28.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 77/2010

tad-19 ta’ Jannar 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 452/2007 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), li jħassar ir-Regolament 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”), u b’ mod partikolari l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Il-miżuri attwalment fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) huma dazji antidumping definittivi imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) 452/2007 (3). Skont l-istess Regolament, id-dazji antidumping ġew imposti wkoll fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw mill-Ukraina.

B.   L-INVESTIGAZZJONI ATTWALI

1.   Talba għal reviżjoni

(2)

Din ir-reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” tnediet fuq il-bażi ta’ talba li tressqet, flimkien mal-informazzjoni pprovduta, minn Greenwood Houseware (Zhuhai) Ltd, (“l-applikant” jew “Greenwood Houseware”), esportatur mir-RPĊ. L-applikant stqarr li din ma kellha x’taqsam mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri ta’ antidumping fis-seħħ fir-rigward ta’ twavel għall-mogħdija. Barra minn hekk, huwa stqarr li ma kienx esporta t-twavel għall-mogħdija lejn il-Komunità matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali (il-PI oriġinali, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2005), iżda li kien beda jesporta t-twavel għall-mogħdija lejn l-Unjoni minn din id-data ‘l quddiem.

2.   Bidu ta’ reviżjoni ta’ “esportatur ġdid”

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza mressqa mill-applikant u kkunsidratha biżżejjed biex tiġġustifika li jingħata bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, u wara li l-industrija tal-Unjoni ngħatat l-opportunità li tikkummenta, il-Kummissjoni bdiet, permezz tar-Regolament (KE) Nru 356/2009 (4), reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 452/2007 rigward l-applikant, u bdiet l-investigazzjoni tagħha.

(4)

Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni li jagħti bidu għar-reviżjoni, id-dazju ta’ antidumping ta’ 38,1 % impost bir-Regolament (KE) Nru 452/2007 fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija prodotti mill-applikant ġie mħassar. Fl-istess waqt, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet doganali ġew mitluba jieħdu l-passi meħtieġa biex jirreġistraw importazzjonijiet bħal dawn.

3.   Il-prodott ikkonċernat

(5)

Il-prodott ikkonċernat permezz tar-reviżjoni attwali huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni li wassal għall-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw, inter alia, fir-RPĊ, jiġifieri twavel għall-mogħdija, bis-saqajn jew mingħajrhom, bil-fwar jew mingħajru u/jew bil-wiċċ isaħħan, inklużi t-twavel għall-kmiem u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri, is-saqajn, il-wiċċ u fejn titpoġġa l-ħadida, li attwalment jaqgħu fi ħdan il-kodiċi tan-NM ex 3924 90 00 , ex 4421 90 98 , ex 7323 93 90 , ex 7323 99 91 , ex 7323 99 99 , ex 8516 79 70 u ex 8516 90 00 u li joriġinaw fir-RPĊ.

4.   Il-partijiet ikkonċernati

(6)

Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-applikant, lill-industrija tal-Unjoni permezz tar-rappreżentanti tagħha u r-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur dwar it-tnedija ta’ din ir-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu fehmiethom bil-miktub u li jinstemgħu.

(7)

Il-Kummissjoni bagħtet ukoll formola ta’ talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq/trattament individwali (“TES/TI”) flimkien ma’ kwestjonarju lill-applikant, u rċeviet ir-risposti qabel l-iskadenzi stabbiliti għal dan l-għan.

(8)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għall-iskop ta’ TES/TI u għad-determinazzjoni tad-dumping. Iż-żjarat ta’ verifika twettqu kif ġej:

(a)

Il-produttur esportatur fir-RPĊ

Greenwood Houseware (Zhuhai) Ltd, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(b)

Relatati mal-kumpaniji tal-produttur esportatur

Brabantia S&S, Hong Kong

Brabantia S&L il-Belġju NV, Overpelt, il-Belġju

Brabantia Belgium NV, Overpelt, il-Belġju

Brabantia International BV, Valkenswaard, l-Olanda

Brabantia Branding BV, Valkenswaard, l-Olanda

Brabantia Export, Valkenswaard, l-Olanda

Brabantia S&L (UK) Ltd, Bristol, ir-Renju Unit

Brabantia UK Limited, Bristol, ir-Renju Unit.

(9)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi stabbilit valur normali għall-produttur esportatur fir-RPĊ u fl-Ukrajna, fil-każ li t-TES jista’ ma jingħatalhomx, saret verifika biex ikun stabbilit valur normali fuq il-bażi ta’ dejta minn produttur tal-industrija tal-Unjoni fl-uffiċċji tal-kumpanija li ġejja:

Vale Mill Ltd, Rochdale, ir-Renju Unit.

5.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni

(10)

L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2007 sal-31 ta’ Marzu 2009 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew il-“PI”). Il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ 18-il xahar intgħażel biex tintuża d-dejta wkoll f’investigazzjoni parallela għall-ħlas lura, rilevanti għall-applikant.

C.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

1.   Kwalifika tal-“esportatur ġdid”

(11)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-applikant ma kienx esporta l-prodott ikkonċernat matul il-PI oriġinali u li kien beda jesporta lejn il-Komunità wara dan il-perjodu. Matul il-PI oriġinali l-kumpanija kummerċjali relatata tal-applikant esportat it-twavel għall-mogħdija mixtrija minn produttur wieħed ieħor Ċiniż. Madankollu din kienet biss attività kummerċjali li ma tiksirx l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku.

(12)

Barra minn hekk, l-applikant seta’ juri li ma kien relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri ta’ antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-RPĊ.

(13)

Għalhekk, ġie kkonfermat li l-applikant għandu jitqies bħala “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku.

2.   It-trattament tal-ekonomija tas-suq

(14)

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f’investigazzjonijiet ta’ antidumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament Bażiku għal dawk il-produtturi esportaturi li jkunu wrew li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fejn jintwera minn dawn il-produtturi esportaturi li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq huma prevalenti fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili. Fil-qosor, u biss biex ir-referenza tkun eħfef, dawn il-kriterji huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt:

(1)

id-deċiżjonijiet kummerċjali jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonjiet tas-suq, mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat, u l-ispejjeż jirriflettu l-valuri tas-suq;

(2)

id-ditti kummerċjali għandhom sett ċar ta’ reġistri ta’ kontabilità bażika li huma vverifikati indipendentement skont Standards ta’ Kontabilità Internazzjonali (“IAS”) u applikati għall-għanijiet kollha;

(3)

ma hemmx tgħawwiġ sinifikanti li ġej mis-sistema ta’ qabel ta’ ekonomija mhux tas-suq;

(4)

iċ-ċertezza legali u l-istabbiltà hija pprovduta bil-liġijiet ta’ falliment u proprjetà;

(5)

il-kambju tal-valuta jitwettaq bir-rata tas-suq.

(15)

L-applikant talab it-TES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, u ġie mistieden jimla formola ta’ talba għal TES. Hu wieġeb għall-formola ta’ talba ta’ TES qabel id-data tal-għeluq.

(16)

Il-Kummissjoni fittxet l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa u vverifikat l-informazzjoni li tressqet fit-talba għat-TES fl-istabbilimenti tal-kumpanija kkonċernata.

(17)

Tqies li m’għandux jingħata TES lill-applikant fuq il-bażi li dan ma kienx jissodisfa t-tieni u t-tielet kriterji kif stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(18)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-Kriterju 2, ġie stabbilit fuq il-post li l-prinċipji fundamentali tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (“IAS”) u b’mod partikolari l-IAS 1 ma ġewx rispettati (jiġifieri l-prinċipju tal-akkumulazzjoni, il-kumpens, in-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni ġusta ta’ tranżazzjonijiet, rappurtar ħażin ta’ informazzjoni bażika relatata mar-reġim ta’ taxxa applikabbli lill-kumpanija) kemm fil-kontijiet kif ukoll fil-verifika tagħhom, li tefa’ dubju fuq l-kredibbiltà tal-kontijiet tal-kumpanija. Għaldaqstant, ġie konkluż li l-kumpanija ma wrietx li tissodisfa l-Kriterju 2.

(19)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-Kriterju 3, ġie stabbilit fuq il-post li l-kumpanija kienet qed tibbenefika minn skemi speċifiċi ta’ taxxi li nġarru mis-sistema mhux fis-suq ekonomiku. Tabilħaqq, il-verifika fuq il-post stabbiliet li matul il-PI l-applikant ma kien ħallas l-ebda taxxa fuq id-dħul billi kien għadu fl-ewwel sentejn ta’ qliegħ tal-programm speċjali ta’ taxxa applikat lill-intrapriżi barranin (“Tnejn B’Xejn, Tliet Snin in-Nofs”) fejn il-kumpaniji huma eżenti mit-taxxa fuq il-qliegħ matul l-ewwel sentejn ta’ qliegħ u huma soġġetti għan-nofs ir-rata ta’ taxxa applikabbli (iffissata għal 25 %) għat-tliet snin li jmiss li f’dan il-każ partikolari jfisser li l-kumpanija se tgawdi minn tnaqqis ta’ 50 % ta’ rata ta’ taxxa fuq id-dħul sal-2012. Il-kumpanija kienet eżentata wkoll mill-ħlas ta’ serje ta’ taxxi inkluża t-taxxa għaż-żamma tal-belt, il-miżata ta’ protezzjoni għall-kostruzzjoni ta’ vjadotti, id-dazju doganali u l-Taxxa fuq il-Valur Miżjud fuq xiri ta’ tagħmir. L-investigazzjoni wriet ukoll l-eżistenza ta’ tgħawwiġ sinifikanti fir-rigward ta’ drittijiet tal-użu tal-art (land use rights – “LUR”) rilevanti għall-applikant li jiġbdu l-attenzjoni lejn il-konklużjoni li d-drittijiet tal-użu tal-art ma jikkorrispondux mal-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, wara li tqies dak kollu msemmi hawn fuq, ġie konkluż li l-kumpanija ma wrietx li tissodisfa l-Kriterju 3.

(20)

Kemm l-applikant kif ukoll l-industrija tal-Unjoni ngħataw opportunità biex jikkummentaw dwar is-sejbiet li ssemmew hawn fuq. L-industrija tal-Unjoni qablet mas-sejbiet ta’ hawn fuq iżda stqarret li l-Kummissjoni missha evalwat l-impatt tal-prezzijiet mgħawġa tal-azzar fis-suq Ċiniż. Fir-rigward tal-Kriterju 2, l-applikant stqarr li huwa konformi mal-IAS u fir-rigward tal-Kriterju 3, ressaq kummenti u spjegazzjonijiet li jikkonċernaw ir-reġim ta’ taxxa tiegħu u l-kwistjonijet ta’ LUR imqajma mill-Kummissjoni.

(21)

Rigward il-kummenti tal-industrija tal-Unjoni ġie nnotat li l-kwistjoni ta’ prezzijiet mgħawġa tal-azzar fis-suq Ċiniż ma ġietx investigata minħabba nuqqasijiet ċari oħra li nstabu fir-rigward tat-TES. Għalhekk, l-ebda konklużjoni ma ntlaħqet fir-rigward ta’ dan il-punt.

(22)

Il-Kummissjoni rrevediet u eżaminat bir-reqqa l-kummenti mressqa mill-applikant. Fir-rigward tal-Kriterju 2, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti ma dgħajfux il-bażi fattwali li fuqha kienu stabbiliti d-diskrepanzi tal-kontabilità filwaqt li l-ispjegazzjonijeit tar-regoli applikabbli tal-IAS instabu li ma kinux rilevanti. Fir-rigward tal-Kriterju 3 u b’mod partikolari l-miżata ta’ protezzjoni, id-dazju doganali u l-eżenzjonijiet mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, l-ispjegazzjonijiet u l-informazzjoni mogħtija mill-applikant kienu aċċettati. Madankollu l-ispjegazzjonijiet u informazzjoni oħra mogħtija mill-applikant ma setgħux idgħajfu n-nuqqasijiet ċari marbuta mal-Kriterju 3, jiġifieri li l-allokazzjoni tal-art hija marbuta mal-impriżi ta’ negozju, il-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet pubbliċi mingħajr kumpens u n-nuqqas ta’ varjazzjoni fil-prezz LUR f’waqtu. Fid-dawl tan-nuqqasijiet ċari li baqa’ marbuta mal-Kriterju 3, dan il-kriterju jibqa’ ma jintlaħaqx.

(23)

Fuq il-bażi ta’ dak imsemmi hawn fuq, ġie konkluż li l-applikant ma wriex li jissodisfa l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u, għalhekk, ma setax jingħata t-TES.

3.   Trattament Individwali

(24)

Skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, dazju fuq skala nazzjonali, jekk jeżisti, huwa stabbilit għal pajjiżi li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(7)(a), għajr f’dawk il-każijiet fejn il-kumpaniji jkunu jistgħu juru li jissodisfaw il-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u għalhekk ikunu jistgħu jingħataw TI.

(25)

Greenwood Houseware talbet TI fil-każ li ma tingħatax TES.

(26)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, ġie stabbilit li l-kumpanija ma ssodisfatx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. B’hekk ġie konkluż li l-applikant ma setax jingħata TI.

4.   Il-Valur Normali

4.1.   Il-pajjiż analogu

(27)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, f’każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi b’ekonomija mhux tas-suq u sakemm it-TES ma setax jingħata, għall-pajjiżi speċifikati fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi stabbilit valur normali fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur mibni f’pajjiż analogu.

(28)

Fl-avviż ta’ bidu, il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagћha li tuża lit-Turkija bћala pajjiż analogu xieraq għall-fini li jiġi stabbilit il-valur normali gћar-RPĊ, u stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar dan. It-Turkija kien diġà ttieħed bħala pajjiż analogu fl-investigazzjoni oriġinali.

(29)

Ma waslu l-ebda kummenti dwar l-għażla tat-Turkija bħala pajjiż analogu għall-istabbiliment tal-valur normali.

(30)

Il-Kummissjoni fittxet il-kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi kollha fit-Turkija. Intbagħtu ittri u kwestjonarji rilevanti lil tliet kumpaniji fit-Turkija. L-ebda waħda minn dawn il-kumpaniji ma kkooperat mal-investigazzjoni jew resqet xi informazzjoni rilevanti. Il-Kummissjoni kkuntattjat għal darba oħra lill-produtturi magħrufa kollha fit-Turkija, iżda ma waslu l-ebda risposti. L-industrija tal-Unjoni u l-applikant ġew informati b’din is-sitwazzjoni u ntalbu jipprovdu kwalunkwe kummenti rilevanti fir-rigward ta’ metodi li jintużaw għall-għażla ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Ma wasal l-ebda kumment.

(31)

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, tqies xieraq, skont l-Artikolu 2.7(a) tar-Regolament bażiku li l-industrija tal-Unjoni tiġi mistoqsija jekk kinitx beħsiebha tikkoopera biex tippermetti lill-Kummissjoni tikseb informazzjoni meħtieġa għall-istabbiliment ta’ valur normali.

(32)

Intbagħtu ittri u kwestjonarji rilevanti lill-produtturi tal-industrija tal-Unjoni biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għall-istabbiliment ta’ valur normali u Greenwood Houseware kienet mistiedna tikkummenta dwar dan.

(33)

Ma waslu l-ebda kummenti għand Greenwood Houseware dwar l-użu tal-informazzjoni miksuba mill-industrija tal-Unjoni għall-istabbiliment ta’ valur normali.

(34)

Produttur Ewropew wieħed ressaq l-informazzjoni kollha meħtieġa fi żmien xieraq għad-determinazzjoni tal-valur normali u qabel li jikkoopera fl-investigazzjoni. Ġie għalhekk deċiż li jiġi stabbilit valur normali fuq din il-bażi.

4.2.   Id-determinazzjoni tal-valur normali

(35)

Filwaqt li ġiet segwita l-għażla li tintuża d-dejta tal-industrija tal-Unjoni, il-valur normali ġie kkalkulat fuq il-bażi tal-informazzjoni vverifikata fuq il-post tal-produttur tal-Unjoni li kkoopera, Vale Mill Ltd.

(36)

Instab li l-bejgħ domestiku tal-produttur tal-Unjoni tal-prodott simili kien rappreżentattiv meta mqabbel mal-prodott ikkonċernat li ġie esportat lejn l-Unjoni mill-produttur esportatur fir-RPĊ.

(37)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, ġie stabbilit valur normali għar-RPĊ fuq il-bażi tal-informazzjoni vverifikata li waslet għand il-produttur tal-Unjoni waħdieni li kkoopera, jiġifieri fuq il-bażi ta’ prezzijiet imħallsa jew li jitħallsu fis-suq tal-Unjoni għal tipi ta’ prodotti kumparabbli, fejn instab li dawn ġew magħmula fil-kors ta’ kummerċ normali, jew fuq valuri mibnija fejn ma nstab l-ebda bejgħ domestiku fil-kors ta’ kummerċ normali għat-tipi ta’ prodotti kumparabbli, jiġifieri fuq il-bażi tal-ispiża tal-manifattura ta’ twavel għall-mogħdija mmanifatturati mill-produttur tal-Unjoni flimkien ma ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi (“BĠA”) u għall-qliegħ. Il-marġini ta’ qliegħ użat huwa konformi ma’ dak użat fl-investigazzjoni oriġinali.

5.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(38)

L-applikant wettaq il-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni permezz ta’ kummerċ relatat u ta’ kumpaniji sensara allokati kemm barra l-Unjoni (kumpanija waħda rreġistrata f’Ħong Kong) kif ukoll fl-Unjoni (25 kumpanija rreġistrati f’diversi Stati Membri tal-Unjoni).

(39)

Minħabba li l-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni sar permezz ta’ kumpaniji kummerċjali relatati, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-prodott meta mibjugħ mill-kumpaniji kummerċjali relatati lill-ewwel xerrej indipendenti skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

(40)

Greenwood Houseware użat għadd kbir ta’ kumpaniji relatati għall-bejgħ lill-ewwel xerrej indipendenti fl-Unjoni. Il-prodott ikkonċernat l-ewwel daħal f’ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni permezz ta’ kumpanija waħda relatata mal-kumpanija li applikat u mbagħad inbigħ lil kumpaniji relatati differenti li kkummerċjalizzaw u li wettqu attivitajiet oħra għall-applikant f’bosta Stati Membri tal-Unjoni. L-applikant talab li l-kalkoli ta’ dumping jiġu llimitati għat-tranżazzjonijiet li jirreferu għat-tliet partijiet relatati tiegħu, li jbigħu fl-Olanda, fir-Renju Unit u fil-Belġju, li kienu jirrappreżentaw proporzjon prinċipali mill-bejgħ tiegħu fl-Unjoni. Fid-dawl tal-għadd totali kbir tal-partijiet ta’ bejgħ relatati u r-restrizzjoni ta’ ħin fil-konklużjoni tal-investigazzjoni qed jitqies xieraq li s-sejbiet jiġu msejsa fuq dumping fis-swieq prinċipali tal-applikant fl-Unjoni li ssemmew hawn fuq. Il-Kummissjoni vverifikat it-totalità tal-bejgħ għall-esportazzjoni mir-RPĊ via Ħong Kong sal-punt fejn il-prodott ikkonċernat daħal f’ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni u reġa’ nbigħ lill-bosta kumpaniji kummerċjali tagħha. Kien biss f’dan il-punt li l-Kummissjoni llimitat il-valutazzjoni ta’ dumping għat-tlitt iswieq ewlenin imsemmija hawn fuq.

(41)

Għaldaqstant, u skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet tal-esportazzjoni ssawru fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodott importat inbiegħ għall-ewwel darba lil klijenti indipendenti fl-Olanda, fir-Renju Unit u fil-Belġju. Kellu jsir tnaqqis għall-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid inkluż l-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u dawk amministrattivi mill-kumpaniji importaturi matul il-PI. Dawn l-ispejjeż kienu vverifikati fuq il-post fil-kumpaniji rispettivi.

(42)

Kellu jitnaqqas ukoll il-marġini ta’ qliegħ li kopra l-operazzjonijiet tal-applikant fir-rigward tal-prodott ikkonċernat matul il-PI. F’dan ir-rigward, il-qligħ proprju tan-negozjanti relatati ma setax jintuża billi r-relazzjoni bejn il-produttur esportatur u n-negozjanti relatati rrendiet il-livelli ta’ qliegħ bħala mhux kredibbli. Barra dan il-kumpanija spjegat fuq il-post li normalment ma kinitx responsabbli għal rati ta’ qliegħ bħal dawn fil-mod mitlub mill-investigazzjoni. L-applikant għalhekk issuġġerixxa li l-Kummissjoni tuża l-livell normali ta’ qliegħ użat fl-investigazzjoni ta’ qabel. Fl-assenza ta’ ċifri oħra kif spjegat ħawn fuq, ġie għalhekk deċiż li tintuża r-rata stipulata fl-investigazzjoni oriġinali.

6.   Tqabbil

(43)

Skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku, il-marġini tad-dumping għal Greenwood Houseware ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ tqabbil ta’ valur normali medju b’piż differenzjat skont it-tip ta’ prodott ma’ prezz tal-esportazzjoni medju b’piż differenzjat skont it-tip ta’ prodott kif ġie stabbilit hawn fuq.

(44)

It-tqabbil sar fuq il-bażi tal-prezz hekk kif il-prodott jitlaq mill-fabbrika u fl-istess livell tal-kummerċ.

(45)

Biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Ingħataw konċessjonijiet fejn kien japplika u fejn kien ġustifikat għad-differenzi fit-taxxi indiretti, għall-ispejjeż tat-trasport u tal-assigurazzjoni, għall-ispejjeż tal-immaniġġjar, tat-tagħbija u għall-ispejjeż anċillari, għall-ispejjeż tal-ippakkjar, għall-ispejjeż tal-kreditu, għall-ispejjeż tal-garanziji u għall-kummissjonijiet.

7.   Il-Marġini ta’ Dumping

(46)

It-tqabbil wera li kien hemm l-eżistenza ta’ dumping. Dan il-marġini ta’ dumping espress bħal perċentwal tal-prezz nett ħieles fuq il-fruntiera tal-Unjoni Ewropea, mingħajr dazju mħallas huwa ta’ 22,7 %.

D.   IMPOSTA RETROATTIVA TAD-DAZJU TA’ ANTIDUMPING

(47)

Fid-dawl tas-sejbiet ta’ hawn fuq, id-dazju ta’ antidumping applikabbli għall-applikant għandu jiġi impost retroattivament fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, li saru soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 356/2009.

E.   ŻVELAR

(48)

Il-partijiet interessati ġew infurmati bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li jiġi impost dazju ta’ antidumping definittiv emendat fuq il-importazzjonijet ta’ twavel għall-mogħdija mingħand l-applikant u li dan id-dazju jiġi impost retroattivament fuq l-importazzjonijiet li saru soġġetti għar-reġistrazzjoni.

(49)

Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti tagħhom tqiesu u ttieħdu f’kunsiderazzjoni fejn xieraq iżda dawn ma kinux ta’ natura li jbiddlu l-konklużjonijiet.

(50)

Din ir-reviżjoni ma taffettwax id-data li fiha se jiskadu l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 452/2007 skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 452/2007 hija b’dan emendata billi jiddaħħal dan li ġej:

“Il-pajjiż

Il-manifattur

Ir-rata tad-dazju

(%)

Il-kodiċi addizjonali TARIC

RPĊ

Greenwood Houseware (Zhuhai) Ltd

22,7  (*1)

A953

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(3)   ĠU L 109, 26.4.2007, p. 12.

(4)   ĠU L 109, 30.4.2009, p. 6.

(*1)  Id-dazju impost hawnhekk għandu jiġi impost retroattivament fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat reġistrati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 356/2009 (*2). L-awtoritajiet doganali b’dan qed jingħataw id-direttiva li jieqfu jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u prodotti minn Greenwood Houseware (Zhuhai) Ltd.

(*2)   ĠU L 109, 30.4.2009, p. 6.”