9.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 324/52


VERŻJONI KKODIFIKATA TAR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-verżjoni kkodifikata tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu nhar l-14 ta’ Lulju 2010

Din l-edizzjoni tiġbor fiha:

ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adottati fis-sessjoni plenarja tas-17 ta’ Lulju 2002 (ĠU L 268 tal-4 ta’ Ottubru 2002), li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2002, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 78,

il-bidliet li rriżultaw minn dawn l-atti:

1.

emendi tas-27 ta’ Frar 2003 għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU L 258 tal-10 ta’ Ottubru 2003),

2.

emendi tal-31 ta’ Marzu 2004 għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU L 310 tas-7 ta’ Ottubru 2004),

3.

emendi tal-5 ta’ Lulju 2006 għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU L 93 tat-3 ta’ April 2007),

4.

emendi tat-12 ta’ Marzu 2008 għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU L 159 tal-20 ta’ Ġunju 2009),

5.

emendi tal-14 ta’ Lulju 2010 għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Din l-edizzjoni tħejjiet mis-segretarjat ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tiġbor l-emendi differenti approvati mill-Assemblea tal-Kumitat.

Id-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, li ġew adottati mill-Bureau tal-Kumitat b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 77(2a), huma ppreżentati separatament.

PREAMBOLU

1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrappreżenta d-diversi komponenti ekonomiċi u soċjali tas-soċjetà ċivili organizzata. Dan huwa korp istituzzjonali konsultattiv stabbilit permezz tat-Trattat ta’ Ruma fl-1957.

2.

Ir-rwol konsultattiv tal-Kumitat jippermetti lill-membri tiegħu, u għalhekk lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw, li jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Id-diverġenza fl-opinjonijiet li kultant tikkaratterizza d-diskussjonijiet tal-Kumitat ħafna drabi titlob negozjati serji li jinvolvu mhux biss l-imsieħba soċjali abitwali, jiġifieri min iħaddem (Grupp I) u l-impjegati (Grupp II), iżda wkoll l-interessi soċjoprofessjonali l-oħra kollha rappreżentati (Grupp III). Din il-kompetenza, id-diskussjonijiet u n-negozjati, kif ukoll l-isforz li tinstab konverġenza fl-opinjoni jagħtu lok għal titjib fil-kwalità u l-kredibbiltà tad-deċiżjoni politika tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li dan il-proċess jinftiehem u jsir aċċettat aktar miċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll tiżdied it-trasparenza li tant hija meħtieġa għad-demokrazija.

3.

Fl-isfond tal-istruttura istituzzjonali Ewropea, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jaqdi rwol speċifiku: dan huwa l-lok ewlieni li fih l-opinjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Unjoni Ewropea jiġu rappreżentati u diskussi, u huwa wkoll il-korp ideali sabiex jagħmilha ta’ medjatur bejn is-soċjetà ċivili organizzata u l-Unjoni Ewropea.

4.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bħala forum ta’ dibattitu u lok fejn jitħejjew l-opinjonijiet, jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kredenzjali demokratiċi tal-proċess tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, inkluż it-tkattir tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-gruppi soċjoekonomiċi f’pajjiżi terzi. Permezz ta’ dan, huwa jgħin fit-tisħiħ ta’ kuxjenza Ewropea ġenwina.

5.

Sabiex iwettaq il-missjonijiet tiegħu b’suċċess, fis-17 ta’ Lulju 2002, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (1), b’konformità mal-Artikolu 260(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

6.

Il-Kumitat adotta l-aħħar verżjoni kkodifikata ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura fis-sessjoni plenarja tal-14 ta’ Lulju 2010.

TITOLU I

ORGANIZZAZZJONI TAL-KUMITAT

Kapitolu I

BIDU TAL-KARIGA TAL-KUMITAT

Artikolu 1

1.

Il-mandat tal-Kumitat jiġġedded kull ħames snin.

2.

L-ewwel laqgħa tal-Kumitat wara t-tiġdid ta’ mandat ta’ ħames snin għandha titlaqqa’ mill-iżjed membru anzjan fl-età, possibbilment mhux aktar tard minn xahar wara li l-membri tal-Kumitat jiġu mgħarrfa bil-ħatra tagħhom mill-Kunsill.

Artikolu 2

1.

Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn dawn il-korpi: l-Assemblea, il-Bureau, il-president u s-sezzjonijiet speċjalizzati.

2.

Il-Kumitat għandu jkun strutturat fi tliet gruppi, li l-kompożizzjoni u r-rwol tagħhom huma spjegati fl-Artikolu 27.

3.

Il-membri tal-Kumitat mhuma marbuta bl-ebda mandat obbligatorju. Huma jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Waqt it-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom u matul il-vjaġġi tagħhom lejn u mill-post tal-laqgħa, il-membri jgawdu mill-privileġġi u l-immunitajiet definiti mill-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea. B’mod speċifiku, huma jibbenefikaw mil-libertà tal-moviment, l-invjolabilità personali u l-immunità.

Artikolu 2a

1.

Il-Kumitat jagħraf u jadotta s-simboli tal-Unjoni Ewropea li ġejjin:

a)

il-bandiera b’ċirku ta’ tnax-il stilla tad-deheb fuq sfond blu,

b)

l-innu meħud minn “Odi lill-Hena” mid-Disa’ Sinfonija ta’ Ludwig van Beethoven,

c)

il-motto “Magħqudin fid-diversità”.

2.

Il-Kumitat jiċċelebra Jum l-Ewropa fid-9 ta’ Mejju.

3.

Il-bandiera għandha tidher fil-bini tal-Kumitat u fl-avvenimenti uffiċjali.

4.

L-innu għandu jindaqq f’kull ċerimonja inawgurali fil-bidu tal-mandat u f’okkażjonijiet formali oħra, b’mod speċjali sabiex tingħata merħba lill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, jew sabiex jintlaqgħu l-membri l-ġodda wara t-tkabbir.

Kapitolu II

IL-BUREAU

Artikolu 3

1.

Fl-elezzjoni tal-membri tal-Bureau għandu jinżamm bilanċ globali u ġeografiku bejn il-gruppi, b’mhux inqas minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u b’mhux aktar minn tlieta. Il-gruppi jinnegozjaw u jfasslu proposta għall-kompożizzjoni tal-Bureau biex jippreżentawha lill-Assemblea.

Il-Bureau jinkludi:

a)

il-president u ż-żewġ viċi presidenti,

b)

il-presidenti tat-tliet gruppi eletti b’konformità mal-Artikolu 27,

c)

il-presidenti tas-sezzjonijiet speċjalizzati,

d)

għadd varjabbli ta’ membri, li ma jaqbiżx l-għadd ta’ Stati Membri.

2.

Il-president huwa magħżul minn fost it-tliet gruppi permezz ta’ rotazzjoni.

3.

Il-president u l-viċi presidenti ma jistgħux jerġgħu jingħataw il-funzjonijiet rispettivi tagħhom. Sentejn u nofs wara li jintemm il-mandat tiegħu, il-president ma jistax ikun membru tal-Bureau bħala viċi president, president ta’ grupp jew ta’ sezzjoni speċjalizzata.

4.

Il-viċi presidenti jintgħażlu minn fost il-membri taż-żewġ gruppi li l-president ma jkunx imsieħeb fihom.

Artikolu 4

1.

Fl-ewwel laqgħa tiegħu, li ssir skont l-Artikolu 1, il-Kumitat, ippresedut mill-aktar membru anzjan fl-età, għandu jaħtar minn fost il-membri tiegħu president, żewġ viċi presidenti, il-presidenti tas-sezzjonijiet speċjalizzati u l-membri l-oħra tal-Bureau minbarra l-presidenti tal-gruppi għal mandat ta’ sentejn u nofs li jibda mid-data tal-bidu tal-kariga tal-Kumitat.

2.

Huma biss il-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-elezzjonijiet imsemmija li jistgħu jiġu diskussi taħt il-presidenza tal-aktar membru anzjan fl-età.

Artikolu 5

Il-laqgħa li matulha jiġi elett il-Bureau tal-Kumitat għall-aħħar sentejn u nofs tal-mandat ta’ ħames snin għandha tissejjaħ mill-president li jkun għadu kif intemm il-mandat tiegħu. Din issir fil-bidu tas-sessjoni fix-xahar li fih jintemm il-mandat tal-ewwel Bureau, taħt il-presidenza tal-president li jkun għadu kif intemm il-mandat tiegħu.

Artikolu 6

1.

Il-Kumitat jista’ jistabbilixxi kummissjoni preparatorja magħmula mill-membri tiegħu, li tinkludi rappreżentant minn kull Stat Membru u tkun inkarigata tirċievi l-kandidaturi u tressaq il-lista tal-kandidati quddiem l-Assemblea, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3.

2.

Il-Kumitat, b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, għandu jieħu deċiżjoni fuq il-lista jew listi ta’ kandidati għall-Bureau u l-presidenza.

3.

Il-Kumitat għandu jaħtar il-membri tal-Bureau li mhumiex presidenti tal-gruppi permezz ta’ votazzjoni waħda jew aktar skont il-ħtieġa, b’konformità mal-proċeduri rilevanti għall-votazzjoni fuq lista waħda jew għadd ta’ listi tal-ismijiet.

4.

Fil-votazzjoni jistgħu jintużaw biss dawk il-listi tal-kandidati li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 u li tkun mehmuża magħhom dikjarazzjoni li fiha kull kandidat jaċċetta l-kandidatura tiegħu.

5.

Dawk il-kandidati fuq il-lista li jiksbu l-akbar numru ta’ voti validi mixħuta, u tal-anqas kwart minnhom, jiġu eletti membri tal-Bureau.

6.

Il-president u l-viċi presidenti tal-Kumitat jiġu eletti mill-Assemblea b’maġġoranza sempliċi.

7.

Il-Kumitat imbagħad jaħtar il-presidenti tas-sezzjonijiet speċjalizzati b’maġġoranza sempliċi.

8.

Fl-aħħar nett, il-Kumitat għandu jivvota għall-Bureau kollu kemm hu. Tal-inqas żewġ terzi tal-voti validi mixħuta jridu jkunu favur.

Artikolu 7

F’każ li membru tal-Bureau jkun f’sitwazzjoni fejn ma jistax iwettaq il-mandat tiegħu jew f’sitwazzjonijiet oħra stabbiliti fl-Artikolu 70(2), għandu jiġi sostitwit b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 għat-tul tal-mandat li jkun fadal. L-Assemblea għandha tivvota fuq din is-sostituzzjoni fuq il-bażi ta’ proposta mressqa mill-grupp ikkonċernat.

Artikolu 8

1.

Il-laqgħat tal-Bureau għandhom jissejħu mill-president, li jaġixxi f’kapaċità ex officio, jew fuq it-talba ta’ għaxar membri.

2.

Għandhom jittieħdu l-minuti għal kull laqgħa tal-Bureau. Dawn il-minuti għandhom jiġu ppreżentati lill-Bureau għall-approvazzjoni tiegħu.

3.

Il-Bureau għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ ħidma tiegħu.

4.

Huwa għandu jkun responsabbli għall-organizzazzjoni u l-proċeduri ta’ ħidma tal-Kumitat. Huwa għandu jadotta d-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura wara li jikkonsulta l-gruppi.

5.

Il-Bureau u l-president jeżerċitaw is-setgħat baġitarji u finanzjarji previsti fir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat.

6.

Il-Bureau għandu jiddetermina d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni marbuta mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-indennizzi tal-membri, tas-sostituti tagħhom maħtura b’konformità mal-Artikolu 18, u tad-delegati u s-sostituti tagħhom maħtura b’konformità mal-Artikolu 24, u tal-esperti tagħhom maħtura b’konformità mal-Artikolu 23, u skont il-proċeduri baġitarji u finanzjarji.

7.

Il-Bureau jieħu r-responsabbiltà politika tat-tmexxija tal-Kumitat. B’mod partikolari, huwa għandu jiżgura li l-attivitajiet tal-Kumitat, il-korpi u l-persunal tiegħu jkunu konformi mar-rwol istituzzjonali tiegħu.

8.

Il-Bureau għandu r-responsabbiltà jiżgura li, fit-twettiq tal-kompiti fdati lilu permezz tat-Trattat, il-Kumitat juża tajjeb ir-riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi għad-dispożizzjoni tiegħu. Għalhekk, il-Bureau għandu jipparteċipa fil-proċeduri rilevanti għat-tħejjija tal-baġit u l-organizzazzjoni tas-segretarjat.

9.

Il-Bureau jista’ jistabbilixxi fi ħdanu gruppi ad hoc sabiex jeżaminaw kull kwistjoni fil-kompetenza tiegħu. Ħlief għall-kwistjonijiet marbuta mal-ħatra tal-uffiċjali, il-membri l-oħra jistgħu jiġu involuti fil-ħidma ta’ dawn il-gruppi.

10.

Kull sitt xhur il-Bureau għandu jeżamina l-passi li ttieħdu dwar l-opinjonijiet maħruġa mill-Kumitat, fuq il-bażi ta’ rapport imħejji għal dan il-għan.

11.

Fuq talba ta’ wieħed mill-membri jew tas-segretarju ġenerali, il-Bureau għandu jiċċara l-interpretazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura u d-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni. Il-konklużjonijiet tiegħu għandhom jitqiesu vinkolanti, iżda soġġetti għad-dritt ta’ appell lill-Assemblea sabiex tittieħed deċiżjoni finali.

12.

Waqt it-tiġdid ta’ kull ħames snin, il-Bureau li jkun temm il-kariga tiegħu jkun inkarigat mill-ħidma attwali sakemm il-Kumitat il-ġdid jiltaqa’ għall-ewwel darba. F’każi eċċezzjonali, jista’ jinkariga membru tal-Kumitat preċedenti sabiex iwettaq kompiti speċifiċi jew kompiti li għandhom jitlestew sa żmien iddeterminat, li jeħtieġu għarfien partikolari.

Artikolu 9

Fil-qafas tal-kooperazzjoni interistituzzjonali, il-Bureau jista’ jawtorizza lill-president jikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

1.

Għandu jiġi stabbilit grupp baġitarju inkarigat biex jipprepara kull abbozz ta’ deċiżjoni li l-Bureau għandu jadotta fil-qasam finanzjarju u baġitarju.

2.

Il-grupp baġitarju huwa ppresedut minn wieħed miż-żewġ viċi presidenti taħt l-awtorità tal-president. Għandu jkollu disa’ membri maħtura mill-Bureau fuq proposta tal-gruppi.

2a.

Il-grupp baġitarju jieħu sehem fit-tfassil tal-baġit tal-Kumitat, joħroġ opinjoni fuqu u jressaqha quddiem il-Bureau għall-approvazzjoni, jiżgura li l-baġit jiġi implimentat tajjeb u jissorvelja l-konformità mal-obbligu li jinħareġ rapport.

3.

F’ċerti kwistjonijiet oħra, il-Bureau jista’ jiddelega s-setgħatu li jieħu d-deċiżjonijiet lill-grupp baġitarju.

4.

Il-grupp baġitarju jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu fuq il-bażi tal-prinċipji tal-unità u tal-eżattezza tal-baġit, tal-annwalità, tal-ekwilibriju, tal-unità tal-kontijiet, tal-universalità, tal-ispeċifikazzjoni, tal-amministrazzjoni finanzjarja tajba u tat-trasparenza. Huwa jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu kif ġej:

a)

il-proposti adottati unanimament mill-grupp baġitarju għandhom jitressqu quddiem il-Bureau għall-approvazzjoni tiegħu,

b)

il-proposti approvati b’maġġoranza sempliċi jew iċ-ċaħdiet ta’ dawn il-proposti għandhom ikunu ġġustifikati sabiex wara jkunu jistgħu jkomplu jiġu evalwati mill-Bureau tal-Kumitat.

5.

Il-grupp baġitarju jista’ jipproċedi għat-tqassim tal-funzjonijiet bejn il-membri tiegħu. Madankollu, id-deċiżjonijiet tiegħu jiġu adottati b’mod kolleġġjali.

6.

Il-president tal-grupp baġitarju jippresiedi d-delegazzjoni inkarigata min-negozjati mal-awtoritajiet baġitarji u jħejji rapport dwar dan għall-Bureau.

7.

Il-grupp baġitarju huwa responsabbli għall-għoti ta’ pariri lill-president, lill-Bureau u lill-Kumitat, u għas-superviżjoni tas-servizzi.

Artikolu 10a

1.

Għandu jiġi stabbilit grupp tal-komunikazzjoni, bl-inkarigu li jipprovdi l-impulsi meħtiġin għall-istrateġija ta’ komunikazzjoni tal-Kumitat u li jiżgura li jingħata segwitu għal din il-ħidma. Kull sena, dan iħejji rapport għall-Kumitat dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija kif ukoll programm għas-sena ta’ wara.

2.

Il-grupp tal-komunikazzjoni jitmexxa minn wieħed miż-żewġ viċi presidenti taħt l-awtorità tal-president. Ikun magħmul minn disa’ membri, maħtura mill-Bureau, fuq proposta tal-gruppi.

3.

Il-grupp tal-komunikazzjoni jikkoordina l-attivitajiet tal-istrutturi responsabbli għall-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet mal-istampa u l-mezzi tax-xandir, filwaqt li jiżgura li dawn l-attivitajiet jikkonformaw mal-istrateġija u l-programmi approvati.

Kapitolu III

Il-PRESIDENZA U L-PRESIDENT

Artikolu 11

1.

Il-presidenza hija komposta mill-president u ż-żewġ viċi presidenti.

2.

Il-presidenza tal-Kumitat għandha tiltaqa’ mal-presidenti tal-gruppi bil-għan li titħejja ħidmet il-Bureau u l-Assemblea. Il-presidenti tas-sezzjonijiet speċjalizzati jistgħu jkunu mistiedna jattendu.

3.

Bil-għan li jiġi definit il-programm ta’ ħidma tal-Kumitat u sabiex issir evalwazzjoni tal-progress tiegħu, il-presidenza għandha tiltaqa’ tal-inqas darbtejn fis-sena mal-presidenti tal-gruppi u tas-sezzjonijiet speċjalizzati.

Artikolu 12

1.

Il-president għandu jiddirieġi l-attivitajiet kollha tal-Kumitat u tal-korpi tiegħu b’konformità mat-Trattat u r-Regoli preżenti. Huwa għandu f’idejh is-setgħat kollha meħtieġa biex jippresiedi d-diskussjonijiet tal-Kumitat u biex jiggarantixxi li dan jiffunzjona tajjeb.

2.

Il-president għandu jinvolvi l-viċi presidenti fl-attivitajiet tiegħu b’mod permanenti. Huwa għandu l-jedd jinkarigahom b’kompiti speċifiċi jew responsabbiltajiet li huma fil-kompetenza tiegħu.

3.

Il-president għandu l-jedd jagħti karigi speċifiċi lis-segretarju ġenerali għal perijodu limitat.

4.

Il-president jirrappreżenta lill-Kumitat. Hu jista’ jiddelega din is-setgħa ta’ rappreżentanza lil wieħed mill-viċi presidenti jew, jekk ikun hemm bżonn, lil wieħed mill-membri.

5.

Il-president għandu jagħti lill-Kumitat rendikont tal-passi u l-miżuri li jittieħdu għan-nom tiegħu fil-perijodu bejn is-sessjonijiet plenarji. Dawn ir-rapporti m’għandhomx jiġu segwiti minn dibattitu.

6.

Wara li jiġi elett, il-president għandu jippreżenta programm ta’ ħidma għall-perijodu tal-kariga tiegħu. Fl-aħħar tal-mandat tiegħu, għandu jippreżenta wkoll rendikont ta’ dak li jkun inkiseb.

Dawn iż-żewġ preżentazzjonijiet jistgħu jiġu diskussi fl-Assemblea.

Artikolu 13

Iż-żewġ viċi presidenti huma, rispettivament, il-president tal-grupp baġitarju u l-president tal-grupp tal-komunikazzjoni u jwettqu ħidmiethom taħt l-awtorità tal-president.

Artikolu 13a

1.

Il-presidenza estiża hija magħmula mill-president tal-Kumitat, iż-żewġ viċi presidenti u l-presidenti tal-gruppi.

2.

Il-presidenza estiża għandha l-funzjoni li tħejji u tiffaċilita l-ħidma tal-Bureau.

Kapitolu IV

SEZZJONIJIET SPEĊJALIZZATI

Artikolu 14

1.

Il-Kumitat għandu jkun kompost minn sitt sezzjonijiet speċjalizzati. Jistgħu jiġu stabbiliti sezzjonijiet speċjalizzati oħra mill-Assemblea Plenarja fuq proposta tal-Bureau, fl-oqsma koperti mit-Trattati.

2.

Il-Kumitat għandu jistabbilixxi s-sezzjonijiet speċjalizzati wara kull tiġdid ta’ mandat ta’ ħames snin, matul is-sessjoni inawgurali.

3.

Il-lista tas-sezzjonijiet speċjalizzati u l-kompetenzi tagħhom jistgħu jerġgħu jiġu eżaminati matul kull tiġdid ta’ mandat ta’ ħames snin.

Artikolu 15

1.

L-għadd tal-membri tas-sezzjonijiet speċjalizzati għandu jkun deċiż mill-Kumitat fuq proposta tal-Bureau.

2.

Kull membru tal-Kumitat minbarra l-president għandu jkun imsieħeb f’tal-anqas waħda mis-sezzjonijiet speċjalizzati.

3.

L-ebda membru ma jista’ jkun imsieħeb f’aktar minn żewġ sezzjonijiet speċjalizzati, ħlief jekk ikun ġej minn Stat Membru b’disa’ membri jew inqas. Madankollu, ħadd ma jista’ jkun imsieħeb f’aktar minn tliet sezzjonijiet speċjalizzati.

4.

Il-membri tas-sezzjonijiet speċjalizzati għandhom jinħatru mill-Kumitat għal perijodu ta’ sentejn u nofs, li jista’ jiġġedded.

5.

Il-proċedura għall-ħatra tal-membri tas-sezzjonijiet speċjalizzati għandha tintuża wkoll meta dawn il-membri jinbidlu.

Artikolu 16

1.

Il-Bureau tas-sezzjonijiet speċjalizzati, elett għal perijodu ta’ sentejn u nofs, huwa magħmul minn tnax-il membru, li wieħed minnhom huwa l-president u tlieta minnhom viċi presidenti, jiġifieri wieħed minn kull grupp.

2.

L-elezzjoni tal-presidenti tas-sezzjonijiet speċjalizzati u tal-membri l-oħra tal-Bureau ssir mill-Kumitat.

3.

Il-president u l-membri l-oħra tal-Bureau ta’ sezzjoni speċjalizzata jistgħu jiġu eletti mill-ġdid.

4.

Kull sentejn u nofs, il-presidenza tat-tliet gruppi speċjalizzati tinbidel permezz ta’ rotazzjoni bejn il-gruppi. L-istess grupp ma jistax jokkupa l-presidenza ta’ sezzjoni speċjalizzata għal aktar minn ħames snin konsekuttivi.

Artikolu 17

1.

Huwa l-kompitu tas-sezzjonijiet speċjalizzati li jadottaw opinjonijiet jew rapporti ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet li jkunu riferuti lilhom skont l-Artikolu 32 ta’ dawn ir-Regoli.

2.

Bil-għan li jindirizzaw il-kwistjonijiet li jkunu riferuti lilhom, is-sezzjonijiet speċjalizzati jistgħu jiġu stabbiliti minn fost il-membri tagħhom grupp ta’ studju jew grupp ta’ abbozzar jew inkella jaħtru relatur uniku.

3.

Il-ħatra tar-relaturi, u jekk ikun hemm bżonn, tal-korelaturi, kif ukoll il-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ studju u l-gruppi ta’ abbozzar, għandhom ikunu deċiżi fuq il-bażi tal-proposti mressqa mill-gruppi.

3a.

Sabiex il-gruppi ta’ studju jkunu jistgħu jibdew ħidmiethom tagħhom malajr u f’każ li jkun hemm ftehim bejn il-presidenti tat-tliet gruppi dwar il-proposta għall-ħatra tar-relaturi u, jekk ikun il-każ, tal-korelaturi, kif ukoll dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ studju jew ta’ abbozzar, il-presidenti tas-sezzjonijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tibda l-ħidma.

4.

Ir-relatur għandu jiġi inkarigat, jekk ikun hemm bżonn bl-għajnuna tal-espert tiegħu, mis-segwitu tal-opinjoni wara li din tkun ġiet adottata fis-sessjoni plenarja. Ir-relatur jiġi megħjun iwettaq dan ir-rwol mis-segretarjat tas-sezzjoni speċjalizzata kkonċernata. Is-sezzjoni tiġi informata b’dan is-segwitu.

5.

Il-gruppi ta’ studju ma jistgħux isiru korpi permanenti, ħlief f’każi eċċezzjonali li jiġu awtorizzati minn qabel mill-Bureau tal-Kumitat għall-istess perijodu ta’ sentejn u nofs.

Artikolu 18

1.

Kwalunkwe membru tal-Kumitat li ma jkunx jista’ jieħu sehem fil-ħidma preparatorja jista’ jiġi rappreżentat mis-sostitut tiegħu..

1a.

Is-sostituti qatt ma jkollhom id-dritt tal-vot.

1b.

Waqt li membru jkun qed jokkupa l-kariga ta’ president ta’ sezzjoni speċjalizzata jew ta’ grupp ta’ studju, ta’ membru tal-Bureau ta’ sezzjoni speċjalizzata jew ta’ relatur, dan ma jistax jiġi sostitwit mis-sostitut tiegħu fl-eżerċizzju ta’ din il-kariga.

2.

L-isem u t-titlu tas-sostitut magħżul għandhom jingħataw lill-Bureau tal-Kumitat għall-approvazzjoni tiegħu.

3.

Waqt il-ħidma preparatorja, is-sostitut jaqdi l-istess dmirijiet tal-membru li jkun qed jissostitwixxi u huwa soġġett għall-istess kondizzjonijiet fir-rigward tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-indennizzi.

Kapitolu V

SOTTOKUMITATI U RELATUR ĠENERALI

Artikolu 19

1.

Fuq l-inizjattiva tal-Bureau tiegħu, f’każi eċċezzjonali l-Kumitat jista’ jistabbilixxi sottokumitati minn fost il-membri tiegħu sabiex ifasslu abbozzi ta’ opinjonijiet jew abbozzi ta’ rapporti ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet strettament orizzontali ta’ natura ġenerali, li għandhom l-ewwel jitressqu quddiem il-Bureau u mbagħad quddiem il-Kumitat.

2.

Bejn is-sessjonijiet, il-Bureau jista’ jistabbilixxi sottokumitati, bil-kondizzjoni li l-Kumitat jirratifikahom aktar ’il quddiem. Dan it-tip ta’ sottokumitat ma jistax ikun stabbilit għal aktar minn suġġett wieħed. Dan ixolji hekk kif il-Kumitat jivvota fuq l-abbozz ta’ opinjoni jew l-abbozz ta’ rapport ta’ informazzjoni li jkun ħejja.

3.

Meta kwistjoni tiddependi mill-kompetenzi ta’ diversi sezzjonijiet speċjalizzati, is-sottokumitat għandu jkun magħmul minn membri tas-sezzjonijiet speċjalizzati kkonċernati.

4.

Ir-regoli relatati mas-sezzjonijiet speċjalizzati japplikaw bl-istess mod għas-sottokumitati.

Artikolu 20

Il-Kumitat jista’, speċjalment fil-każ ta’ konsultazzjonijiet li jikkonċernaw suġġetti ta’ interess sekondarju jew li huma urġenti, jaħtar relatur ġenerali li jressaq rapport quddiem l-Assemblea waħdu u mingħajr ma jgħaddi mis-sezzjoni speċjalizzata.

Kapitolu VI

OSSERVATORJI, SEDUTI, ESPERTI

Artikolu 21

1.

Il-Kumitat jista’ jistabbilixxi osservatorji kull meta n-natura, il-firxa u l-kumplessità tas-suġġett indirizzat jitolbu strateġija partikolari fil-metodi ta’ ħidma, proċeduri u strumenti li jiġu applikati.

2.

L-osservatorji jiġu stabbiliti fuq deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja, li tirratifika d-deċiżjoni li tkun ittieħdet minn qabel mill-Bureau fuq il-proposta ta’ grupp jew ta’ sezzjoni speċjalizzata.

3.

Id-deċiżjoni li jiġi stabbilit osservatorju għandha tistabbilixxi l-għan, l-istruttura, il-kompożizzjoni u l-perijodu ta’ ħidma tiegħu.

4.

L-osservatorji jistgħu jfasslu dokument ta’ informazzjoni annwali dwar l-applikazzjoni tal-klawżoli orizzontali tat-Trattat (klawżola soċjali, klawżola ambjentali u klawżola tal-ħarsien tal-konsumatur) u l-impatt tagħhom fuq il-politiki tal-Unjoni Ewropea. Fuq deċiżjoni tal-Assemblea, dan ir-rapport jista’ jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

5.

Kull osservatorju jaħdem taħt il-patroċinju u l-kontroll ta’ sezzjoni speċjalizzata.

Artikolu 22

Jekk l-importanza ta’ kwistjoni fuq suġġett partikolari tiġġustifika dan, id-diversi korpi u strutturi tal-Kumitat jistgħu jistiednu kelliema esterni għal waħda mis-seduti. Jekk biex jinġieb kelliem estern ikunu involuti spejjeż addizzjonali, il-korp ikkonċernat għandu jitlob awtorizzazzjoni minn qabel mill-Bureau tal-Kumitat u jippreżenta programm li jiġbor fih ir-raġunijiet għaliex fil-fehma tiegħu ċerti aspetti jitolbu assistenza esterna.

Artikolu 23

F’każ li t-tħejjija ta’ ċerti ħidmiet tkun teħtieġ dan, il-president, fuq inizjattiva proprja, fuq proposta tal-gruppi, tas-sezzjonijiet speċjalizzati, tar-relaturi jew tal-korelaturi, jista’ jaħtar esperti skont il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Bureau u b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(6). L-esperti jieħdu sehem fil-ħidma preparatorja skont l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-membri fir-rigward tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-indennizzi.

Kapitolu VII

KUMMISSJONIJIET KONSULTATTIVI

Artikolu 24

1.

Il-Kumitat jista’ jagħżel li jistabbilixxi kummissjonijiet konsultattivi. Dawn għandhom ikunu magħmulin minn membri tal-Kumitat u minn delegati li ġejjin mill-oqsma tas-soċjetà ċivili organizzata li l-Kumitat ikun jixtieq jinvolvi f’ħidmietu.

2.

Dawn il-kummissjonijiet għandhom jiġu stabbiliti skont deċiżjoni meħuda mill-Bureau. Id-deċiżjoni li toħloq dawn il-kummissjonijiet għandha tiddefinixxi l-għan, l-istruttura, il-kompożizzjoni, it-tul ta’ żmien u r-regoli tagħhom.

3.

B’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24(1) u (2), tista’ tiġi stabbilita Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) magħmula minn membri tal-Kumitat u minn delegati minn organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-setturi ekonomiċi u soċjali kif ukoll mis-soċjetà ċivili, li għandhom interess partikolari fil-bidliet industrijali. Il-president ta’ din il-kummissjoni għandu jkun membru tal-Bureau tal-Kumitat li jirrapporta lejh kull sentejn u nofs dwar l-attivitajiet tas-CCMI. Huwa jintgħażel minn fost il-membri tal-Bureau msemmija fl-Artikolu 3(1)(d) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura. Id-delegati u s-sostituti tagħhom li jieħdu sehem fil-ħidma preparatorja jgawdu l-istess kondizzjonijiet tar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-indennizzi bħall-membri.

Kapitolu VIII

DJALOGU MAL-ORGANIZZAZZJONIJIET EKONOMIĊI U SOĊJALI FL-UNJONI EWROPEA U F’PAJJIŻI TERZI

Artikolu 25

1.

Il-Kumitat, fuq inizjattiva tal-Bureau, jista’ jkollu relazzjonijiet strutturati mal-kunsilli ekonomiċi u soċjali u istituzzjonijiet simili u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta’ natura ekonomika u soċjali fl-Unjoni Ewropea u f’pajjiżi terzi.

2.

Bl-istess mod, huwa għandu jwettaq azzjonijiet li jippromwovu l-ħolqien ta’ kunsilli ekonomiċi u soċjali jew istituzzjonijiet simili fil-pajjiżi fejn għadhom ma jeżistux.

Artikolu 26

1.

Il-Kumitat, fuq proposta tal-Bureau, jista’ jaħtar għadd ta’ delegazzjonijiet sabiex jibnu relazzjonijiet mad-diversi komponenti ekonomiċi u soċjali tas-soċjetà ċivili organizzata fl-istati jew assoċjazzjonijiet ta’ stati li mhumiex imsieħba fl-Unjoni Ewropea.

2.

Il-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-imsieħba tas-soċjetà ċivili organizzata fil-pajjiżi kandidati għandha tieħu l-għamla ta’ kumitati konsultattivi konġunti, f’każ li dawn ikunu ġew iffurmati mill-kunsilli ta’ assoċjazzjoni. F’każi oħra, din issir permezz ta’ gruppi ta’ kuntatt.

3.

Il-kumitati konsultattivi konġunti u l-gruppi ta’ kuntatt għandhom iħejju rapporti u dikjarazzjonijiet li jistgħu jintbagħtu mill-Kumitat lill-istituzzjonijiet kompetenti u lil partijiet oħrajn ikkonċernati.

Kapitolu IX

GRUPPI U KATEGORIJI

Artikolu 27

1.

Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn tliet gruppi ta’ membri li jirrappreżentaw rispettivament lil dawk li jħaddmu, l-impjegati u d-diversi komponenti ekonomiċi u soċjali l-oħra tas-soċjetà ċivili organizzata.

2.

Il-gruppi għandhom jeleġġu l-presidenti u l-viċi presidenti tagħhom. Dawn il-gruppi għandhom jieħdu sehem fit-tħejjija, l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Kumitat u l-korpi tiegħu, u għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom ukoll biex jipprovdulhom l-informazzjoni. Kull grupp għandu jkollu segretarjat għad-dispożizzjoni tiegħu.

2a.

Il-gruppi għandhom jipproponu lill-Assemblea l-kandidati għall-elezzjoni tal-president u tal-viċi presidenti b’konformità mal-Artikolu 6(6), u skont il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, kif definit mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

3.

Il-presidenti tal-gruppi għandhom ikunu membri tal-Bureau b’konformità mal-Artikolu 3(1)(b).

4.

Il-presidenti tal-gruppi għandhom jassistu l-presidenza tal-Kumitat fil-formulazzjoni tal-politiki u, jekk meħtieġ, fil-monitoraġġ tal-infiq.

5.

Il-presidenti tal-gruppi għandhom jiltaqgħu mal-presidenza tal-Kumitat sabiex jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-ħidma tal-Bureau u l-Assemblea.

6.

Il-gruppi għandhom iressqu proposti quddiem l-Assemblea għall-elezzjoni tal-presidenti tas-sezzjonijiet speċjalizzati b’konformità mal-Artikolu 6(7) u l-Bureaux tas-sezzjonijiet speċjalizzati b’konformità mal-Artikolu 16.

7.

Il-gruppi għandhom iressqu proposti għall-kompożizzjoni tal-grupp baġitarju li għandu jiġi stabbilit mill-Bureau b’konformità mal-Artikolu 10(1).

8.

Il-gruppi għandhom iressqu proposti għall-kompożizzjoni tal-osservatorji u l-kummissjonijiet konsultattivi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Assemblea b’konformità mal-Artikolu 21 u l-Artikolu 24 rispettivament.

9.

Il-gruppi għandhom iressqu proposti għall-kompożizzjoni tad-delegazzjonijiet u l-kumitati konsultattivi konġunti li għandhom jiġu stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 26(1) u (2) rispettivament.

10.

Il-gruppi għandhom iressqu proposti għall-għażla tar-relaturi u l-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ studju u l-gruppi ta’ abbozzar li għandhom jinħatru jew jiġu stabbiliti mis-sezzjonijiet speċjalizzati b’konformità mal-Artikolu 17(3).

11.

Fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 27(6) sa (10), il-gruppi għandhom jikkunsidraw ir-rappreżentanza fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri, id-diversi komponenti tal-attività ekonomika u soċjali, it-termini ta’ referenza u l-kriterji tat-tmexxija tajba.

12.

Il-membri jistgħu, fuq bażi volontarja, jingħaqdu ma’ wieħed mill-gruppi bil-kondizzjoni li l-eliġibbiltà tagħhom tkun approvata mill-membri ta’ dak il-grupp. L-ebda membru ma jista’ jissieħeb f’aktar minn grupp wieħed fl-istess ħin.

13.

Is-segretarjat ġenerali għandu jipprovdi lill-membri li ma jkunux imsieħba f’wieħed mill-gruppi l-għajnuna materjali u teknika meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijiethom. Il-parteċipazzjoni tagħhom fil-gruppi ta’ studju u korpi interni oħra għandha ssir fuq deċiżjoni tal-president tal-Kumitat wara konsultazzjoni mal-gruppi.

Artikolu 28

1.

Il-membri tal-Kumitat jistgħu, fuq bażi volontarja, jiffurmaw kategoriji rappreżentattivi tad-diversi interessi ekonomiċi u soċjali tas-soċjetà ċivili organizzata fl-Unjoni Ewropea.

2.

Kategorija tista’ tkun magħmula minn membri tat-tliet gruppi fil-Kumitat. L-ebda membru ma jista’ jissieħeb f’aktar minn kategorija waħda fl-istess ħin.

3.

Il-ħolqien ta’ kategorija hija soġġetta għall-approvazzjoni tal-Bureau, li għandu jinforma lill-Assemblea.

TITOLU II

PROĊEDURA TAL-KUMITAT

Kapitolu I

KONSULTAZZJONI TAL-KUMITAT

Artikolu 29

1.

Il-Kumitat għandu jitlaqqa’ mill-president tiegħu bil-għan li jadotta l-opinjonijiet mitluba mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mill-Parlament Ewropew.

2.

Il-Kumitat għandu jitlaqqa’ mill-president tiegħu, fuq proposta tal-Bureau u bil-kunsens tal-maġġoranza tal-membri tiegħu, biex joħroġ opinjonijiet fuq inizjattiva proprja dwar kull suġġett marbut mal-Unjoni Ewropea, il-politiki tagħha u l-iżviluppi possibbli.

Artikolu 30

1.

It-talbiet għal opinjoni msemmijin fl-Artikolu 29(1) għandhom jiġu indirizzati lill-president tal-Kumitat. Il-president, flimkien mal-Bureau, għandu jorganizza l-ħidma tal-Kumitat u,kemm jista’ jkun, jirrispetta l-limiti ta’ żmien stabbiliti fit-talba għal opinjoni.

2.

Il-Bureau jistabbilixxi l-ordni ta’ prijorità għall-analiżi tal-opinjonijiet billi jaqsamhom f’kategoriji.

3.

Is-sezzjonijiet speċjalizzati għandhom iħejju proposta għall-allokazzjoni tal-opinjonijiet fost it-tliet kategoriji msemmija aktar ’l isfel. Huma jagħtu indikazzjoni proviżorja tad-daqs tal-grupp ta’ studju. Wara li jsir l-arbitraġġ min-naħa tal-presidenza u l-presidenti tal-gruppi, il-proposta titressaq quddiem il-Bureau għal deċiżjoni. F’xi każi partikolari, il-presidenti tal-gruppi jistgħu jipproponu li jinbidel id-daqs tal-grupp ta’ studju. Waqt il-laqgħa segwenti, il-Bureau jikkonferma din il-proposta ġdida u jistabbilixxi d-daqs definittiv tal-grupp ta’ studju.

It-tliet kategoriji huma definiti skont il-kriterji li ġejjin:

 

Kategorija A (konsultazzjonijiet dwar suġġetti rikonoxxuti bħala prijoritarji). Din il-kategorija tinkludi:

kull talba għal opinjoni esploratorja (Kummissjoni, Parlament Ewropew, presidenzi futuri tal-Kunsill),

kull proposta għal opinjoni fuq inizjattiva proprja adottata,

ċerti konsultazzjonijiet obbligatorji jew fakultattivi.

Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jiġu ttrattati minn gruppi ta’ studju ta’ daqs varjabbli (6, 9, 12, 15, 18, 21 jew 24 membru) li jibbenefikaw mill-mezzi adatti.

 

Kategorija B (konsultazzjonijiet obbligatorji jew fakultattivi dwar suġġetti ta’ interess sekondarju jew urġenti)

Normalment, dawn il-konsultazzjonijiet jiġu ttrattati minn relatur uniku jew ġenerali. F’xi każi eċċezzjonali, jekk il-Bureau jiddeċiedi dan, konsultazzjoni tal-kategorija B tista’ tiġi ttrattata fi ħdan grupp ta’ abbozzar ta’ tliet membri (kategorija “B +”). In-numru ta’ laqgħat u tal-lingwi ta’ ħidma jiġi deċiż mill-Bureau.

 

Kategorija Ċ (konsultazzjonijiet obbligatorji jew fakultattivi, ta’ natura purament teknika).

Dawn il-konsultazzjonijiet jiġu ttrattati permezz tat-tħejjija ta’ opinjoni standard li l-Bureau jressaq quddiem l-Assemblea. Din il-proċedura la timplika l-ħatra ta’ relatur u lanqas l-analiżi minn sezzjoni speċjalizzata, iżda timplika biss l-adozzjoni jew iċ-ċaħda waqt is-sessjoni plenarja. Meta dawn it-testi jiġu ttrattati f’sessjoni plenarja, l-Assemblea l-ewwel tiġi mistiedna tgħid jekk hix favur jew kontra t-trattament tal-konsultazzjonijiet skont il-proċedura msemmija hawn fuq, u mbagħad tivvota favur jew kontra l-adozzjoni tal-opinjoni standard.

4.

Għall-kwistjonijiet urġenti japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 59 ta’ dawn ir-Regoli.

Artikolu 31

Il-Kumitat jista’, fuq proposta tal-Bureau, jiddeċiedi li jħejji rapport ta’ informazzjoni biex jeżamina kwalunkwe kwistjoni relatata mal-politiki tal-Unjoni Ewropea u l-iżviluppi possibbli.

Artikolu 31a

Il-Kumitat jista’, fuq proposta ta’ sezzjoni speċjalizzata, ta’ wieħed mill-gruppi jew ta’ terz mill-membri tiegħu, iħejji riżoluzzjonijiet fuq temi attwali, li wara jiġu adottati mill-Assemblea b’konformità mal-Artikolu 56(2). L-abbozzi ta’ riżoluzzjoni għandhom jingħataw prijorità fl-aġenda tal-Assemblea.

Kapitolu II

ORGANIZZAZZJONI TAL-ĦIDMA

A.    Ħidmet is-sezzjonijiet speċjalizzati

Artikolu 32

1.

Sabiex titħejja opinjoni jew rapport ta’ informazzjoni, il-Bureau, b’konformità mal-Artikolu 8(4), għandu jaħtar is-sezzjoni speċjalizzata responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma involuta. Meta s-suġġett li jkun ser jiġi ttrattat jaqa’ b’mod ċar fl-ambitu ta’ sezzjoni speċjalizzata partikolari, il-president għandu jinkariga lil dik is-sezzjoni u jgħarraf lill-Bureau bid-deċiżjoni tiegħu.

2.

Jekk is-sezzjoni speċjalizzata li tkun inħatret biex tħejji opinjoni tkun tixtieq tisma’ l-fehma tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), jew jekk is-CCMI tkun tixtieq tesprimi fehmietha dwar opinjoni ta’ sezzjoni speċjalizzata, il-Bureau jista’ jawtorizza lis-CCMI tħejji opinjoni komplementari dwar punt jew għadd ta’ punti diskussi fl-opinjoni mitluba. Il-Bureau jista’ wkoll jieħu din id-deċiżjoni minn rajh. Il-Bureau għandu jorganizza l-ħidma tal-Kumitat b’tali mod li s-CCMI tkun tista’ tħejji l-opinjoni tagħha fil-ħin biex titqies mis-sezzjoni speċjalizzata.

Is-sezzjoni speċjalizzata biss għandha l-kompetenza li tressaq rapport quddiem il-Kumitat. Madankollu, mal-opinjoni tagħha hija għandha tehmeż l-opinjoni mħejjija mis-CCMI.

3.

Il-president għandu jgħarraf lill-president tas-sezzjoni speċjalizzata kkonċernata bid-deċiżjoni u d-data sa meta għandha titlesta l-ħidma tas-sezzjoni.

4.

Il-president għandu jinforma lill-membri tal-Kumitat dwar il-konsultazzjoni kif ukoll dwar id-data meta s-suġġett ikun ser jiġi diskuss fis-sessjoni plenarja.

Artikolu 33

(imħassar)

Artikolu 34

Il-president, bi qbil mal-Bureau, jista’ jawtorizza lil waħda mis-sezzjonijiet speċjalizzati torganizza laqgħa konġunta ma’ kummissjoni tal-Parlament Ewropew jew tal-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 35

Is-sezzjonijiet speċjalizzati inkarigati mill-konsultazzjoni dwar kwistjoni partikolari skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dawn ir-Regoli għandhom jitlaqqgħu mill-presidenti tagħhom.

Artikolu 36

1.

Il-laqgħat tas-sezzjonijiet speċjalizzati għandhom jitħejjew mill-presidenti tas-sezzjonijiet speċjalizzati wara li jikkonsultaw il-Bureau tas-sezzjoni.

2.

Il-laqgħat għandhom jiġu ppreseduti mill-presidenti tas-sezzjonijiet speċjalizzati jew, fl-assenza tagħhom, minn wieħed mill-viċi presidenti.

Artikolu 37

1.

Is-seduti tas-sezzjonijiet speċjalizzati jsiru jekk aktar minn nofs il-membri jkunu preżenti jew rappreżentati.

2.

Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-president għandu jagħlaq is-seduta u jsejjaħ seduta oħra fil-ħin u bid-dispożizzjonijiet li jikkonsidra adatti, iżda matul l-istess ġurnata. Din il-laqgħa ssir irrispettivament min-numru ta’ membri preżenti jew rappreżentati.

Artikolu 38

Is-sezzjonijiet speċjalizzati għandhom jadottaw l-opinjonijiet b’referenza għall-abbozz ta’ opinjoni mressaq mir-relatur u, jekk jagħti l-każ, mill-korelatur.

Artikolu 39

1.

L-opinjoni mressqa mis-sezzjoni speċjalizzata għandha tinkludi biss dawk it-testi adottati minnha b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 56 ta’ dawn ir-Regoli.

2.

It-test tal-emendi miċħuda, flimkien mar-riżultat tal-votazzjoni, għandu jinhemeż fl-Anness jekk l-emendi jkunu kisbu tal-inqas kwart tal-voti mixħuta.

Artikolu 40

L-opinjoni tas-sezzjoni speċjalizzata, flimkien mad-dokumenti mehmuża b’konformità mal-Artikolu 39, għandha tintbagħat mill-president tas-sezzjoni speċjalizzata lill-president tal-Kumitat, u għandha titressaq quddiem il-Kumitat mill-Bureau tiegħu mill-aktar fis possibbli. Dawn id-dokumenti għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-membri tal-Kumitat fiż-żmien adegwat.

Artikolu 41

Għandhom jitħejjew il-minuti fil-qosor ta’ kull laqgħa tas-sezzjonijiet speċjalizzati u jitressqu quddiem is-sezzjonijiet speċjalizzati għall-approvazzjoni.

Artikolu 42

Il-president, bi qbil mal-Bureau jew, skont il-każ, mal-Assemblea, jista’ jitlob lil waħda mis-sezzjonijiet speċjalizzati terġa’ teżamina kwistjoni partikolari jekk jikkonsidra li l-proċedura marbuta mat-tfassil tal-opinjonijiet stabbilita f’dawn ir-Regoli ma tkunx ġiet rispettata jew jekk ikun jinħtieġ studju addizzjonali.

Artikolu 43

1.

Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(2), il-ħidma preparatorja tas-sezzjonijiet speċjalizzati għandha titwettaq, fil-prinċipju, fil-qafas ta’ grupp ta’ studju.

2.

Ir-relatur, megħjun mill-espert tiegħu u, jekk ikun hemm bżonn, minn korelatur wieħed jew aktar, għandu janalizza l-problema mressqa, jikkonsidra l-fehmiet espressi u, fuq il-bażi ta’ dan, iħejji abbozz ta’ opinjoni li jintbagħat lill-president tas-sezzjoni speċjalizzata.

3.

Il-gruppi ta’ studju ma jivvotawx.

B.    Ħidmet is-sessjonijiet plenarji

Artikolu 44

L-Assemblea, magħmula mill-membri kollha tal-Kumitat, għandha tiltaqa’ għal diversi sessjonijiet.

Artikolu 45

1.

Is-sessjonijiet għandhom jitħejjew mill-president bil-kollaborazzjoni tal-Bureau. Il-Bureau għandu jiltaqa’ qabel kull sessjoni u, jekk ikun hemm bżonn, matul is-sessjoni, sabiex jorganizza l-proċedimenti.

2.

Il-Bureau jista’ jistabbilixxi limitu ta’ ħin għad-diskussjoni ġenerali ta’ kull opinjoni matul is-sessjoni plenarja.

Artikolu 46

1.

Minn tal-inqas ħmistax-il jum qabel il-ftuħ tas-sessjoni, il-president għandu jibgħat l-abbozz tal-aġenda, li jiġi deċiż mill-Bureau fuq proposta tal-presidenza u bil-kollaborazzjoni tal-presidenti tal-gruppi, lill-membri kollha tal-Kumitat kif ukoll lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew.

2.

L-abbozz tal-aġenda għandu jintbagħat għall-approvazzjoni tal-Assemblea mal-ftuħ ta’ kull sessjoni. Hekk kif l-aġenda tkun adottata, il-punti għandhom jiġu eżaminati matul is-seduta li jkunu allokati fiha. Id-dokumenti neċessarji għad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-membri b’konformità mal-Artikolu 40.

Artikolu 47

1.

Is-seduti tal-Kumitat isiru jekk aktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu preżenti jew rappreżentati.

2.

Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-president għandu jagħlaq is-seduta u jsejjaħ seduta oħra f’ħin li jikkonsidra adatt, iżda matul l-istess sessjoni. Din is-seduta ssir irrispettivament min-numru ta’ membri preżenti jew rappreżentati.

Artikolu 48

Meta l-aġenda titressaq għall-approvazzjoni, il-president iħabbar, jekk jagħti l-każ, id-diskussjoni ta’ suġġett ta’ attwalità.

Artikolu 49

Il-Kumitat jista’ jemenda l-abbozz tal-aġenda bil-għan li jiġu eżaminati l-abbozzi ta’ riżoluzzjoni li jitressqu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31(a).

Artikolu 50

1.

Il-president jiftaħ is-seduta, imexxi d-dibattiti u jara li jiġu osservati r-Regoli ta’ Proċedura. Hu għandu jiġi assistit mill-viċi presidenti.

2.

F’każ ta’ assenza, il-viċi presidenti jissostitwixxu lill-president. F’każ li l-viċi presidenti jkunu assenti wkoll, is-sostituzzjoni ssir mill-aktar membru anzjan fl-età tal-Bureau.

3.

Il-Kumitat jibbaża d-diskussjonijiet tiegħu fuq ħidmet is-sezzjoni speċjalizzata kompetenti biex tressaq rapport quddiem l-Assemblea.

4.

Jekk test jiġi adottat fis-sezzjoni speċjalizzata b’inqas minn ħames voti kontra, il-Bureau jista’ jipproponi li jiddaħħal fl-aġenda tas-sessjoni plenarja bil-proċedura ta’ votazzjoni bla dibattitu.

Din il-proċedura ma tapplikax:

jekk jopponu mill-inqas ħamsa u għoxrin membru,

jekk jitressqu emendi sabiex jiġu analizzati fis-sessjoni plenarja,

jew jekk sezzjoni speċjalizzata tiddeċiedi li t-test għandu jiġi diskuss waqt sessjoni plenarja.

5.

Jekk test ma jirċevix il-maġġoranza tal-voti fl-Assemblea, il-president tal-Kumitat, bi ftehim mal-Assemblea, jista’ jibagħtu lis-sezzjoni speċjalizzata kompetenti biex terġa’ tanalizzah, jew jaħtar relatur ġenerali li jippreżenta abbozz ta’ test ġdid matul l-istess sessjoni jew matul sessjoni oħra.

Artikolu 51

1.

L-emendi għandhom isiru bil-miktub, ikunu ffirmati minn min jiktibhom u jintbagħtu lis-segretarjat qabel il-ftuħ tas-seduta.

2.

Sabiex il-ħidma tal-Assemblea tiġi organizzata sew, il-Bureau għandu jistabbilixxi l-proċeduri għat-tressiq tal-emendi.

3.

Madankollu, il-Kumitat għandu jaċċetta l-proposti għal emendi li jitressqu qabel il-ftuħ tas-seduta jekk dawn ikollhom il-firma ta’ mill-anqas 25 membru.

4.

L-emendi għandhom jindikaw għal liema parti tat-test qed jirreferu u għandhom jinkludu raġuni konċiża għaliex qed jitressqu. L-emendi b’kontenut jew forma ripetittiva għandhom jiġu eżaminati f’daqqa.

5.

B’mod ġenerali, għal kull emenda l-Assemblea tisma’ biss lil min ikun kitibha, kelliem kontra u lir-relatur.

6.

Waqt l-analiżi ta’ emenda, ir-relatur jista’ jippreżenta bil-fomm proposta ta’ kompromess, bil-kunsens ta’ min ikun kiteb l-emenda inkwistjoni. F’dan il-każ, l-Assemblea tivvota biss fuq il-proposta ta’ kompromess.

7.

L-emenda jew l-emendi li juru pożizzjoni globalment differenti mill-opinjoni tas-sezzjoni speċjalizzata għandhom jitqiesu bħala kontroopinjoni.

Il-Bureau huwa l-korp kompetenti biex jiddeċiedi dwar din il-kwalifika. Huwa jieħu d-deċiżjoni tiegħu wara li jikkonsulta mal-president tas-sezzjoni speċjalizzata kompetenti.

Wara din il-konsultazzjoni, il-Bureau jista’ jiddeċiedi li jibgħat lura lis-sezzjoni speċjalizzata l-abbozz ta’ opinjoni flimkien mal-kontroopinjoni sabiex jerġgħu jiġu analizzati. F’każ ta’ urġenza, il-president tal-Kumitat hu awtorizzat għal dan il-għan.

8.

Jekk ikun hemm bżonn, il-president tal-Kumitat, bi ftehim mal-president u r-relatur tas-sezzjoni speċjalizzata kompetenti, għandu d-dritt jipproponi lill-Kumitat li l-emendi jiġu ttrattati b’tali mod li tinżamm il-koerenza tat-test finali.

Artikolu 52

1.

Il-president jista’, minn rajh jew fuq talba ta’ wieħed mill-membri, jistieden lill-Kumitat jieħu deċiżjoni dwar kemm wieħed jista’ jdum jitkellem, dwar in-numru ta’ kelliema, dwar l-aġġornament tas-seduta jew dwar l-għeluq tad-dibattiti. Wara li jingħalqu d-dibattiti, l-ebda membru ma jista’ jintervjeni ħlief biex jispjega l-vot tiegħu; u dan jista’ jsir wara li tingħalaq il-votazzjoni u fil-limitu ta’ ħin stabbilit mill-president.

2.

Membru jista’ f’kull mument jitlob u jingħata prijorità biex iressaq mozzjoni ta’ proċedura.

Artikolu 53

1.

Il-minuti ta’ kull sessjoni plenarja għandhom jitħejjew u jitressqu quddiem il-Kumitat għall-approvazzjoni.

2.

Il-verżjoni finali ta’ dawn il-minuti għandha tiġi ffirmata mill-president u mis-segretarju ġenerali tal-Kumitat.

Artikolu 54

1.

Minbarra l-bażi legali tal-opinjoni, l-opinjonijiet tal-Kumitat għandhom jinkludu r-raġunijiet u l-fehmiet tal-Kumitat dwar il-kwistjoni kollha.

2.

Ir-riżultat tal-votazzjoni fuq l-opinjoni kollha għandu jidher fil-preambolu tagħha. Meta l-votazzjoni ssir b’sejħa tal-ismijiet, għandhom jitniżżlu l-ismijiet tal-votanti.

3.

F’każ li l-emendi proposti jinċaħdu fis-sessjoni plenarja, iżda jirċievu tal-inqas kwart tal-voti mixħuta, it-testi rilevanti u r-raġuni tagħhom għandhom jinhemżu mal-opinjoni tal-Kumitat, flimkien mar-riżultat tal-votazzjoni. Din il-kondizzjoni għandha tapplika wkoll għall-kontroopinjonijiet.

4.

It-test tal-opinjoni tas-sezzjoni speċjalizzata li jitneħħa biex jiddaħħal it-test tal-emendi adottati mill-Assemblea għandu jinhemeż ukoll fl-Anness tal-opinjoni tal-Kumitat flimkien mar-riżultat tal-votazzjoni, bil-kondizzjoni li tal-inqas kwart tal-voti mixħuta jkunu favur it-test tal-opinjoni tas-sezzjoni speċjalizzata.

5.

Kull meta wieħed mill-gruppi stabbiliti fil-Kumitat b’konformità mal-Artikolu 27, jew waħda mill-kategoriji tal-attività ekonomika u soċjali stabbilita b’konformità mal-Artikolu 28 jadotta pożizzjoni diverġenti iżda uniformi dwar suġġett li jkun tressaq għall-analiżi fl-Assemblea, din il-pożizzjoni tista’ titniżżel fil-qosor fi stqarrija mehmuża mal-opinjoni jekk id-dibattitu dwar is-suġġett jingħalaq permezz ta’ votazzjoni b’sejħa tal-ismijiet.

Artikolu 55

1.

L-opinjonijiet adottati mill-Kumitat u l-minuti tas-sessjonijiet tal-Kumitat għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

2.

L-opinjonijiet adottati mill-Kumitat jistgħu jintbagħtu lil kwalunkwe istituzzjoni jew entità oħra kkonċernata.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Kapitolu I

METODI TA’ VOTAZZJONI

Artikolu 56

1.

Il-voti validi huma dawk mixħuta favur jew kontra u l-astensjonijiet.

2.

Sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor, it-testi u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat u tal-korpi tiegħu għandhom jiġu adottati b’maġġoranza tal-voti mixħuta “favur” jew “kontra”.

3.

Il-votazzjoni għandha tkun pubblika, b’sejħa tal-ismijiet jew b’vot sigriet.

4.

Il-votazzjoni b’sejħa tal-ismijiet fuq riżoluzzjoni, emenda, kontroopinjoni, opinjoni sħiħa jew kwalunkwe test ieħor għandha ssir jekk kwart tal-membri preżenti jew rappreżentati jitolbu dan.

5.

L-elezzjoni għall-karigi rappreżentattivi differenti għandha ssir dejjem b’votazzjoni sigrieta. Fil-każi l-oħra, il-votazzjoni ssir b’vot sigriet jekk il-maġġoranza tal-membri preżenti jew rappreżentati jitolbu dan.

6.

Jekk in-numru ta’ voti favur ikun daqs in-numru ta’ voti kontra, il-vot tal-president tas-seduta jkun deċiżiv.

7.

Il-fatt li r-relatur jaċċetta emenda ma jfissirx li m’għandhiex issir votazzjoni fuq dik l-emenda.

Kapitolu II

PROĊEDURA TA’ URĠENZA

Artikolu 57

1.

Jekk l-urġenza tirriżulta minn limitu ta’ żmien impost fuq il-Kumitat mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni biex jippreżenta l-opinjoni tiegħu, il-proċedura ta’ urġenza tista’ tiġi applikata jekk il-president jiddeċiedi li dan huwa meħtieġ sabiex il-Kumitat ikun jista’ jadotta l-opinjoni tiegħu fil-ħin.

2.

F’każ ta’ urġenza fil-livell tal-Kumitat, il-president jista’, mingħajr ma jikkonsulta lill-Bureau minn qabel, jieħu minnufih il-passi kollha meħtieġa biex il-Kumitat ikun jista’ jwettaq ħidmietu. Għandu jinforma lill-membri tal-Bureau b’dan.

3.

Il-miżuri li jieħu l-president għandhom jiġu ratifikati mill-Kumitat matul is-sessjoni segwenti.

Arikolu 58

(imħassar)

Artikolu 59

1.

Jekk l-urġenza tirriżulta minn limitu ta’ żmien impost fuq waħda mis-sezzjonijiet speċjalizzati biex tressaq l-opinjoni tagħha, il-president tagħha jista’, bi qbil mal-presidenti tat-tliet gruppi, jorganizza ħidmet is-sezzjoni b’mod differenti mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli relatati mal-ħidma tas-sezzjonijiet speċjalizzati.

2.

Il-miżuri li jieħu l-president ta’ waħda mis-sezzjonijiet speċjalizzati għandhom jiġu ratifikati matul il-laqgħa segwenti tas-sezzjoni kkonċernata.

Kapitolu III

ASSENZA U RAPPREŻENTAZZJONI

Artikolu 60

1.

Kull membru tal-Kumitat li ma jkunx jista’ jattendi laqgħa li għaliha jkun ġie mistieden, għandu javża minn qabel lill-president ikkonċernat.

2.

Jekk membru tal-Kumitat ma jattendix aktar minn tliet sessjonijiet plenarji konsekuttivi mingħajr ma jaħtar membru biex jirrappreżentah u mingħajr ma jagħti raġuni valida, il-president jista’, wara li jikkonsulta lill-Bureau u wara li jistieden lill-membru kkonċernat jagħti raġuni għall-assenza tiegħu, jitlob lill-Kunsill itemm il-mandat ta’ dak il-membru.

3.

Jekk membru ta’ sezzjoni speċjalizzata ma jattendix aktar minn tliet laqgħat konsekuttivi tas-sezzjoni mingħajr ma jaħtar membru biex jirrappreżentah u mingħajr ma jagħti raġuni valida, il-president ta’ dik is-sezzjoni jista’, wara li jistiednu jagħti raġuni għall-assenza tiegħu, jitolbu jċedi postu fis-sezzjoni speċjalizzata lil membru ieħor u jinforma lill-Bureau dwar dan.

Artikolu 61

1.

Kull membru tal-Kumitat li ma jkunx jista’ jattendi sessjoni jew laqgħa ta’ sezzjoni speċjalizzata jista’, wara li javża lill-president ikkonċernat, jiddelega d-dritt tal-vot tiegħu, bil-miktub, lil membru ieħor tal-Kumitat jew tas-sezzjoni speċjalizzata.

2.

L-ebda membru ma jista’ jkollu aktar minn dritt tal-vot delegat wieħed f’sessjoni plenarja jew f’laqgħa ta’ sezzjoni speċjalizzata.

Artikolu 62

1.

Kull membru li ma jkunx jista’ jattendi laqgħa li għaliha jkun ġie mistieden jista’, wara li jkun avża bil-miktub lill-president ikkonċernat, jitlob direttament jew permezz tas-segretarjat tal-grupp li membru ieħor tal-Kumitat jirrappreżentah fil-laqgħa inkwistjoni. Din il-possibbiltà ma tapplikax għal-laqgħat tal-Bureau u dawk tal-grupp baġitarju.

2.

Il-prokura hija valida biss għal-laqgħa li tinħareġ għaliha.

3.

Barra minn hekk, meta jkun se jiġi stabbilit grupp ta’ studju, kull membru ta’ dan il-grupp jista’ jitlob li jiġi sostitwit minn membru ieħor tal-Kumitat. Din il-miżura hija valida fir-rigward ta’ suġġett speċifiku u sakemm tintemm ħidmet is-sezzjoni speċjalizzata fuq dak is-suġġett, u ma tistax tiġi revokata. Madankollu, meta ħidmet il-grupp ta’ studju tkompli wara tmiem il-mandat ta’ sentejn u nofs jew dak ta’ ħames snin, is-sostituzzjoni ma tibqax valida hekk kif jintemm il-mandat li matulu ġiet deċiża din is-sostituzzjoni.

Kapitolu IV

PUBBLIKAZZJONI U DISTRIBUZZJONI TAD-DOKUMENTI TAL-KUMITAT

Artikolu 63

1.

Il-Kumitat għandu jippubblika l-opinjonijiet tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont il-proċedura stabbilita mill-Kunsill u mill-Kummissjoni wara li jkun ġie kkonsultat il-Bureau tal-Kumitat.

2.

Il-kompożizzjoni tal-Kumitat, tal-Bureau u tas-sezzjonijiet speċjalizzati u kull tibdil relatat magħha għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit elettroniku tal-Kumitat.

Artikolu 64

1.

Il-Kumitat għandu jiggarantixxi t-trasparenza tad-deċiżjonijiet tiegħu b’konformità mal-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

2.

Is-segretarju ġenerali għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiggarantixxi d-dritt li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti korrispondenti.

3.

B’konformità mal-Artikolu 24(4)(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea jista’ jikteb lill-Kumitat b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jirċievi tweġiba miktuba bl-istess lingwa.

Artikolu 65

1.

Is-sessjonijiet plenarji tal-Kumitat u l-laqgħat tas-sezzjonijiet speċjalizzati għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku.

2.

Fuq talba ta’ waħda mill-istituzzjonijiet jew korpi kkonċernati jew fuq proposta tal-Bureau, il-Kumitat jista’ jiddeċiedi li ċerti dibattiti li ma jikkonċernawx il-ħidmiet konsultattivi tiegħu jiġu ddikjarati bħala kunfidenzjali.

3.

Il-laqgħat l-oħra m’għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku. Madankollu, f’każi li fil-fehma tal-president tas-seduta jkunu ġġustifikati, persuni oħra jistgħu jattendu bħala osservaturi.

Artikolu 66

1.

Il-membri tal-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jattendu u jindirizzaw il-laqgħat tal-Kumitat u tal-korpi kostitwenti tiegħu.

2.

Il-membri ta’ korpi oħra u l-uffiċjali awtorizzati mill-istituzzjonijiet u l-korpi jistgħu jiġu mistiedna jattendu, jindirizzaw jew iwieġbu mistoqsijiet fil-laqgħat, taħt it-tmexxija tal-president tal-laqgħa.

Kapitolu V

TITOLI, PRIVILEĠĠI, IMMUNITAJIET U STATUT TAL-MEMBRI, KWESTURI

Artikolu 67

1.

Kull membru tal-Kumitat għandu t-titlu ta’ “membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew”.

2.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10, Kapitolu IV, tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, li huwa mehmuż mat-Trattati, għandhom japplikaw għall-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Artikolu 68

1.

L-istatut tal-membri jinkludi d-drittijiet u d-dmirijiet tal-membri kif ukoll ir-regoli relatati mal-attività tagħhom u r-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjoni u s-servizzi tagħha.

2.

L-istatut jiddetermina wkoll il-miżuri li jistgħu jittieħdu f’każ li jinkisru r-Regoli ta’ Proċedura jew l-istess statut.

Artikolu 69

Fuq proposta tal-Bureau, l-Assemblea għandha, għal perijodu ta’ sentejn u nofs, teleġġi tliet membri li m’għandhom l-ebda responsabbiltà permanenti oħra fl-istruttura tal-Kumitat, sabiex jiffurmaw il-grupp tal-kwesturi bil-funzjonijiet li ġejjin:

a)

jikkontrolla u jiżgura li l-istatut tal-membri jiġi implimentat tajjeb,

b)

ifassal proposti adatti biex jipperfezzjonaw u jtejbu l-istatut tal-membri,

c)

jipprova jsolvi kull każ dubjuż jew konflitt fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-istatut tal-membri permezz ta’ inizjattivi adatti,

d)

huwa responsabbli għar-relazzjonijiet bejn il-membri tal-Kumitat u s-segretarjat ġenerali f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-istatut tal-membri.

Kapitolu VI

TMIEM IL-MANDAT TAL-MEMBRI, INKOMPATIBILITAJIET

Artikolu 70

1.

Il-mandat tal-membri tal-Kumitat jiskadi meta jintemm il-perijodu ta’ ħames snin stabbilit mill-Kunsill meta jiġġedded il-Kumitat.

2.

Il-mandat ta’ membru tal-Kumitat għandu jintemm fil-każ ta’ riżenja, tneħħija mill-kariga, mewt, force majeure jew inkompatibilità.

3.

Il-funzjonijiet ta’ membru tal-Kumitat huma inkompatibbli ma’ dawk ta’ membru ta’ gvern jew ta’ parlament, ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, tal-Kumitat tar-Reġjuni, tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment u mal-kariga ta’ uffiċjal jew ħaddiem ieħor tal-Unjoni Ewropea.

4.

Ir-riżenji għandhom isiru bil-miktub u jkunu indirizzati lill-president tal-Kumitat.

5.

Membru tal-Kumitat jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 60(2) ta’ dawn ir-Regoli. F’tali każ, jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jtemm il-mandat tal-membru kkonċernat, għandha tinbeda l-proċedura ta’ sostituzzjoni.

6.

F’każ ta’ riżenja, mewt, force majeure jew inkompatibilità, il-president tal-Kumitat għandu javża lill-Kunsill, li min-naħa tiegħu għandu jikkonferma l-post battal u jibda l-proċedura ta’ sostituzzjoni. Madankollu, f’każ ta’ riżenja, il-membru li jirriżenja għandu jibqa’ fil-kariga sad-data li fiha tidħol fis-seħħ il-ħatra tas-sostitut tiegħu, sakemm il-membru li jirriżenja ma jindikax mod ieħor.

7.

Fil-każi kollha msemmija fit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu, is-sostitut għandu jinħatar għall-bqija tal-mandat.

Kapitolu VII

AMMINISTRAZZJONI TAL-KUMITAT

Artikolu 71

1.

Il-Kumitat għandu jiġi megħjun minn segretarjat taħt it-tmexxija ta’ segretarju ġenerali li jaqdi dmirijietu taħt l-awtorità tal-president, li jirrappreżenta lill-Bureau.

2.

Is-segretarju ġenerali għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bureau bi rwol konsultattiv u jżomm il-minuti ta’ dawn il-laqgħat.

3.

Għandu jieħu impenn solenni quddiem il-Bureau li jaqdi dmirijietu skont il-kuxjenza u b’imparzjalità totali.

4.

Għandu jiżgura li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Assemblea, mill-Bureau u mill-president skont dawn ir-Regoli jitwettqu, u kull tliet xhur għandu jippreżenta rapport bil-miktub lill-president dwar il-kriterji u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li ġew adottati jew li huma previsti b’rabta mal-problemi amministrattivi jew ta’ organizzazzjoni u mal-kwistjonijiet relatati mal-persunal.

5.

Is-segretarju ġenerali jista’ jiddelega s-setgħa tiegħu fil-limiti stabbiliti mill-president.

6.

Il-Bureau, fuq proposta tas-segretarju ġenerali, għandu jfassal organigramma tas-segretarjat ġenerali b’tali mod li jiżgura t-tħaddim effiċjenti tal-Kumitat u tal-korpi kostitwenti tiegħu, u jgħin lill-membri fil-qadi ta’ dmirijiethom, b’mod partikolari fl-organizzazzjoni tal-laqgħat u t-tħejjija tal-opinjonijiet.

Artikolu 72

1.

Is-setgħat li r-Regolamenti tal-Persunal jagħtu lill-awtorità tal-ħatra u s-setgħat li l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni jagħtu lill-awtorità li tikkonkludi l-kuntratti tax-xogħol huma, fil-każ tas-segretarju ġenerali tal-Kumitat, f’idejn il-Bureau.

2.

Is-setgħat li r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet jagħtu lill-awtorità tal-ħatra huma:

fil-każ tad-deputati segretarji ġenerali u d-diretturi, fuq proposta tas-segretarju ġenerali, f’idejn il-Bureau fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 29, 30, 31, 40, 41, 49, 50, 51, 78 u 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal; u fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti inkluż l-Artikolu 90(2), fuq proposta tas-segretarju ġenerali, f’idejn il-president;

fil-każ

tad-deputati diretturi (fil-grad AD13),

tal-kapijiet ta’ unità (mill-gradi AD9 sa AD13),

tal-uffiċjali fil-grad AD14,

fuq proposta tas-segretarju ġenerali, f’idejn il-president;

fil-każ tal-uffiċjali fil-gradi AD5 sa AD13 li ma jwettqux funzjoni ta’ ġestjoni fil-livell ta’ kap ta’ unità jew ogħla u dawk fil-grad ta’ AST, f’idejn is-segretarju ġenerali.

3.

Is-setgħat li l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni jagħtu lill-awtorità li tikkonkludi l-kuntratti tax-xogħol huma:

fil-każ tal-impjegati temporanji li jinħatru bħala deputat segretarju ġenerali jew direttur, fuq proposta tas-segretarju ġenerali, f’idejn il-Bureau fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 11, 17, 33 u 48 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg; u fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, fuq proposta tas-segretarju ġenerali, f’idejn il-president;

fil-każ tal-impjegati temporanji li jinħatru bħala deputat direttur jew kap ta’ unità u l-impjegati temporanji fil-grad AD14, fuq proposta tas-segretarju ġenerali, f’idejn il-president;

fil-każ tal-impjegati temporanji fil-gradi AD5 sa AD13 li ma jwettqux funzjoni ta’ ġestjoni fil-livell ta’ kap ta’ unità jew ogħla u dawk fil-grad ta’ AST, f’idejn is-segretarju ġenerali;

fil-każ tal-konsulenti speċjali, u tal-impjegati bil-kuntratt, f’idejn is-segretarju ġenerali.

4.

Is-setgħat mogħtija lill-istituzzjoni permezz tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal bil-għan li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-regoli adottati bi ftehim komuni huma f’idejn il-president.

5.

Il-Bureau, il-president u s-segretarju ġenerali jistgħu jiddelegaw is-setgħat mogħtija lilhom skont dan l-Artikolu.

6.

L-atti tad-delega skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom jistabbilixxu l-ambitu tas-setgħat mogħtija kif ukoll il-limiti u l-iskadenzi tagħhom, u għandhom jiddeterminaw jekk min jirċievi din id-delega jistax jiddelega s-setgħat tiegħu lil ħaddieħor.

Article 72a

1.

Il-gruppi għandu jkollhom segretarjat li jiddependi direttament mill-president tal-grupp ikkonċernat.

2.

Is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra għandhom jiġu eżerċitati, fir-rigward tal-uffiċjali li jagħmlu parti mill-gruppi skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 37(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq proposta tal-president tal-grupp ikkonċernat, rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 38 tar-Regolamenti tal-Persunal, inklużi d-deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp tal-karriera tagħhom fi ħdan il-grupp.

Meta uffiċjal sekondat fi ħdan grupp jidħol mill-ġdid fis-segretarjat tal-Kumitat, hu jitqiegħed fil-grad li għalih kien ikun intitolat bħala uffiċjal.

3.

Is-setgħat tal-awtorità li tikkonkludi l-kuntratti tax-xogħol jiġu eżerċitati, fir-rigward tal-aġenti temporanji li jagħmlu parti mill-gruppi skont l-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni, fuq proposta tal-president tal-grupp ikkonċernat rigward l-applikazzjoni tal-Artikoli 8(3), 9 u 10(3) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni.

Artikolu 73

1.

Il-president għandu jkollu segretarjat privat.

2.

Għall-finijiet baġitarji, l-impjegati ta’ dan is-segretarjat għandhom jiġu reklutati bħala impjegati temporanji, u s-setgħat tal-awtorità li tikkonkludi l-kuntratti tax-xogħol għandhom ikunu f’idejn il-president.

Artikolu 74

1.

Qabel l-1 ta’ Ġunju ta’ kull sena, is-segretarju ġenerali għandu jressaq quddiem il-Bureau abbozz ta’ stima tad-dħul u l-infiq tal-Kumitat għas-sena finanzjarja segwenti. Il-grupp baġitarju jeżamina l-abbozz qabel id-diskussjoni fil-Bureau u, jekk ikun hemm bżonn, iressaq il-kummenti tiegħu jew jipproponi xi emendi. Il-Bureau għandu jħejji l-istima tad-dħul u l-infiq tal-Kumitat u jibgħatha skont il-proċedura stabbilita u mhux aktar tard mid-data stabbilita mir-Regolament Finanzjarju tal-Komunitajiet Ewropej.

2.

Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, il-president tal-Kumitat għandu jimplimenta l-istima tad-dħul u l-infiq jew jara li tiġi implimentata.

Artikolu 75

Kull korrispondenza mal-Kumitat għandha tiġi indirizzata lill-president jew lis-segretarju ġenerali.

Kapitolu VIII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 76

It-termini użati f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għad-diversi karigi jirreferu kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.

Artikolu 77

1.

Il-Kumitat jista’ jiddeċiedi, b’maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu, jekk hemmx bżonn li dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jiġu riveduti.

2.

Għar-reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kumitat għandu jwaqqaf kummissjoni hekk imsejħa tar-Regoli ta’ Proċedura. Il-Kumitat għandu jaħtar relatur ġenerali sabiex ifassal abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura l-ġodda.

2a.

Wara li r-Regoli ta’ Proċedura jiġu adottati b’maġġoranza assoluta, l-Assemblea għandha ġġedded il-mandat tal-kummissjoni tar-Regoli ta’ Proċedura għal massimu ta’ sittin jum sabiex din tħejji, jekk ikun hemm bżonn, proposta għal emenda tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni li għandha tintbagħat lill-Bureau, li jieħu deċiżjoni wara li jkun ħa l-fehma tal-gruppi.

3.

Id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regoli ta’ Proċedura l-ġodda u tal-emendi tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tiġi deċiża fil-waqt li jiġu adottati mill-Kumitat.

Artikolu 78

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom jidħlu fis-seħħ fil-21 ta’ Settembru 2010.


(1)  Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura reġgħu ġew emendati fis-27 ta’ Frar 2003, fil-31 ta’ Marzu 2004, fil-5 ta’ Lulju 2006 u fit-12 ta’ Marzu 2008.