25.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 48/5 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 153/2010
tat-23 ta’ Frar 2010
dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura statistika u tariffarja u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u speċjalment l-Artikolu 9(1)(a), tiegħu,
Billi:
(1) |
Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti. |
(3) |
Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna nru (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikata fil-kolonna nru (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna nru (3) ta’ dik it-tabella. |
(4) |
Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2). |
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament tfasslu b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.
Artikolu 2
Informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tista’ tibqa’ tkun invokata għal perjodu ta’ tliet xhur taħt l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fit-totalità tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2010.
Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,
Algirdas ŠEMETA
Membru tal-Kummissjoni
(2) ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.
ANNESS
Deskrizzjoni tal-prodotti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) |
Raġunijiet |
(1) |
(2) |
(3) |
Prodott fil-forma ta’ dak li jissejjaħ “ktieb pop-up” li fih paġni stampati tal-kartuna, li tnejn minnhom fihom test limitat relatat ma’ attività tal-logħob. Il-ktieb jikkonsisti minn sitt paġni oħra li, kif jinfetħu, jipproduċu rappreżentazzjoni bi tliet dimensjonijiet ta’ diversi sezzjonijiet ta’ stazzjoni spazjali. Il-ktieb jinkorpora wkoll paġna li fiha figuri bil-wiefqa magħmulin mill-kartuna, li jistgħu jinqalgħu minn mall-paġna u jiġu inseriti f’partijiet differenti ta’ stazzjon spazjali. |
9503 00 99 |
Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 1(c) ta’ Kapitolu 49 u bil-kliem tal-kodiċi NM 9503 00 u 9503 00 99 . B’kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi tiegħu (kif inhu magħmul), l-użu maħsub tal-prodott huwa essenzjalment għal-logħob. Kotba tat-tfal bi stampi, li fihom figuri bil-wiefqa jew mobbli jew porzjonijiet li jistgħu jinqatgħu minn mall-paġna, għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 4903 (Kotba tat-tfal bi stampi jew biex tpinġi fuqhom), sakemm il-prodott mhuwiex essenzjalment ġugarell. Prodotti li huma ġugarell għandhom ikunu esklużi mill-intestatura 4903 u għandhom ikunu kklassifikati f’Kapitolu 95 (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għall-intestatura 4903 ). Prodotti mill-Kapitolu 95 huma esklużi mill-Kapitolu 49 bis-saħħa tan-Nota 1 (c) għall-Kapitolu 49 Għalhekk il-prodott għandu jiġi kklassifikat bħala ġugarell taħt l-intestatura 9503 . |