’ flussi ta’ flus li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ investiment huma:

(a)

DATA EFFETTIVA

56

Il-paragrafu 16 ġie emendat mit-Titjib fl-IFRSs maħruġ f’April 2009. Entità għandha tapplika dik l-emenda għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2010 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-emenda għal perijodu aktar bikri hija għandha tiżvela dak il-fatt.

Emenda għall-IAS 17 Kuntratti ta’ Kiri

Il-paragrafi 14 u 15 huma mħassra. Jiżdiedu l-paragrafi 15A, 68A u 69A.

KLASSIFIKAZZJONI TA' KUNTRATTI TA' KIRI

14

[Imħassar]

15

[Imħassar]

15A

Meta kuntratt ta’ kiri jkun jinkludi elementi kemm ta’ art kif ukoll ta’ bini, entità għandha tevalwa l-klassifikazzjoni ta’ kull element bħala kiri finanzjarju jew kiri operattiv separatament skont il-paragrafi 7-13. Meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk l-element ta’ art huwiex kiri operattiv jew finanzjarju, konsiderazzjoni importanti hija li l-art normalment għandha ħajja ekonomika indefinita.

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI

68A

Entità għandha tevalwa mill-ġdid il-klassifikazzjoni ta’ elementi ta’ art f’kuntratti ta’ kiri li jkunu għadhom ma skadewx fid-data meta hija tadotta l-emendi msemmija fil-paragrafu 69A fuq il-bażi tal-informazzjoni li tkun teżisti fil-bidu ta’ dawk il-kuntratti ta’ kiri. Hija għandha tirrikonoxxi kuntratt ta’ kiri kklassifikat mill-ġdid bħala kiri finanzjarju retrospettivament skont l-IAS 8 Politika ta’ Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta’ Kontabilità u Żbalji. Madankollu, jekk entità ma jkollhiex l-informazzjoni meħtieġa biex tapplika l-emendi retrospettivament, hija għandha:

(a)

tapplika l-emendi għal dawk il-kuntratti ta’ kiri fuq il-bażi tal-fatti u ċ-ċirkostanzi li jkunu jeżistu fid-data meta hija tadotta l-emendi; u

(b)

tirrikonoxxi l-assi u l-obbligazzjoni relatati ma’ kuntratt ta’ kiri ta’ art ikklassifikat mill-ġdid bħala kiri finanzjarju skont il-valuri ġusti tagħhom f’dik id-data; kull differenza bejn dawk il-valuri ġusti tiġi rikonoxxuta fil-qligħ imfaddal.

DATA EFFETTIVA

69A

Il-paragrafi 14 u 15 ġew imħassra, u l-paragrafi 15A u 68A ġew miżjuda bħala parti mit-Titjib fl-IFRSs maħruġ f’April 2009. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2010 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-emendi għal perijodu aktar bikri hija għandha tiżvela dak il-fatt.

Emenda għall-IAS 36 Indeboliment tal-Assi

Il-paragrafu 80 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 140E.

UNITAJIET LI JIĠĠENERAW IL-FLUS U AVVJAMENT

Ammont li jista’ jkun irkuprat u ammont miżmum fil-kotba ta’ unità li tiġġenera l-flus

Avvjament

Allokazzjoni ta’ avvjament lill-unitajiet li jiġġeneraw il-flus

80

Għall-finijiet tal-prova għall-indeboliment, l-avvjament akkwistat f’kombinament ta’ negozji għandu, mid-data tal-akkwiżizzjoni, ikun allokat għal kull waħda mill-unitajiet li jiġġeneraw flus, jew mill-gruppi ta’ unitajiet li jiġġeneraw flus, tal-akkwirent li jkunu mistennija li jibbenefikaw mis-sinerġiji tal-kombinament, irrispettivament minn jekk assi jew obbligazzjonijiet oħrajn ta’ l-akkwiżit ikunux assenjati għal dawk l-unitajiet jew gruppi ta’ unitajiet. Kull unità jew grupp ta' unitajiet li għalihom l-avvjament ikun ġie allokat b'dan il-mod għandu:

(a)

jirrappreżenta l-inqas livell fi ħdan l-entità li fih hu mmonitorjat l-avvjament għal għanijiet ta' amministrazzjoni interna; u

(b)

ma jkunx akbar minn segment tal-operat kif iddefinit fil-paragrafu 5 tal-IFRS 8 Segmenti tal-Operat qabel l-aggregazzjoni.

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U DATA EFFETTIVA

140E

It-Titjib fl-IFRSs maħruġ f’April 2009 emenda l-paragrafu 80(b). Entità għandha tapplika dik l-emenda prospettivament għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2010 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-emenda għal perijodu aktar bikri hija għandha tiżvela dak il-fatt.

Emenda għall-IAS 38 Assi Intanġibbli

Il-paragrafi 36, 37, 40, 41 u 130C huma emendati u jiżdied il-paragrafu 130E.

RIKONOXXIMENT U KEJL

Akkwiżizzjoni bħala parti minn kombinament ta' negozji

Kejl tal-valur ġust ta' assi intanġibbli akkwistat f’kombinament ta’ negozji

36

Assi intanġibbli akkwistat f'kombinament ta' negozji jista' jkun separabbli, iżda biss flimkien ma' kuntratt relatat, jew ma’ assi jew obbligazzjoni identifikabbli. F'każijiet bħal dawn, l-akkwirent jirrikonoxxi l-assi intanġibbli separatament mill-avvjament, iżda flimkien mal-oġġett relatat.

37

L-akkwirent jista’ jirrikonoxxi grupp ta' assi intanġibbli kumplimentari bħala assi wieħed kemm-il darba l-assi individwali jkollhom iż-żmien tal-utilità simili. Pereżempju, it-termini “ditta” u “isem id-ditta” spiss jintużaw bħala sinonimi għal marki reġistrati u marki oħrajn. Madankollu, dawn tal-ewwel huma termini ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni li tipikament jintużaw biex jirreferu għal grupp ta' assi kumplimentari bħal trademark (jew marka tas-servizz) u l-isem kummerċjali, il-formuli, ir-riċetti u l-ħila esperta teknoloġika relatati.

40

Jekk ma jkun jeżisti l-ebda suq attiv għal assi intanġibbli, il-valur ġust tiegħu jkun l-ammont li entità kieku kienet tħallas għall-assi, fid-data tal-akkwiżizzjoni, fi tranżazzjoni distakkata bejn partijiet infurmati u disposti, fuq il-bażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli. Sabiex jiġi ddeterminat dan l-ammont, entità tikkunsidra l-eżitu ta' tranżazzjonijiet reċenti għal assi simili. Pereżempju, entità tista’ tapplika multipli li jirriflettu tranżazzjonijiet kurrenti fis-suq għal fatturi li jmexxu l-profitabbiltà tal-assi (bħad-dħul, il-profitt jew qligħ tal-operat qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzament).

41

Entitajiet li jkunu involuti fil-bejgħ u x-xiri ta' assi intanġibbli jistgħu jkunu żviluppaw mezzi tekniċi għall-istima tal-valuri ġusti tagħhom b'mod indirett. Dawn il-mezzi tekniċi jistgħu jintużaw għall-kejl inizjali ta' assi intanġibbli akkwistat f'kombinament ta' negozji jekk l-għan tagħhom ikun li jiġi stmat il-valur ġust u jekk ikunu jirriflettu t-tranżazzjonijiet u l-prassi kurrenti fl-industrija li għaliha jappartjeni l-assi. Dawn il-mezzi tekniċi jinkludu, pereżempju:

(a)

l-iskontar ta' flussi stmati futuri netti ta' flus mill-assi; jew

(b)

l-istima tal-kosti li l-entità tevita billi l-assi intanġibbli jkun proprjetà tagħha u hekk ma jkollhiex bżonn:

(i)

tiksbu b’liċenzja mingħand parti oħra fi tranżazzjoni distakkata (bħal fil-metodu ta' “ħelsien mir-royalty”, bl-użu ta’ flussi ta’ flus netti skontati); jew

(ii)

terġa’ toħolqu jew tissostitwih (bħal fil-metodu tal-kost).

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U DATA EFFETTIVA

130C

L-IFRS 3 (kif rivedut fl-2008) emenda l-paragrafi 12, 33–35, 68, 69, 94 u 130, ħassar il-paragrafi 38 u 129 u żied il-paragrafu 115A. It-Titjib fl-IFRSs maħruġ f’April 2009 emenda l-paragrafi 36 u 37. Entità għandha tapplika dawk l-emendi prospettivament għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta' Lulju 2009 jew wara. Għalhekk, ammonti rikonoxxuti għal assi intanġibbli u avvjament f’kombinamenti ta’ negozji preċedenti m’għandhomx jiġu aġġustati. Jekk entità tapplika l-IFRS 3 (rivedut fl-2008) għal perijodu aktar bikri, hija għandha tapplika l-emendi għal dak il-perijodu aktar bikri u tiżvela dak il-fatt.

130E

It-Titjib fl-IFRSs maħruġ f’April 2009 emenda l-paragrafi 40 u 41. Entità għandha tapplika dawk l-emendi prospettivament għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta' Lulju 2009 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-emendi għal perijodu aktar bikri hija għandha tiżvela dak il-fatt.

Emenda għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl

Il-paragrafi 2(g), 80, 97, 100 u 108C huma emendati u jiżdied il-paragrafu 103K.

AMBITU

2

Dan l-Istandard għandu jiġi applikat mill-entitajiet kollha għal kull tip ta’ strumenti finanzjarji minbarra:

(a)

(g)

kull kuntratt bil-quddiem bejn akkwirent u azzjonist bejjiegħ għax-xiri jew bejgħ ta' akkwiżit li jirriżulta f’kombinament ta’ negozji f’data ta’ akkwiżizzjoni futura. It-terminu tal-kuntratt bil-quddiem m’għandux jaqbeż perijodu raġonevoli li normalment huwa neċessarju sabiex jinkisbu l-approvazzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa u titlesta t-tranżazzjoni.

(h)

HEDGING

Oġġetti Hedged

Oġġetti li jikkwalifikaw

80

Għal skopijiet ta' kontabilità għall-hedging, huma biss assi, obbligazzjonijiet, impenji sodi jew tranżazzjonijiet mbassra bi probabbiltà għolja li jinvolvu parti li hi esterna mill-entità, li jistgħu jiġu magħżula bħala oġġetti hedged. Jiġri għalhekk li l-kontabilità għall-hedging tista' tiġi applikata għal tranżazzjonijiet bejn entitajiet fl-istess grupp biss fir-rapporti finanzjarji individwali jew separati ta' dawk l-entitajiet u mhux fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-grupp. Bħala eċċezzjoni …

Kontabilità għall-hedging

Hedges tal-flussi ta' flus

97

Jekk hedge ta' tranżazzjoni mbassra sussegwentement jirriżulta fir-rikonoxximent ta' assi finanzjarju jew ta' obbligazzjoni finanzjarja, il-qligħ jew telf assoċjat li kien rikonoxxut fi dħul ieħor komplessiv skont il-paragrafu 95 għandu jiġi rriklassifikat minn ekwità għal profitt jew telf bħala aġġustament ta’ riklassifikazzjoni (ara l-IAS 1 (kif rivedut fl-2007)) fl-istess perijodu jew perijodi li fih il-flussi mbassra ta’ flus soġġetti għall-hedge jaffetwaw il-profitt jew telf (bħal f'perijodi fejn introjtu mill-imgħax jew spejjeż ta’ mgħax huma rikonoxxuti). Madankollu, jekk entità tistenna li t-telf kollu jew parti minnu rikonoxxut fi dħul ieħor komplessiv mhux ser jiġi rkuprat f'perijodu jew perijodi futuri, dak l-ammont li mhux mistenni li jiġi rkuprat għandha tirriklassifikah fi profitt jew telf bħala aġġustament ta’ riklassifikazzjoni.

100

Għal hedges tal-flussi ta' flus barra dawk koperti bil-paragrafi 97 u 98, l-ammonti li kienu rikonoxxuti fi dħul ieħor komplessiv għandhom jiġu rriklassifikati minn ekwità għal profitt jew telf bħala aġġustament ta’ riklassifikazzjoni (ara l-IAS 1 (rivedut fl-2007)) fl-istess perijodu jew perijodi li matulhom il-flussi mbassra ta’ flus soġġetti għall-hedge jaffetwaw il-profitt jew telf (pereżempju, meta jseħħ bejgħ imbassar).

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

103K

It-Titjib fl-IFRSs maħruġ f’April 2009 emenda l-paragrafi 2(g), 97, 100 u AG30(g) Entità għandha tapplika l-emendi għall-paragrafi 2(g), 97 u 100 prospettivament għall-kuntratti kollha li ma jkunux skadew għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2010 jew wara. Entità għandha tapplika l-emenda għall-paragrafu AG30(g) għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2010 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-emenda għal perijodu aktar bikri hija għandha tiżvela dak il-fatt.

108C

Il-paragrafi 9, 73 u AG8 ġew emendati u l-paragrafu 50A ġie miżjud bit-Titjib fl-IFRSs maħruġ f’Mejju 2008. Il-paragrafu 80 ġie emendat mit-Titjib fl-IFRSs maħruġ f’April 2009. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2009 jew wara. Entità għandha tapplika l-emendi fil-paragrafi 9 u 50A sa mid-data u bil-mod kif applikat l-emendi tal-2005 deskritti fil-paragrafu 105A. Applikazzjoni aktar bikrija tal-emendi kollha hija permessa. Jekk entità tapplika l-emendi għal perijodu aktar bikri hija għandha tiżvela dak il-fatt.

Emenda għall-gwida għall-applikazzjoni tal-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl

Il-paragrafu AG30(g) huwa emendat.

DERIVATI MDEFFSA (IL-PARAGRAFI 10-13)

AG30

Il-karatteristiċi u r-riskji ekonomiċi ta' derivat imdeffes mhumiex relatati mill-qrib mal-kuntratt ospitanti (il-paragrafu 11(a)) fl-eżempji li ġejjin. F'dawn l-eżempji, filwaqt li wieħed jassumi li l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 11(b) u (ċ) huma sodisfatti, entità għandha, fil-kotba tagħha, tittratta d-derivat imdeffes separatament mill-kuntratt ospitanti.

(g)

Opzjoni ta’ xiri, opzjoni put jew opzjoni ta’ ħlas bil-quddiem imdeffsa f'kuntratt ta' debitu ospitanti jew f’kuntratt tal-assigurazzjoni ospitanti mhix relatata fil-qrib mal-kuntratt li jospitaha ħlief jekk:

(i)

il-prezz tal-eżerċizzju tal-opzjoni hu bejn wieħed u ieħor ugwali f'kull data ta’ eżerċizzju għall-kost amortizzat tal-istrument ta' debitu ospitanti jew għall-ammont miżmum fil-kotba tal-kuntratt tal-assigurazzjoni ospitanti; jew

(ii)

il-prezz tal-eżerċizzju ta’ opzjoni ta’ ħlas bil-quddiem jirrimborża lis-sellief b’ ammont li jista’ jilħaq il-valur preżenti approssimattiv ta’ mgħax mitluf għat-terminu li jkun fadal tal-kuntratt ospitanti. L-imgħax mitluf huwa l-prodott tal-ammont ta’ kapital imħallas bil-quddiem immultiplikat bid-differenzjali tar-rata tal-imgħax. Id-differenzjali tar-rata tal-imgħax hija l-eċċess tar-rata effettiva tal-imgħax tal-kuntratt ospitanti fuq ir-rata effettiva tal-imgħax li l-entità kienet tirċievi fid-data tal-ħlas bil-quddiem kieku hija tkun investiet mill-ġdid l-ammont tal-kapital imħallas bil-quddiem f’kuntratt simili għat-terminu li jkun fadal tal-kuntratt ospitanti.

Il-valutazzjoni ta’ jekk l-opzjoni ta’ xiri jew l-opzjoni put hijiex relatata mill-qrib mal-kuntratt ta’ debitu ospitanti ssir qabel ma jiġi sseparat l-element ta’ ekwità ta’ strument konvertibbli ta’ debitu skont l-IAS 32.

(h)

Emenda għall-IFRIC 9 Rivalutazzjoni ta' Derivati Mdeffsa

Il-paragrafu 5 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 11.

AMBITU

5

Din l-interpretazzjoni ma tapplikax għal derivati mdeffsa f’kuntratti akkwistati:

(a)

f’kombinament ta’ negozji (kif iddefinit fl-IFRS 3 Kombinamenti ta’ Negozji kif irrevedut fl-2008);

(b)

f’kombinament ta’ entitajiet jew negozji taħt kontroll komuni kif deskritt fil-paragrafi B1-B4 tal-IFRS 3 (rivedut fl-2008); jew

(ċ)

fil-formazzjoni ta’ impriża konġunta kif iddefinita fl-IAS 31 Interessi f’Impriżi Konġunti

jew ir-rivalutazzjoni possibbli tagħhom fid-data tal-akkwiżizzjoni (1).

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

11

Il-paragrafu 5 ġie emendat mit-Titjib fl-IFRSs maħruġ f’April 2009. Entità għandha tapplika dik l-emenda prospettivament għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta' Lulju 2009 jew wara. Jekk entità tapplika l-IFRS 3 (kif rivedut fl-2008) għal perijodu aktar bikri, hija għandha tapplika l-emendi għal dak il-perijodu aktar bikri u tiżvela dak il-fatt.

Emenda għall-Interpretazzjoni 16 tal-IFRIC Hedges ta' Investiment Nett f'Operazzjoni Barranija

Il-paragrafi 14 u 18 huma emendati.

KONSENSUS

Fejn jista’ jinżamm l-istrument tal-hedging

14

Strument derivat kif ukoll wieħed mhux derivat (jew kombinament ta’ strumenti derivati u mhux derivati) jista’ jiġi ddenominat bħala strument ta’ hedging f’hedge ta’ investiment nett f’operazzjoni barranija. L-istrument(i) tal-hedging jista’/jistgħu jinżamm(u) minn entità jew entitajiet fi ħdan il-grupp, kemm-il darba jkunu ssodisfati r-rekwiżiti tad-denomina, dokumentazzjoni u effettività tal-IAS 39 paragrafu 88 li jirrigwardaw hedge ta’ investiment nett. B’mod partikolari, l-istrateġija tal-hedging tal-grupp għandha tiġi ddokumentata b’mod ċar minħabba l-possibbiltà ta’ denomini differenti f’livelli differenti tal-grupp.

DATA EFFETTIVA

18

Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni għall-perijodi annwali li jibdew fl-1 ta' Ottubru 2008 jew wara. Entità għandha tapplika l-emenda għall-paragrafu 14 li saret permezz tat-Titjib fl-IFRSs maħruġ f’April 2009 għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Lulju 2009 jew wara. Applikazzjoni iktar bikrija tat-tnejn li huma hija permessa. Jekk entità tapplika din l-Interpretazzjoni għal perijodu li jibda qabel l-1 ta' Ottubru 2008, jew l-emenda għall-paragrafu 14 qabel l-1 ta’ Lulju 2009, hija għandha tiżvela dak il-fatt.


(1)  IFRS 3 (kif rivedut fl-2008) jindirizza l-akkwiżizzjoni ta’ kuntratti b’derivati mdeffsa f’kombinament ta’ negozji