26.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/11


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/81/UE

tal-25 ta’ Novembru 2010

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tal-estensjoni tal-użu tas-sustanza attiva 2-fenilfenol

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Is-sustanza 2-fenilfenol kienet inkluża bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/160/UE (2), bid-dispożizzjoni speċifika li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw biss użu fuq ġewwa, bħala fungiċida għal wara l-ħsad, fi kmamar għat-tixrib magħluqin.

(2)

Fit-18 ta’ Ġunju 2010, in-notifikatur ressaq informazzjoni dwar tekniki oħra ta’ applikazzjoni bħalma huwa t-trattament bix-xema’, it-trattament tal-immersjoni u dak tal-protezzjoni tal-foam, u dan sabiex titneħħa r-restrizzjoni għal kmamar għat-tixrib magħluqin.

(3)

Spanja, li kienet inħatret l-Istat Membru relatur bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2229/2004 (3), evalwat l-informazzjoni addizzjonali u fit-30 ta’ Lulju 2010 ressqet lill-Kummissjoni addendum għall-abbozz ta’ rapport ta’ stima dwar it-2-fenilfenol, li kien iċċirkolat għal reazzjoni lill-Istati Membri l-oħra u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA). Fil-kummenti li waslu ma tqajmux oġġezzjonijiet kbar u l-Istati Membri l-oħra u l-EFSA ma semmew ebda punt li jista’ jeskludi l-estensjoni tal-użu. L-abbozz tar-rapport ta’ stima, flimkien ma’ dak l-addendum, ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġie ffinalizzat fit-28 ta’ Ottubru 2010 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għat-2-fenilfenol.

(4)

L-informazzjoni l-ġdida dwar it-tekniki ta’ applikazzjoni mressqa min-notifikatur u l-istima ġdida magħmula mill-Istat Membru relatur jindikaw li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-2-fenilfenol jistgħu jkunu mistennija, b’mod ġenerali, li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, partikolarment għall-użi fuq ġewwa bħala fungiċida għal wara l-ħsad li kienu ġew eżaminati u analizzati fid-dettall fir-rapport tar-reviżjoni tal-Kummissjoni. Konsegwentement, ma għadx baqa’ l-bżonn li l-użu tat-2-fenilfenol jiġi ristrett għall-kmamar għat-tixrib magħluqin, kif inhu stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE kif emendata mid-Direttiva 2009/160/UE.

(5)

Bla ħsara għal din il-konklużjoni, huwa opportun li jinkiseb iktar tagħrif dwar ċerti punti speċifiċi. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipula li l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tista’ tiġi suġġetta għal xi kundizzjonijiet. Għaldaqstant, huwa f’loku li n-notifikatur jintalab iressaq informazzjoni addizzjonali biex jikkonferma l-livelli ta’ residwu li jokkorru riżultat ta’ tekniki ta’ applikazzjoni oħra għajr dawk fil-kmamar għat-tixrib.

(6)

Barra minn dan, huwa f’loku wkoll li l-Istati Membri jintalbu jagħtu attenzjoni partikolari lis-sikurezza tal-operaturi u l-ħaddiema u li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jippreskrivu l-applikazzjoni ta’ tagħmir protettiv personali adegwat.

(7)

Għaldaqstant, huwa xieraq li d-Direttiva 91/414/KEE tiġi emendata skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2011.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ l-għada li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 338, 19.12.2009, p. 83.

(3)  ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.


ANNESS

Fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, ir-ringiela 305 hi sostitwita b’dan li ġej:

Nru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem skont l-IUPAC

Purità (*)

Id-dħul fis-seħħ

Skadenza tal-inklużjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“305

2-Fenilfenol (inkluż il-melħ tiegħu, bħall-melħ sodju)

Nru tal-CAS 90-43-7

Nru tas-CIPAC 246

bifenil-2-ol

≥ 998 g/kg

fl-1 ta’ Jannar 2010.

fil-31 ta’ Diċembru 2019.

PARTI A

Jista’ jkun awtorizzat biss l-użu bħala funġiċida ta’ wara l-ħsad għal użu fuq ġewwa.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar it-2-fenilfenol, u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħet l-Annimali fis-27 ta’ Novembru 2009, u emendat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħet l-Annimali tat-28 ta’ Ottubru 2010.

F’din l-istima ġenerali l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari:

lis-sikurezza tal-operaturi u l-ħaddiema u jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jippreskrivu l-applikazzjoni ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali adegwat;

li jdaħħlu fis-seħħ prattiki xierqa ta’ ġestjoni tal-iskart biex tiġi mmaniġġata s-soluzzjoni għar-rimi li tifdal wara l-applikazzjoni, inkluż l-ilma tat-tindif tat-tixrib u sistemi ta’ applikazzjoni oħrajn. L-Istati Membri li jippermettu r-rilaxx tal-ilma użat fis-sistema tad-drenaġġ għandhom jiżguraw li ssir valutazzjoni lokali tar-riskju.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li n-notifikatur jippreżenta lill-Kummissjoni:

aktar tagħrif dwar il-potenzjal ta’ tnaqqis ta’ pigmentazzjoni fil-ġilda għall-ħaddiema u għall-konsumaturi minħabba l-possibbiltà tal-espożizzjoni għall-metabolit 2-phenylhydroquinone (PHQ) fuq il-qoxra taċ-ċitru;

aktar tagħrif li jikkonferma li l-metodu analitiku li ġie applikat fil-provi għar-residwi jikkwantifika korrettament ir-residwi tat-2-phenylphenol, PHQ u l-konjugati tagħhom.

Huma għandhom jiżguraw li n-notifikatur jipprovdi din l-informazzjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2011.

Għaldaqstant, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li n-notifikatur iressaq informazzjoni addizzjonali biex jikkonferma l-livelli ta’ residwu li jokkorru riżultat ta’ tekniki ta’ applikazzjoni oħra għajr dwak fil-kmamar imxarrba.

Huma għandhom jiżguraw li n-notifikatur jipprovdi din l-informazzjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2012.”


(*)  Iżjed dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma provduti fir-rapport tar-reviżjoni.