12.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 7/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI(UE) Nru 18/2010

tat-8 ta’ Jannar 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam ma’ speċifikazzjonijiet għall-programmi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u partikolarment l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità minn kull Stat Membru huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili ta’ kull Stat skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.

(2)

L-ispeċifikazzjonijiet għall-programmi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità li se jiġu implimentati mill-Istati Membri għandhom jiżguraw strateġija armonizzata f’dan ir-rigward.

(3)

Sabiex ikunu effikaċi, l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità xierqa għandhom jitwettqu regolarment. Ma għandhomx jiġu ristretti għas-suġġett, l-istadju jew il-mument li fih ikunu twettqu. Għandhom jieħdu l-aktar forom adattati sabiex jiżguraw l-effikaċja tagħhom.

(4)

Għandha tingħata prijorità lill-iżvilupp ta’ metodoloġija komuni għal attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità.

(5)

Jeħtieġ li jiġi żviluppat mod armonizzat ta’ rappurtar dwar il-miżuri meħuda biex jiġu sodisfatti l-obbligi skont dan ir-Regolament u dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni fit-territorji tal-Istati Membri.

(6)

Il-programmi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità għandhom jibbażaw fuq l-aħjar prattiki. Dawn l-aħjar prattiki għandhom jinqasmu mal-Kummissjoni u jiġu kkomunikati lill-Istati Membri kollha.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri provduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili,

ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 300/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

It-titlu “Anness” għandu jinbidel b’ “Anness I”,

(2)

It-test stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament huwa miżjud bħala l-Anness II.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data speċifikata fir-regoli tal-implimentazzjoni adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, iżda mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)   ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.


ANNESS

“ANNESS II

Speċifikazzjonijiet komuni għall-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità li għandu jiġu implimentat minn kull Stat Membru fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili

1.   DEFINIZZJONIJIET

1.1.

Għall-għanijiet ta’ dan l-Anness, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘volum annwali tat-traffiku’ tfisser l-għadd totali ta’ passiġġieri li jaslu, jitilqu u li jkunu fi tranżitu (jingħaddu darba)

(2)

‘awtorità xierqa’ tfisser l-awtorità nazzjonali nnominata minn Stat Membru skont l-Artikolu 9 biex tkun responsabbli mill-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

(3)

‘awditur’ tfisser kwalunkwe persuna li jwettaq attivitajiet nazzjonali ta’ monitoraġġ tal-konformità f’isem l-awtorità xierqa;

(4)

‘ċertifikazzjoni’ tfisser l-evalwazzjoni u l-konferma formali mill-awtorità xierqa jew f’isimha li persuna jkollha l-kompetenzi meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet ta’ awditur f’livell aċċettabli kif iddefinit mill-awtorità xierqa;

(5)

‘attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità’ tfisser kwalunkwe proċedura jew proċess użat(a) fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni;

(6)

‘nuqqas’ tfisser nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-avjazzjoni;

(7)

‘spezzjoni’ tfisser eżami tal-implimentazzjoni tal-miżuri u l-proċeduri tas-sigurtà sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex qed jitwettqu b’mod effikaċi u fl-istandard meħtieġ u biex jiġi identifikat kwalunkwe nuqqas;

(8)

‘intervista’ tfisser kontroll orali minn awditur biex jiġi stabbilit jekk humiex jiġu implimentati miżuri jew proċeduri speċifiċi ta’ sigurtà;

(9)

‘osservazzjoni’ tfisser kontroll viżiv minn awditur li qed tiġi implimetata miżura jew proċedura ta’ sigurtà;

(10)

‘kampjun rappreżentattiv’ tfisser għażla li tkun saret fost l-għażliet possibli għall-monitoraġġ li jkollha għadd u firxa biżżejjed sabiex tipprovdi bażi għall-konklużjonijiet ġenerali dwar l-istandards tal-implimentazzjoni;

(11)

‘verifika tas-sigurtà’ tfisser eżami bir-reqqa tal-miżuri u l-proċeduri ta’ sigurtà sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex jiġu implimentati bis-sħiħ u fuq bażi kontinwa;

(12)

“test” tfisser prova tal-miżuri tas-sigurtà tal-avjazzjoni, meta l-awtorità xierqa tissimula l-intenzjoni li twettaq azzjoni ta’ interferenza illegali bl-iskop li tiġi eżaminata l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà eżistenti;

(13)

‘verifika’ tfisser azzjoni meħuda minn awditur biex jiġi stabbilit jekk miżura speċifika ta’ sigurtà hijiex attwalment fis-seħħ;

(14)

‘vulnerabbiltà’ tfisser kwalunkwe dgħufija fil-miżuri u l-proċeduri implimentati li tista’ tiġi sfruttata biex jitwettaq att ta’ interferenza illegali.

2.   SETGĦAT TAL-AWTORITÀ XIERQA

2.1.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awtorità xierqa bis-setgħat neċessarji għall-monitoraġġ u l-infurzar tar-rekwiżiti kollha ta’ dan ir-Regolament u l-atti implimentattivi tiegħu, inkluża s-setgħa li timponi penali skont l-Artikolu 21.

2.2.

L-awtorità xierqa għandha twettaq attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità u għandha jkollha s-setgħat neċessarji biex tesiġi li jissewwa nuqqas identifikat f’perjodu ta’ żmien stabbilit.

2.3.

Għandha tiġi stabbilita strateġija gradwali u proporzjonata rigward l-attivitajiet ta’ korrezzjoni ta’ nuqqas u l-miżuri ta’ infurzar. Din l-istrateġija għandha tikkonsisti minn passi progressivi li għandhom jiġu segwiti sakemm tinkiseb il-korrezzjoni, fosthom:

(a)

parir(i) u rakkomandazzjonijiet;

(b)

twissija formali;

(c)

avviż ta’ infurzar;

(d)

sanzjonijiet amministrattivi u proċedimenti legali.

L-awtorità xierqa tista’ tneħħi wieħed jew aktar minn dawn il-passi, speċjalment jekk in-nuqqas ikun serju u rikorrenti.

3.   OBJETTIVI U KONTENUT TAL-PROGRAMM NAZZJONALI TA’ KONTROLL TAL- KWALITÀ

3.1.

L-objettivi tal-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità huma li jivverifikaw li l-miżuri tas-sigurtà tal-avjazzjoni huma implimentati b’mod effettiv u kif suppost u li jiddeterminaw il-livell ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-programm nazzjonali ta’ sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, permezz ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità.

3.2.

Il-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

struttura, responsabbiltajiet u riżorsi tal-organizzazzjoni;

(b)

deskrizzjonijiet tal-impjiegi, u kwalifiki neċessarja għall-awdituri;

(c)

attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità, li jinkludu l-ambitu tal-verifiki ta’ sigurtà, spezzjonijiet, testijiet u, wara ksur fis-sigurtà attwali jew potenzjali, investigazzjonijiet, frekwenza tal-verifiki tas-sigurtà u ta’ spezzjonijiet u wkoll klassifikazzjoni ta’ konformità;

(d)

stħarriġ, meta jkun hemm raġuni biex issir valutazzjoni mill-ġdid tal-ħtiġijiet ta’ sigurtà;

(e)

attivitajiet ta’ korrezzjoni tan-nuqqasijiet li jipprovdu d-dettalji li jikkonċernaw ir-rappurtar ta’ nuqqasijiet, segwitu u korrezzjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-avjazzjoni;

(f)

miżuri ta’ infurzar u, fejn xieraq, penali, kif speċifikat fil-punti 2.1 u 2.3 ta’ dan l-Anness;

(g)

rappurtar ta’ attivitajiet imwettqa ta’ monitoraġġ tal-konformità fosthom, fejn xieraq, l-iskambju ta’ tagħrif bejn il-korpi nazzjonali dwar il-livelli tal-konformità;

(h)

proċess ta’ monitoraġġ tal-ajruport, l-operatur u l-miżuri interni tal-entità għall-kontroll tal-kwalità;

(i)

proċess li jirreġistra u janaliżża r-riżultati tal-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità biex jiġu identifikati x-xejriet u jitmexxa l-iżvilupp tal-politika fil-ġejjieni.

4.   MONITORAĠĠ TAL-KONFORMITÀ

4.1.

L-ajruporti, l-operaturi u l-entitajiet l-oħra kollha b’responsabbiltajiet għas-sigurtà tal-avjazzjoni għandhom jiġu mmonitorjati regolarment biex jiġi żgurat li n-nuqqasijiet jiġu osservati u korreġuti fil-pront.

4.2.

Il-monitoraġġ għandu jitwettaq skont il-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità, u għandu jqis il-livell tat-theddida, it-tip u n-natura tal-operazzjonijiet, l-istandard tal-implimentazzjoni, ir-riżultati tal-kontroll intern tal-kwalità tal-ajruporti, l-operaturi u l-entitajiet u fatturi u valutazzjonijiet oħra li jaffetwaw il-frekwenza tal-monitoraġġ.

4.3.

Il-monitoraġġ għandu jinkludi l-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-miżuri interni ta’ kontroll tal-kwalità tal-ajruporti, l-operaturi u entitajiet oħra.

4.4.

Il-monitoraġġ f’kull ajruport individwali għandu jkun magħmul minn taħlita xierqa ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità u jipprovdi stampa komprensiva tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà fil-qasam.

4.5.

Il-ġestjoni, it-tfassil tal-prijoritajiet u l-organizzazzjoni tal-programm ta’ kontroll tal-kwalità għandhom jitwettqu indipendentement mill-implimentazzjoni operattiva tal-miżuri li ttieħdu skont il-programm nazzjonali għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

4.6.

L-attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità għandhom jinkludu verifiki ta’ sigurtà, spezzjonijiet u testijiet.

5.   METODOLOĠIJA

5.1.

Il-metodoloġija biex jitwettqu attivitajiet ta’ monitoraġġ għandha tikkonforma ma’ strateġija standardizzata, li tinkludi t-tqassim tal-kompiti, l-ippjanar, il-preparazzjoni, l-attivita’ fil-post, il-klassifikazzjoni tas-sejbiet, it-tlestija tar-rapport u l-proċess ta’ korrezzjoni.

5.2.

L-attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità għandhom isiru abbażi ta’ ġbir sistematiku ta’ tagħrif permezz ta’ osservazzjonijiet, intervisti, eżami ta’ dokumenti u verifiki.

5.3.

Il-monitoraġġ ta’ konformità għandu jinkludi kemm l-attivitajiet innotifikati kif ukoll dawk li ma kienux innotifikati.

6.   VERIFIKI TA’ SIGURTÀ

6.1.

Verifika ta’ sigurtà għandha tkopri:

(a)

il-miżuri kollha ta’ sigurtà f’ajruport; jew

(b)

il-miżuri kollha ta’ sigurtà implimentati minn ajruport, terminal ta’ ajruport, operatur jew entità individwali, jew

(c)

parti partikolari tal-Programm Nazzjonali tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili.

6.2.

Il-metodoloġija biex titwettaq verifika ta’ sigurtà għandha tqis l-elementi li ġejjin:

(a)

notifikazzjoni tal-verifika ta’ sigurtà u komunikazzjoni ta’ kwestjonarju ta’ qabel il-verifika, jekk xieraq;

(b)

fażi ta’ preparazzjoni li tinkludi eżami tal-kwestjonarju kkompletat ta’ qabel il-verifika u ta’ dokumentazzjoni rilevanti oħra;

(c)

stħarriġ introduttorju tal-fatti ma’ rappreżentanti ta’ ajruport/operatur/entità qabel il-bidu tal-attività ta’ monitoraġġ fil-post;

(d)

attività fil-post;

(e)

stħarriġ u rappurtar;

(f)

meta jiġu identifikati xi nuqqasijiet, il-proċess ta’ korrezzjoni u l-monitoraġġ assoċjat ma’ dak il-proċess.

6.3.

Sabiex issir konferma tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà, it-twettiq ta’ verifika ta’ sigurtà għandha ssir abbażi ta’ ġabra sistematika ta’ tagħrif minn waħda jew aktar mit-tekniki li ġejjin:

(a)

eżami tad-dokumenti;

(b)

osservazzjonijiet;

(c)

intervisti;

(d)

verifiki.

6.4.

L-ajruporti b’volum ta’ traffiku annwali akbar minn 10 miljun passiġġier għandhom jiġu soġġetti għall-verifika ta’ sigurtà li tkopri l-istandards kollha ta’ sigurtà tal-avjazzjoni tal-anqas kull 4 snin. L-eżami għandu jinkludi kampjun rappreżentattiv tat-tagħrif.

7.   SPEZZJONIJIET

7.1.

L-ambitu ta’ spezzjoni għandu jkopri tal-anqas sett wieħed ta’ miżuri ta’ sigurtà marbutin direttament tal-Anness I għal dan ir-Regolament u l-monitoraġġ tal-atti implimentattivi li jikkorrispondu bħala attività waħda jew f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, normalment mhux aktar minn tliet xhur. L-eżami għandu jinkludi kampjun rappreżentattiv tat-tagħrif.

7.2.

Sett ta’ miżuri ta’ sigurtà marbutin direttament huwa sett ta’ żewġ rekwiżiti jew aktar kif imsemmi fl-Anness I għal dan ir-Regolament u tal-atti implimentattivi li jikkorrispondu li għandhom impatt fuq xulxin tant mill-qrib li ma tistax issir valutazzjoni xierqa tal-kisba tal-objettiv sakemm mhumiex meqjusa flimkien. Dawn is-settijiet għandhom jinkludu dawk imniżżla fl-Appendiċi I għal dan l-Anness.

7.3.

Spezzjonijiet ma għandhomx jitħabbru bil-quddiem. Meta l-awtorità xierqa tqis li dan mhuwiex prattiku, l-ispezzjonijiet jistgħu jitħabbru minn qabel. Il-metodoloġija biex titwettaq spezzjoni għandha tqis l-elementi li ġejjin:

(a)

fażi ta’ preparazzjoni;

(b)

attività fil-post;

(c)

stħarriġ, skont il-frekwenza u r-riżultati tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ;

(d)

rappurtar/reġistrazzjoni;

(e)

proċess ta’ korrezzjoni u l-monitoraġġ tiegħu.

7.4.

Sabiex issir konferma li l-miżuri ta’ sigurtà huma effikaċi, it-twettiq tal-ispezzjoni għandha ssir abbażi ta’ ġbir sistematiku ta’ tagħrif b’waħda jew aktar mit-tekniki li ġejjin:

(a)

eżami ta’ dokumenti;

(b)

osservazzjonijiet;

(c)

intervisti;

(d)

verifiki.

7.5.

Fl-ajruporti b’volum ta’ traffiku annwali aktar minn 2 miljun passiġġier, il-frekwenza minima ta’ spezzjonijiet tas-settijiet kollha ta’ miżuri ta’ sigurtà marbutin direttament stabbiliti fil-Kapitoli 1 sa 6 tal-Anness I għal dan ir-Regolament għandha tkun tal-anqas kull 12-il xahar, sakemm ma tkunx twettqet verifika fl-ajruport matul dak iż-żmien. Il-frekwenza biex jiġu spezzjonati l-miżuri ta’ sigurtà kollha koperti mill-Kapitolu 7 sa 12 tal-Anness I għandha tiġi determinata mill-awtorità xierqa abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju.

7.6.

Jekk Stat Membru ma jkollux ajruport b’volum ta’ traffiku annwali akbar minn 2 miljun passiġġier, ir-rekwiżiti ta’ punt 7.5 ma għandhomx japplikaw għall-ajruport fuq it-territorju tiegħu bl-akbar volum ta’ traffiku annwali.

8.   TESTIJIET

8.1.

It-testijiet għandhom jitwettqu biex jeżaminaw l-effikaċja tal-implimentazzjoni għall-inqas tal-miżuri ta’ sigurta li ġejjin:

(a)

kontroll ta’ aċċess għaż-żoni ta’ sigurtà ristretti;

(b)

protezzjoni tal-ajruplani;

(c)

tgħarbil tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina;

(d)

tgħarbil tal-persunal u l-oġġetti trasportati;

(e)

protezzjoni tal-bagalji tal-istiva;

(f)

tgħarbil ta’ merkanzija jew posta;

(g)

protezzjoni ta’ merkanzija u posta.

8.2.

Għandu jiġi żviluppat protokoll ta’ test li jinkludi l-metodoloġija waqt li jitqiesu r-rekwiżiti legali, ir-rekwiżiti ta’ sigurtà u dawk operattivi. Il-metodoloġija għandha tindirizza l-elementi li ġejjin:

(a)

fażi ta’ preparazzjoni;

(b)

attività fil-post;

(c)

stħarriġ, skont il-frekwenza u r-riżultati tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ;

(d)

rappurtar/reġistrazzjoni;

(e)

proċess ta’ korrezzjoni u l-monitoraġġ assoċjat miegħu.

9.   STĦARRIĠ

9.1.

L-istħarriġ għandu jitwettaq kull meta l-awtorità xierqa tħoss il-ħtieġa li tivvaluta mill-ġdid l-operazzjonijiet sabiex jiġu identifikati u indirizzati kwalunkwe vulnerabbiltà. Meta tiġi identifikata vulnerabbiltà, l-awtorità xierqa għandha teħtieġ l-implimentazzjoni tal-miżuri protettivi proporzjonati mat-theddida.

10.   RAPPURTAR

10.1.

L-attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità għandhom jiġu rrapurtati jew irreġistrati f’format standardizzat li jippermetti għal analiżi kontinwa tax-xejriet.

10.2.

Dawn l-elementi għandhom jiġu inklużi:

(a)

tip ta’ attività;

(b)

ajruport, operatur jew entità mmonitorjata;

(c)

data u ħin tal-attività;

(d)

isem l-awditur li qed iwettaq l-attività;

(e)

ambitu tal-attività;

(f)

sejbiet mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Programm Nazzjonali ta’ Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili;

(g)

klassifikazzjoni tal-konformità;

(h)

rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet korrettivi, fejn xieraq;

(i)

perjodu ta’ żmien għall-korrezzjoni, fejn xieraq.

10.3.

Meta jiġu identifikati xi nuqqasijiet, l-awtorità xierqa għandha tirraporta s-sejbiet rilevanti lill-ajruport, operaturi jew entitajiet soġġetti għal monitoraġġ.

11.   KLASSIFIKAZZJONI KOMUNI TAL-KONFORMITÀ

11.1.

L-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità għandhom jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali ta’ sigurtà tal-avjazzjoni ċivili permezz tas-sistema armonizzata ta’ klassifikazzjoni tal-konformità stipulata fl-Appendiċi II.

12.   KORREZZJONI TAN-NUQQASIJIET

12.1.

Il-korrezzjoni tan-nuqqasijiet identifikati għandha tiġi implimentata fil-pront. Meta l-korrezzjoni ma tkunx tista’ titwettaq fil-pront, għandhom jiġu implimentati miżuri ta’ kumpens.

12.2.

L-awtorità xierqa għandha titlob lill-ajruporti, operaturi jew entitajiet soġġetti għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ ta’ konformità biex iressqu għall-qbil pjan ta’ azzjoni li jindirizza kwalunkwe nuqqas imniżżel fir-rapporti flimkien ma’ perjodu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi u biex jipprovdu konferma meta jitlesta l-proċess ta’ korrezzjoni.

13.   ATTIVITAJIET TA’ SEGWITU RELATATI MAL-VERIFIKA TAL-KORREZZJONI

13.1.

Wara l-konferma li tkun ittieħdet kull azzjoni korrettiva meħtieġa mill-ajruport, operatur jew entità soġġetti għall monitoraġġ, l-awtorità xierqa għanda tivverifika l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi

13.2.

Attivitajiet ta’ segwitu għandhom jużaw il-metodu ta’ monitoraġġ rilevanti.

14.   DISPONIBBILTÀ TAL-AWDITURI

14.1.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li hemm għadd biżżejjed ta’ awdituri disponibbli għall-awtorità xierqa direttament jew taħt is-superviżjoni tagħha biex jitwettqu l-attivitajiet ta’ kontroll ta’ konformità kollha.

15.   KRITERJI TA’ KWALIFIKA GĦALL-AWDITURI

15.1.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awdituri li jwettqu l-funzjonijiet f’isem l-awtorità xierqa:

(a)

huma ħielsa minn kwalunkwe obbligu kuntrattwali jew pekunjarju lill-ajruport, operatur jew entità li se tiġi mmonitorjata; u

(b)

għandhom il-kompetenzi xierqa, li jinkludu esperjenza teoretika u prattika suffiċjenti fil-qasam rilevanti.

L-awdituri għandhom ikunu soġġetti għal ċertifikazzjoni, jew approvazzjoni oħra ekwivalenti maħruġa mill-awtorità xierqa.

15.2.

L-awdituri għandu jkollhom il-kompetenzi li ġejjin:

(a)

fehim tal-miżuri ta’ sigurtà attwalment applikabbli u kif jiġu applikati għall-operazzjonijiet li jiġu eżaminati fosthom:

fehim tal-prinċipji ta’ sigurtà;

fehim tal-kompiti superviżorji;

fehim tal-fatturi li jaffetwaw il-prestazzjoni umana;

(b)

għarfien prattiku tat-teknoloġiji u t-tekniki tas-sigurtà;

(c)

għarfien tal-prinċipji, il-proċeduri u t-tekniki tal-monitoraġġ ta’ konformità;

(d)

għarfien prattiku tal-operazzjonijiet soġġetti għal eżami;

(e)

fehim tar-rwol u s-setgħat tal-awditur.

15.3.

L-awdituri għandhom jgħaddu minn taħriġ rikorrenti bi frekwenza suffiċjenti biex jiġi żgurat li jżommu l-kompetenzi eżistenti u jakkwistaw kompetenzi ġodda sabiex iqisu l-iżviluppi fil-qasam tas-sigurtà.

16.   SETGĦAT TAL-AWDITURI

16.1.

L-awdituri li jwettqu attivitajiet ta’ monitoraġġ għandhom jiġu pprovduti b’awtorità suffiċjenti biex ikollhom aċċess għat-tagħrif meħtieġ biex iwettqu l-ħidmiet tagħhom.

16.2.

L-awdituri għandhom iġorru dokument tal-identità li jawtorizzahom li jwettqu l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità f’isem l-awtorità xierqa u li jippermetti l-aċċess għaż-żoni kollha meħtieġa.

16.3.

L-awdituri għandhom ikunu intitolati li:

(a)

jingħataw aċċess immedjat għaż-żoni rilevanti kollha inklużi l-ajruplani u l-bini għall skopijiet ta’ monitoraġġ; u

(b)

jesiġu l-implimentazzjoni korretta jew li ssir repetizzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà.

16.4.

Bħala konsegwenza tas-setgħat mogħtija lill-awdituri, l-awtorità xierqa għandha taġixxi skont il-punt 2.3 fil-każijiet li ġejjin:

(a)

tfixkil jew impediment intenzjonali għal awditur;

(b)

nuqqas jew rifjut ta’ forniment ta’ tagħrif mitlub minn awditur;

(c)

meta jingħata tagħrif falz jew qarrieqi lill-awditur bil-ħsieb ta’ qerq; u

(d)

impersonifikazzjoni ta’ awditur bil-ħsieb ta’ qerq.

17.   L-AĦJAR PRATTIKI

17.1.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-aħjar prattiki fir-rigward tal-programmi ta’ kontroll tal-kwalità, tal-metodoloġiji ta’ verifiki u tal-awdituri. Il-Kummissjoni għandha taqsam dan it-tagħrif mal-Istati Membri.

18.   RAPPURTAR LILL-KUMMISSJONI

18.1.

Kull sena l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament u dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruporti li jinstabu fit-territorju tagħhom. Il-perjodu ta’ referenza għar-rapport għandu jkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru. Ir-rapport għandu jingħata tliet xhur wara li jkun għadda l-perjodu ta’ referenza.

18.2.

Il-kontenut tar-rapport għandu jkun skont l-Appendiċi III permezz ta’ mudell fornut mill-Kummissjoni.

18.3.

Il-Kummissjoni għandha taqsam il-konklużjonijiet ewlenin li ħarġu minn dawn ir-rapporti mal-Istati Membri.

“Appendiċi I

Elementi għall-inklużjoni fis-sett ta’ miżuri ta’ sigurtà marbutin direttament

Is-settijiet ta’ miżuri ta’ sigurtà marbutin direttament kif imsemmija fil-punt 7.1 tal-Anness II għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin tal-Anness I għal dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-atti implimentattivi tiegħu:

Għall-punt 1 – Sigurtà tal-ajruport:

(i)

punt 1.1; jew

(ii)

punt 1.2 (ħlief dispożizzjonijiet relatati mad-dokumenti tal-identifikazzjoni u mal-permess tal-vetturi); jew

(iii)

punt 1.2 (dispożizzjonijiet relatati mad-dokumenti tal-identifikazzjoni); jew

(iv)

punt 1.2 (dispożizzjonijiet relatati mal-permess tal-vetturi); jew

(v)

punt 1.3 u l-elementi rilevanti għall-punt 12; jew

(vi)

punt 1.4; jew

(vii)

punt 1.5.

Għall-punt 2 – Żoni demarkati tal-ajruporti:

il-punt kollu

Għall-punt 3 – Sigurtà tal-ajruport:

(i)

punt 3.1; jew

(ii)

punt 3.2.

Għall-punt 4 – Bagalji tal-passiġġieri u bagalji li jiddaħħlu fil-kabina:

(i)

punt 4.1 u l-elementi rilevanti ta’ punt 12; jew

(ii)

punt 4.2. jew

(iii)

punt 4.3.

Għall-punt 5 – Bagalji tal-istiva:

(i)

punt 5.1 u l-elementi rilevanti ta’ punt 12; jew

(ii)

punt 5.2; jew

(iii)

punt 5.3.

Għall-punt 6 – Merkanzija u posta:

(i)

id-dispożizzjonijiet kollha relatati ma’ kontrolli ta’ tgħarbil u ta’ sigurtà applikati minn aġent regolat, ħlief fejn hemm imniżżel fil-punti (ii) sa (v) hawn isfel; jew

(ii)

id-dispożizzjonijiet kollha relatati ma’ kontrolli ta’ sigurtà applikati minn konsenjaturi magħrufa; jew

(iii)

id-dispożizzjonijiet kollha relatati ma’ konsenjaturi tal-kont; jew

(iv)

id-dispożizzjonijiet kollha relatati mat-trasportazzjoni ta’ merkanzija u posta; jew

(v)

id-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-protezzjoni ta’ merkanzija u posta fl-ajruporti.

Għall-punt 7 – Posta u materjali tat-trasportaturi bl-ajru:

il-punt kollu

Għall-punt 8 – Provvisti għat-titjira:

il-punt kollu

Għall-punt 9 – Provvisti għall-ajruport:

il-punt kollu

Għall-punt 10 – Miżuri ta’ sigurtà għal matul it-titjira:

il-punt kollu

Għall-punt 11 – Reklutaġġ u taħriġ tal-persunal:

(i)

id-dispożizzjonijiet kollha relatati mar-reklutaġġ tal-persunal għal ajruport, trasportatur tal-ajru jew entità; jew

(ii)

id-dispożizzjonijiet kollha relatati mat-taħriġ tal-persunal f’ajruport, trasportatur tal-ajru jew entità;

“Appendiċi II

Sistema ta’ klassifikazzjoni armonizzata tal-konformità

Il-klassifikazzjoni tal-konformità li ġejja għandha tapplika sabiex biex issir valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

 

Verifika ta’ sigurtà

Spezzjoni

Test

Konformi totalment

Image 1

Image 2

Image 3

Konformi, iżda hu mixtieq xi titjib

Image 4

Image 5

Image 6

Mhux konformi

Image 7

Image 8

Image 9

Mhux konformi, b’nuqqasijiet serji

Image 10

Image 11

Image 12

Mhux applikabbli

Image 13

Image 14

 

Mhux ikkonfermat

Image 15

Image 16

Image 17

“Appendiċi III

KONTENUT TAR-RAPPORT LILL-KUMMISSJONI

1.   Struttura ta’ organizzazzjoni, responsabbiltajiet u riżorsi

(a)

Struttura ta’ organizzazzjoni tal-kontroll ta’ kwalità, responsabbiltajiet u riżorsi, inklużi l-emendi ppjanati għall-ġejjieni (ara punt 3.2 a)

(b)

Għadd ta’ awdituri - attwali u ppjanati (ara punt 14)

(c)

Taħriġ imwettaq mill-awdituri (ara punt 15.2).

2.   Attivitajiet ta’ monitoraġġ operattiv

L-attivitajiet kollha ta’ monitoraġġ imwettqa, fejn hemm speċifikat:

(a)

tip (verifika ta’ sigurtà, spezzjoni inizjali, spezzjoni ta’ segwitu, test, oħrajn);

(b)

ajruporti, operaturi jew entitajiet immonitorjati;

(c)

ambitu;

(d)

frekwenza; u

(e)

total ta’ jiem ta’ xogħol minn persuna fil-qasam.

3.   Attivitajiet ta’ korrezzjoni ta’ nuqqasijiet

(a)

Status tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ korrezzjoni ta’ nuqqasijiet.

(b)

Attivitajiet ewlenin imwettqa jew ippjanati (eż. ħolqien ta’ karigi ġodda, tagħmir mixtri, ħidma ta’ kostruzzjoni) u l-progress miksub għall-korrezzjoni.

(c)

Miżuri ta’ infurzar użati (ara l-punt 3.2 (f)).

4.   Dejta u xejriet ġenerali

(a)

L-għadd nazzjonali annwali tat-traffiku ta’ passiġġieri u merkanzija u l-għadd ta’ moviment tal-ajruplani.

(b)

Il-lista tal-ajruporti skont il-kategorija.

(c)

L-għadd ta’ trasportaturi tal-ajru li joperaw mit-territorju skont il-kategorija (nazzjonali, UE, pajjiż terz).

(d)

L-għadd ta’ aġenti regolati.

(e)

L-għadd ta’ kumpaniji tal-kejtering.

(f)

L-għadd ta’ kumpaniji tat-tindif.

(g)

L-għadd approssimattiv ta’ etitajiet oħra b’responabbiltajiet ta’ sigurtà tal-avjazzjoni (konsenjaturi, kumpaniji għas-servizzi fuq l-art magħrufa).

5.   Sitwazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruporti

Kuntest ġenerali tas-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Istat Membru.