27.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 165/2010

tas-26 ta’ Frar 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel fir-rigward tal-aflatossini

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (2), jiffissal-livelli massimi għall-aflatossina B1 u t-totali tal-aflatossini (l-aflatossini B1 + G1 + B2 + G2) f’medda ta’ oġġetti tal-ikel.

(2)

Tinħtieġ l-emenda ta’ ċerti livelli massimi tal-aflatossini f’ċerti oġġetti tal-ikel minħabba żviluppi li saru fil-Codex Alimentarius u informazzjoni ġdida li ħarġet minn pariri xjentifiċi riċenti.

(3)

Il-Codex Alimentarius stabbilixxa livell ta’ 15 μg/kg total ta’ aflatossini fil-lewż, fil-ġellewż u fil-pistaċċi li huma maħsubin għal iżjed ipproċessar, u livell ta’ 10 μg/kg total ta’ aflatossini fil-lewż, fil-ġellewż u fil-pistaċċi li huma lesti biex jittieklu “ready-to-eat” (3).

(4)

Il-Bord Xjentifiku dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari (il-Bord tal-CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) fil-25 ta’ Jannar 2007 adotta opinjoni dwar iż-żieda potenzjali tar-riskju għas-saħħa tal-konsumatur minn possibbiltà ta’ żieda tal-livelli massimi għall-aflatossini fil-lewż, fil-ġellewż u fil-pistaċċi u f’prodotti derivattivi tagħhom (4). Il-Bord tal-CONTAM ikkonkluda li bidla fil-livelli massimi għat-totali tal-aflatossini minn 4 sa 8 jew 10 μg/kg fil-lewż, il-ġellewż u l-pistaċċi jkollha effetti minimi fuq l-estimi tal-esponiment mill-ikel, tar-riskju ta’ kanser u fuq il-Marġini kkalkolati tal-Esponiment (Margins of Exposure - MOEs). Il-Bord ikkonkluda wkoll li l-esponiment għall-aflatossini minn kwalunkwe sors għandu jkun baxx kemm jista’ jkun, għaliex l-aflatossini huma ġenotossiċi u karċinoġeniċi. Id-dejta turi li jista’ jinkiseb tnaqqis fl-esponiment totali għall-aflatossini mid-dieta jekk jitnaqqas mis-suq in-numru ta’ oġġetti tal-ikel b’ kontaminazzjoni għolja, permezz ta’ infurzar iżjed effikaċi u billi jitnaqqas l-esponiment minn sorsi ta’ ikel oħra minbarra l-lewż, il-ġellewż u l-pistaċċi.

(5)

Fis-16 ta’ Ġunju 2009 il-Bord tal-CONTAM adotta stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa pubblika ta’ żieda fil-livelli totali ta’ aflatossini minn 4 μg/kg għal 10 μg/kg fil-ġewż tas-siġar minbarra l-lewż, il-ġellewż u l-pistaċċi (5). Il-Bord ikkonkluda li fuq l-informazzjoni disponibbli fl-2007, is-saħħa pubblika ma tkunx affettwata ħażin jekk il-livelli totali għall-aflatossini jiżdiedu minn 4 μg/kg għal 10 μg/kg għal ġewż oħra tas-siġar, inklużi l-ġewż tal-Brażil. Fid-dawl tad-diskussjonijiet li għaddejjin fil-Codex Alimentarius dwar il-livelli massimi għall-aflatossini fil-ġewż tal-Brażil, huwa xieraq li l-livell għall-aflatossini fil-ġewż tal-Brazil ikun allinjat mal-livell tal-Codex għal-lewż, il-ġellewż u l-pistaċċi.

(6)

Il-Codex Alimentarius stabbilixxa biss livell massimu għat-total tal-aflatossini. Il-livell korrispondenti għall-aflatossina B1 ġie stabbilit permezz tal-bank tad-dejta dwar l-inċidenza tal-aflatossini fl-ikel li ntuża mill-EFSA għall-valutazzjoni tal-esponiment.

(7)

Fl-opinjoni tal-EFSA dwar l-aflatossini huwa nnotat li ż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti derivattivi tagħhom huma kontributur importanti tal-esponiment tal-bniedem għall-aflatossini. L-EFSA kkonkludiet li l-esponiment għall-aflatossini minn kull sors għandu jkun baxx kemm hu raġonevolment possibbli. Barra minn hekk, notifiki fis-Sistema tat-Twissija Rapida għall-ikel u l-għalf (RASFF) jindikaw livelli għoljin ta’ aflatossini fiż-żrieragħ taż-żejt bħaż-żerriegħa tal-ġirasol, iż-żerriegħa tal-bettiegħ, eċċ. Għaldaqstant ġie propost li għandu jkun iffissat livell massimu għaż-żrieragħ taż-żejt barra l-ġewż tal-art (il-karawett), korrispondenti għal-livelli massimi li hemm għall-ġewż tal-art (il-karawett). Iżda, billi l-aflatossini jitneħħew kważi kompletament bil-proċess li biħ isiru ż-żjut veġetali rfinuti, huwa xieraq li jitħallew barra ż-żrieragħ taż-żejt, inklużi l-ġewż tal-art (il-karawett), li jkunu maħsubin biex jitfarrku għall-produzzjoni taż-żejt veġetali rfinut u mhux irfinut.

(8)

Ġie ffissat livell massimu ta’ 2 μg/kg għall-aflatossina B1 u 4 μg/kg għat-total tal-aflatossini fiċ-ċereali u l-prodotti derivattivi tagħhom kollha, minbarra l-qamħirrum, li jrid jiġi magħżul jew ittrattat b’xi mod fiżiku ieħor qabel ma jkun rilaxxat għall-konsum mil-bniedem u li għalih ġie ffissat livell massimu ta’ 5 μg/kg għall-aflatoxina B1 u 10 μg/kg għat-total ta’ afflatossini. Ir-ross bil-ħliefa dejjem ikun fih livelli ta’ aflatossini daqsxejn ogħla mil-livelli massimi. Wara t-tneħħija tal-ħliefa, il-livelli tal-aflatossini fir-ross abjad ikunu inqas mil-livelli massimi. Għalhekk jixraq li r-ross jiġi ttrattat bl-istess mod bħall-qamħirrum, u li jiġi ffissat livell massimu ogħla għall-aflatossina B1 u għat-total tal-aflatossini għar-ross li jkun maħsub biex jintagħżel, jew isirlu xi trattament fiżiku ieħor, qabel ma jiġi kkunsmat mill-bniedem jew jintuża bħala ingredjent fl-oġġetti tal-ikel.

(9)

Il-livelli massimi jirriferu għall-parti li tittiekel tal-ġewż tas-siġar. Iżda hemm evidenza xjentifika riċenti li turi li parti mill-kontaminazzjoni bl-aflatossini qiegħda fuq il-qoxra tal-ġewż tal-Brażil. Għalhekk jixraq li tkun emendata n-nota ta’ qiegħ il-paġna fl-Anness, biex turi l-proċedura li għandha ssir jekk ikunu analizzati l-ġewż tas-siġar “fil-qoxra”, biex tkun meqjusa din l-informazzjoni xjentifika riċenti.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġewż tal-art, iż-żrieragħ taż-żejt, il-frott imnixxef u l-qamħirrum

Il-ġewż tal-art (il-karawett), żrieragħ oħra taż-żejt, il-ġewż tas-siġar, il-frott imnixxef, ir-ross u l-qamħirrum li ma jikkonformawx mal-livelli massimi relevanti tal-alfatossini stipulati fil-punti 2.1.5, 2.1.6, 2.1.7, 2.1.8, 2.1.10 u 2.1.11 tal-Anness jistgħu jitqiegħdu fis-suq bil-kondizzjoni li dawn l-oġġetti tal-ikel:

(a)

ma jkunux maħsuba għall-konsum dirett mill-bniedem jew bħala ingredjenti f’oġġetti tal-ikel;

(b)

jikkonformaw mal-livelli massimi relevanti stipulati fil-punti 2.1.1, 2.1.2, 2.1.3, 2.1.4, 2.1.9 u 2.1.12 tal-Anness;

(c)

ikunu soġġetti għal trattament li jinvolvi l-għażla jew xi trattament fiżiku ieħor u li wara dan it-trattament il-livelli massimi stipulati fil-punti 2.1.5, 2.1.6 u 2.1.7, 2.1.8, 2.1.10 u 2.1.11 tal-Anness ma jinqabżux, u li dan it-trattament ma jirriżultax f’residwi oħrajn li jagħmlu ħsara;

(d)

ikunu ttikkettati b’mod ċar, li juri l-użu tagħhom bl-indikazzjoni, “il-prodott għandu jiġi magħżul jew se jsirlu xi trattament fiżiku ieħor biex titnaqqaslu l-kontaminazzjoni bl-aflatossini qabel ma jitħalla għall-konsum mill-bniedem jew jintuża bħala ingredjent f’oġġetti tal-ikel”. Din l-indikazzjoni għandha tkun inkluża fuq it-tikketta ta’ kull pakkett, kaxxa eċċ individwali, jew fuq id-dokument oriġinali li jintbagħat mal-konsenja. Il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-konsenja/lott għandu jkun immarkat b’mod indellibbli fuq kull pakkett/kaxxa individwali tal-konsenja u fuq id-dokument oriġinali li jintbagħat magħha.”

(2)

L-Artikolu 5 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġewż tal-art(il-karawett), żrieragħ oħra taż-żejt, il-prodotti dderivati minnhom u ċ-ċereali

Indikazzjoni ċara dwar l-użu maħsub għandha tidher fuq it-tikketta ta’ kull pakkett individwali, kaxxa, eċċ. jew fuq id-dokument oriġinali li jintbagħat mal-konsenja. Dan id-dokument għandu jkollu konnessjoni ċara mal-konsenja permezz tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-konsenja, li tinsab fuq kull pakkett individwali, fuq kull kaxxa, eċċ. tal-konsenja. Barra minn hekk l-attività kummerċjali tad-destinatarju tal-konsenja li tkun indikata fid-dokument ta’ mal-konsenja, għandha tkun waħda kompatibbli mal-użu maħsub.

Fl-assenza ta’ indikazzjoni ċara li l-użu maħsub tagħhom mhux għall-konsum mill-bniedem, il-livelli massimi stipulati fil-punti 2.1.5 u 2.1.11 tal-Anness għandhom japplikaw għall-ġewż tal-art (il-karawett) kollu, għaż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti dderivati minnhom u ċ-ċereali li jinsabu fis-suq.

Fir-rigward tal-eċċezzjoni tal-ġewż tal-art (il-karawett) u żrieragħ oħra taż-żejt li jkunu maħsuba għat-tifrik u l-applikazzjoni tal-livelli massimi stipulati fil-punt 2.1.1 tal-Anness, l-eċċezzjoni tapplika biss għal konsenji li jkollhom tikketta ċara li tindika l-użu li huma maħsuba għalih u li jkun fiha l-kliem “dan il-prodott maħsub għat-tifrik għall-produzzjoni taż-żejt veġetali rfinut”. Din l-indikazzjoni għandha tidher fuq it-tikketta ta’ kull pakkett, kaxxa eċċ individwali u fuq id-dokument(i) oriġinali li jasal/jaslu mal-konsenja. Id-destinazzjoni finali trid tkun impjant tat-tħin.”

(3)

L-Anness huwa emendat kif ġej:

(a)

is-sottosezzjoni 2.1 (l-Aflatossini) tinbidel bit-test li hemm fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(b)

in-nota f’qiegħ il-pagna 5 hija mibdula b’dan li ġej:

“(5)

Il-livelli massimi jirriferu għall-parti li tittiekel tal-ġewż tal-art (il-karawett) u tal-ġewż tas-siġar. Jekk jiġu analizzati l-ġewż tal-art (il-karawett) u l-ġewż tas-siġar “bil-qoxra”, wieħed jista’ jassumi meta jiġi kkalkolat il-kontenut tal-alfatossini li l-kontaminazzjoni kollha tinsab fil-parti li tittiekel ħlief fil-każ tal-ġewż tal-Brażil.”

(c)

in-noti ta’ qiegħ il-paġna li ġejjin jiżdiedu:

“(40)

Żrieragħ taż-żejt li jidħlu fl-ambitu tal-kodiċi NM 1201, 1202, 1203, 1204, 1205, 1206, 1207 u l-prodotti dderivati NM 1208; żrieragħ tal-bettiegħ jidħlu taħt il-kodiċi ex 1207 99.

(41)

Fil-każ li l-prodotti dderivati minnhom/ipproċessati tagħhom ikunu dderivati/pproċessati biss mill-ġewż tas-siġar ikkonċernati, il-livelli massimi kif inhuma ffissati għall-ġewż tas-siġar korrispondenti japplikaw ukoll għall-prodotti dderivati/pproċessati. F’każi oħra, l-Artikoli 2(1) u 2(2) japplikaw għall-prodotti dderivati/pproċessati.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-għadma tal-berquqa, għaż-żrieragħ taż-żejt minbarra l-ġewż tal-art (il-karawett) u l-prodotti tagħhom ipproċessati, li tqiegħdu fis-suq qabel id-data ta’ applikazzjoni b’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli f’din id-data.

Il-piż tal-prova dwar meta l-prodotti tqiegħdu fis-suq għandu jinġarr mill-operatur tan-negozju tal-ikel.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għaxar jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5.

(3)  L-Istandard Ġenerali tal-Codex għas-sustanzi Kontaminanti u t-tossini fl-ikel (CODEX STAN 193-1995) http://www.codexalimentarius.net/download/standards/17/CXS_193e.pdf

(4)  The EFSA Journal (2007) 446, 1-127. http://www.efsa.europa.eu/cs/BlobServer/Scientific_Opinion/CONTAM%20_op_ej446_aflatoxins_en.pdf?ssbinary = true

(5)  Stqarrija tal-Bord Xjentifiku dwar l-aġenti ta’ kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq it-talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-effetti fuq is-saħħa pubblika ta’ żieda fil-livelli tal-aflatossini totali minn 4 μg/kg għal 10 μg/kg fil-ġewż tas-siġar minbarra l-lewż, il-ġellewż u l-pistaċċi. The EFSA Journal (2009) 1168, 1-11. http://www.efsa.europa.eu/cs/BlobServer/Statement/contam_statement_ej1168_aflatoxin_other_treenuts_en,0.pdf?ssbinary = true


ANNESS

Oġġetti tal-ikel (1)

Livelli massimi (μg/kg)

“2.1.

Aflatossini

B1

Is-somma ta’ B1, B2, G1 u G2

M1

2.1.1.

Ġewż tal-art (il-karawett) u żrieragħ oħra taż-żejt (40) li għandhom jiġu magħżulin, jew jingħataw xi trattament fiżiku ieħor, qabel ma jiġu kkunsmati mill-bniedem jew jintużaw bħala ingredjent fl-oġġetti tal-ikel

minbarra:

il-ġewż tal-art (il-karawett) u żrieragħ oħra taż-żejt għat-tifrik fil-produzzjoni taż-żejt veġetali rfinut

8,0 (5)

15,0 (5)

2.1.2.

Il-lewż, il-pistaċċi u l-għadma tal-berquqa li se jiġu magħżulin jew jingħataw xi trattament fiżiku ieħor, qabel ma jiġu kkunsmati mill-bniedem jew jintużaw bħala ingredjent fl-oġġetti tal-ikel

12,0 (5)

15,0 (5)

2.1.3.

Il-ġellewż u l-ġewż tal-Brażil li se jiġu magħżulin, jew jingħataw xi trattament fiżiku ieħor qabel ma jiġu kkunsmati mill-bniedem jew jew jintużaw bħala ingredjent fl-oġġetti tal-ikel

8,0 (5)

15,0 (5)

 

2.1.4.

Il-ġewż tas-siġar, minbarra dawk elenkati fi 2.1.2 u 2.1.3, li għandhom jiġu magħżulin, jew jingħataw xi trattament fiżiku ieħor, qabel ma jiġu kkunsmati mill-bniedem jew jintużaw bħala ingredjent fl-oġġetti tal-ikel

5,0 (5)

10,0 (5)

2.1.5.

Il-ġewż tal-art (il-karawett) u żrieragħ taż-żejt oħra (40) u l-prodotti pproċessati tagħhom, maħsuba għall-konsum dirett mill-bniedem jew biex jintużaw bħala ingredjent fl-oġġetti tal-ikel,

minbarra:

iż-żjut veġetali mhux irfinuti li huma maħsuba biex ikunu rfinuti

iż-żjut veġetali rfinuti

2,0 (5)

4,0 (5)

2.1.6.

Il-lewż, il-pistaċċi u l-għadam tal-berquq li huma maħsubin biex jiġu kkunsmati direttament mill-bniedem jew jintużaw bħala ingredjent fl-oġġetti tal-ikel (41)

8,0 (5)

10,0 (5)

2.1.7.

Il-ġellewż u l-ġewż tal-Brażil li huma maħsubin biex jiġu kkunsmati direttament mill-bniedem jew jintużaw bħala ingredjent fl-oġġetti tal-ikel (41)

5,0 (5)

10,0 (5)

 

2.1.8.

Il-ġewż tas-siġar, minbarra dawk elenkati fit-2.1.6 u t-2.1.7, u l-prodotti pproċessati tagħhom, li huma maħsuba biex jiġu kkunsmati mill-bniedem jew jintużaw bħala ingredjent fl-oġġetti tal-ikel

2,0 (5)

4,0 (5)

2.1.9.

Il-frott imnixxef li hu maħsub biex jintgħażel, jew isirlu xi trattament fiżiku ieħor, qabel ma jiġi kkunsmat mill-bniedem jew jintuża bħala ingredjent fl-oġġetti tal-ikel

5,0

10,0

2.1.10.

Il-frott imnixxef u l-prodotti pproċessati tiegħu, maħsub għall-konsum dirett mill-bniedem jew biex jintuża bħala ingredjent fl-oġġetti tal-ikel

2,0

4,0

2.1.11.

Iċ-ċereali kollha u l-prodotti kollha li huma dderivati miċ-ċereali, inklużi l-prodotti taċ-ċereali pproċessati, ħlief l-oġġetti tal-ikel elenkati fit-2.1.12, it-2.1.15 u t-2.1.17

2,0

4,0

2.1.12.

Il-qamħirrum u r-ross li huwa maħsub biex jiġi magħżul jew jingħata xi trattament fiżiku ieħor qabel ma jiġi kkunsmat mill-bniedem jew jintuża bħala ingredjent fl-oġġetti tal-ikel

5,0

10,0

2.1.13.

Il-ħalib nej (6), il-ħalib ittrattat bis-sħana u l-ħalib għall-manifattura tal-prodotti bbażati fuq ħalib

0,050

2.1.14.

L-ispeċi ta’ ħwawar li ġejjin:

 

Capsicum spp (il-frott imnixxef tiegħu, sħiħ jew mitħun, inkluż il-bżar aħmar jaħraq, it-trab tal-bżaru, il-cayenne u l-paprika)

 

Piper spp (il-frott tiegħu, inkluż il-bżar abjad u iswed)

 

Myristica fragrans (in-noċemuskata)

 

Zingiber officinale (il-ġinġer)

 

Curcuma longa (iż-żagħfran tal-Indja)

Taħlitiet ta’ ħwawar li fihom waħda jew aktar mill-ħwawar imsemmija hawn fuq

5,0

10,0

2.1.15.

Ikel ipproċessat b’bażi ta’ ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar (3), (7)

0,10

2.1.16.

Formula għat-trabi u formula għal dawk it-trabi li qabżu s-sitt xhur, inklużi l-ħalib tat-trabi u l-ħalib tat-trabi ta’ iktar minn sitt xhur (4), (8)

0,025

2.1.17.

Ikel tad-dieta għal raġunijiet mediċi speċjali (9), (10) maħsub speċifikament għat-trabi

0,10

0,025 ”