3.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 31/4 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 92/2010
tat-2 ta’ Frar 2010
li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward ta’ skambju ta’ dejta bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali, il-kompilazzjoni tal-istatistika u l-valutazzjoni tal-kwalità
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(3), Artikolu 8(3) u l-Artikolu 9(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statistika Ewropea rigward il-kummerċ ta’ merkanzija ma’ pajjiżi li mhumiex membri. |
(2) |
Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-proċeduri għall-iskambju tad-dejta bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali biex jiġi żgurat il-ġbir komprensiv tal-istatistika kummerċjali esterna. |
(3) |
Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet fuq il-kumpilazzjoni ta’ statistiċi ta’ kull xahar biex jinkisbu riżultati armonizzati u komparabbli mill-Istati Membri kollha, inklużi regoli għall-aġġustamenti ta’ dokumentazzjoni mdewma jew mhux kompluta u dejta affettwata b’dispożizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità. |
(4) |
Sabiex tkun tista’ tiġi valutata l-kwalità tal-istatistika trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat), huma meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni rigward il-modalitajiet u l-istruttura tar-rapport ta’ kwalità. |
(5) |
Il-miżuri provvduti f’dan ir-Regolament huma fi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Istatistka li għandha x’taqsam mal-kummerċ ta’ merkanzija ma’ pajjiżi li mhumiex Membri, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Modalitajiet ta’ skambju ta’ dejta bejn awtoritajiet doganali u awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali
1. L-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali tagħhom mingħajr dewmien u mhux aktar tard mix-xahar ta’ wara x-xahar li fih ġew aċċettati d-dikjarazzjonijiet doganali jew li fih dawn kienu suġġetti għal deċiżjonijiet doganali marbuta magħhom, id-dokumentazzjoni fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni msejsa fuq id-dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati magħhom.
2. B’effett mid-data tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-iskambju reċiproku ta’ dejta b’mezzi elettroniċi skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009, l-awtoritajiet doganali għandhom jipprovdu ta’ kuljum kopji tad-dejta mid-dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati magħhom lill-awtorità doganali tal-Istat Membru indikat fuq id-dokumentazzjoni bħala:
(a) |
l-Istat Membru tad-destinazzjoni aħħarija, fuq l-importazzjoni, |
(b) |
l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali, fuq l-esportazzjoni. |
L-awtorità doganali fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, fuq l-importazzjoni, u l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali, fuq l-esportazzjoni, għandhom jibagħtu d-dokumentazzjoni tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni minn dawn id-dikjarazzjonijiet doganali mingħajr dewmien, u mhux aktar tard mix-xahar ta’ wara x-xahar li fih id-dikjarazzjonijiet doganali ġew aċċettati jew kienu suġġetti għal deċiżjonijiet doganali marbuta magħhom, lill-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali tagħhom.
3. L-awtoritajiet doganali għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali dokumentazzjonijiet riveduti dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fejn id-dejta tal-istatistika diġà provduta hija emendati jew mibdula.
4. L-awtoritajiet doganali għandhom jivverifikaw, fuq talba tal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali, il-korrettezza u l-kompletezza tad-dokumentazzjonijiet dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet pprovduti minnhom.
Artikolu 2
Kompilazzjoni ta’ statistika Ewropea dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ merkanzija
1. L-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali għandhom jikkompilaw l-istatistika ta’ kull xahar minn:
(a) |
dokumentazzjonijiet dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet previsti mill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 1; |
(b) |
dejta pprovduta mill-operatur ekonomiku fil-każ ta’ simplifikazzjonijiet doganali skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009; |
(c) |
sorsi ta’ dejta għall-prodotti u spostamenti speċifiċi skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009. |
2. L-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali għandhom jikkompilaw l-istatistiċi kummerċjali esterni ta’ kull xahar skont:
(a) |
l-Istat Membru tal-kompilazzjoni, waqt li jindikaw l-istatistiċi kummerċjali esterni rrapurtati minn dak l-Istat Membru lill-Eurostat; |
(b) |
il-perjodu ta’ referenza; |
(c) |
il-fluss tal-kummerċ; |
(d) |
il-valur tal-istatistika fil-munita nazzjonali mingħajr deċimali; |
(e) |
il-kwantità espressa f’kg mingħajr deċimali; |
(f) |
il-kwantità espressa f’unitajiet supplimentari; |
(g) |
il-kodiċi tal-merkanzija; |
(h) |
l-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni doganali tiġi ppreżentata; |
(i) |
l-Istat Membru tad-destinazzjoni fuq l-importazzjoni. Madankollu, għal dawk id-dokumentazzjonijiet ta’ importazzjoni fejn id-dejta doganali fuq l-Istat Membru ta’ destinazzjoni ma tkunx disponibbli, il-kodiċi tal-pajjiż QV għandu jkun indikat meta jkun preżunt li l-Istat Membru tad-destinazzjoni hu differenti mill-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni doganali hija ippreżentata; |
(j) |
l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali fuq l-esportazzjoni. Madankollu, għal dawk id-dokumentazzjonijiet ta’ esportazzjoni fejn id-dejta doganali fuq l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali ma tkunx disponibbli, il-kodiċi tal-pajjiż QV għandu jkun indikat meta jkun preżunt li l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali hu differenti mill-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni doganali hija ippreżentata; |
(k) |
il-pajjiż tal-oriġini fuq l-importazzjoni; |
(l) |
il-pajjiż tal-kunsinna/dispaċċ fuq l-importazzjoni. Madankollu, jekk il-pajjiż tal-kunsinna/dispaċċ huwa Stat Membru, il-pajjiż ta’ oriġini għandu jkun indikat jekk ma jkunx fl-UE jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jintuża l-kodiċi tal-pajjiż QW; |
(m) |
il-pajjiż tad-destinazzjoni l-aħħar magħrufa fuq l-esportazzjoni; |
(n) |
il-proċedura statistika; |
(o) |
in-natura tal-kodiċi ta’ tranżazzjoni b’wieħed jew b’żewġ numri. Madankollu, għal dawk id-dokumentazzjonijiet doganali fejn id-dejta dwar in-natura tat-tranżazzjoni ma tkunx disponibbli, il-kodiċi 0 għandu jiġi indikat fuq livell ta’ numru wieħed; |
(p) |
il-kodiċi mogħti preferenza fuq l-importazzjoni; |
(q) |
il-metodu ta’ trasport fuq il-fruntiera; |
(r) |
il-mod tat-trasport; |
(s) |
il-kontejner. |
3. L-istatistiċi għandu jkun fihom aġġustamenti fuq id-dokumentazzjonijiet imdewma jew mhux kompluti. L-aġġustamenti għandhom jindikaw il-valur statistiku mill-inqas b’tqassim skont il-pajjiż imsieħeb, il-kodiċi tal-merkanzija fil-livell tal-kapitolu tan-Nomenklatura Magħquda u l-perjodu ta’ referenza ta’ kull xahar. L-aġġustamenti għandhom ikunu abbażi ta’ metodi ta’ evalwazzjoni jew metodi xjentifiċi sodi u kompetenti.
4. L-Istati Membri jistgħu jiġbru informazzjoni inqas dettaljata minn dik speċifikata fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009 għal tranżazzjonijiet individwali taħt il-limitu tal-valur statistiku. Madankollu, bħala minimu, id-dejta dwar il-valur statistiku totali ta’ kull xahar kemm tal-importazzjonijiet kif ukoll tal-esportazzjonijiet għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat).
5. L-istatistiċi għandu jkun fihom dejta protetta mid-dispożizzjonijiet tal-kunfidenzjalità fl-Istat Membru tal-kompilazzjoni. L-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali għandhom jimmarkaw id-dejta li għandha tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali b’tali mod li jkun possibbli li l-informazzjoni tixxerred, għall-inqas fuq il-livell tal-kapitolu tan-Nomenklatura Magħquda, sakemm il-kunfidenzjalità tibqa’ b’hekk żgurata.
Artikolu 3
Evalwazzjoni tal-kwalità
1. F’konformità mal-kriterji ta’ kwalità definiti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha twettaq evalwazzjoni annwali tal-kwalità bbażata fuq indikaturi tal-kwalità u l-ħtiġiet miftiehma minn qabel mal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali.
2. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprepara abbozz ta’ rapport ta’ kwalità parzjalment mimli minn qabel għal kull Stat Membru. Abbozzi ta’ rapporti ta’ kwalità għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri sat-30 ta’ Novembru, wara s-sena ta’ referenza.
3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bir-rapporti tal-kwalità tagħhom kompluti fi żmien tmien ġimgħat mill-wasla tal-abbozzi ta’ rapporti ta’ kwalità mimlija minn qabel.
4. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità tal-istatistika trażmessa abbażi tar-rapporti ta’ dejta u ta’ kwalità pprovduti mill-Istati Membri u għandha tipprepara rapport ta’ valutazzjoni għal kull Stat Membru.
5. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprepara u tqassam sommarju tar-rapport ta’ kwalità li jkopri l-Istati Membri kollha. Dan ikun jinkludi l-indikaturi ewlenin ta’ kwalità u l-informazzjoni miġbura permezz tar-rapporti ta’ kwalità.
Artikolu 4
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 152, 16.6.2009, p. 23.