10.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 292/36


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/74/UE

tad-9 ta' Novembru 2010

li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex testendi l-inklużjoni fl-Anness I għaliha tas-sustanza attiva tad-dijossidu tal-karbonju għall-prodotti tat-tip 18

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bl-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE. Din il-lista tinkludi d-dijossidu tal-karbonju.

(2)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/75/KE tal-24 ta' Lulju 2008 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi d-dijossidu tal-karbonju bħala sustanza attiva fl-Anness I tagħha (3) inkludiet id-dijossidu tal-karbonju bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fil-prodotti tat-tip 14, ir-rodentiċidi, kif iddefiniti fl-Anness V għad-Direttiva 98/8/KE.

(3)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007, id-dijossidu tal-karbonju issa ġie evalwat skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fil-prodotti tat-tip 18, l-insettiċidi, l-akariċidi u l-prodotti għall-kontroll ta' artropodi oħra, kif iddefiniti fl-Anness V għal dik id-Direttiva.

(4)

Franza nħatret bħala l-Istat Membru Rapporteur u ressqet ir-rapport tal-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fid-19 ta' Frar 2008 skont l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007.

(5)

Ir-rapport tal-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, ir-riżultati tal-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fis-27 ta' Mejju 2010, f’rapport ta’ valutazzjoni.

(6)

Mill-eżamijiet li saru, jidher li l-prodotti bijoċidali użati bħala insettiċidi, akariċidi u bħala prodotti għall-kontroll ta' artropodi oħra u li fihom id-dijossidu tal-karbonju jistgħu jiġu preżunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Għalhekk huwa xieraq li tiġi estiża l-inklużjoni tad-dijossidu tal-karbonju fl-Anness I għal dik id-Direttiva għal dawn il-prodotti.

(7)

Ma ġewx evalwati l-użi potenzjali kollha fil-livell Ewropew. Għaldaqstant huwa xieraq li l-Istati Membri jivvalutaw dawk l-użi jew ix-xenarji ta' esponiment u dawk ir-riskji għall-kompartimenti u għall-popolazzjonijiet li għadhom ma ġewx indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskju li saret fil-livell Ewropew, u li, meta jkunu qed jagħtu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodott, jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew li jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex ir-riskji identifikati jittaffew għal livelli li huma aċċettabbli.

(8)

Meta jitqiesu r-riżultati tar-rapport ta' valutazzjoni, huwa xieraq li jkun meħtieġ li jiġu applikati miżuri għat-tnaqqis tar-riskju fuq il-livell tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-prodotti li fihom id-dijossidu tal-karbonju u li jintużaw bħala insettiċidi, akariċidi u bħala prodotti għall-kontroll ta' artropodi oħra sabiex jiġi żgurat li r-riskji jitnaqqsu għal livell li huwa aċċettabbli skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE u l-Anness VI għaliha. B'mod partikolari, huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-prodotti jinbigħu biss lill-professjonisti mħarrġa u jintużaw minnhom biss, li jittieħdu miżuri xierqa li jħarsu lill-operaturi sabiex ikun hemm riskju minimu, inkluż id-disponibbiltà ta' tagħmir protettiv personali jekk meħtieġ, u li jittieħdu miżuri xierqa biex jitħarsu n-nies li jkunu fil-qrib, bħall-esklużjoni miż-żona tat-trattament waqt il-fumigazzjoni.

(9)

Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu applikati simultanjament fl-Istati Membri kollha sabiex ikun żgurat trattament ugwali tal-prodotti bijoċidali li fihom is-sustanza attiva tad-dijossidu tal-karbonju fis-suq, u wkoll sabiex ikun iffaċilitat l-operat xieraq tas-suq tal-prodotti bijoċidali inġenerali.

(10)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli taż-żmien qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex jippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda involuti, u biex jiġi żgurat li l-applikanti li jkunu ħejjew id-dokumentazzjoni ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-perjodu ta’ għaxar (10) snin ta’ protezzjoni tad-dejta, li skont l-Artikolu 12(1)(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE jibda mid-data tal-inklużjoni.

(11)

Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli taż-żmien biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE.

(12)

Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

(13)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2011.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet sa mill-1 ta’ Novembru 2012.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(2)   ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3.

(3)   ĠU L 197, 25.7.2008, p. 54.


ANNESS

Dan li ġej għandu jiżdied mal-entrata “Nru 7” fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE:

Nru

Isem Komuni

Isem tal-IUPAC

Numri ta’ Identifikazzjoni

Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqiegħed fis-suq

Data tal-inklużjoni

Skadenza sa meta għandu jkun hemm konformità mal-Artikolu 16(3) (ħlief għall-prodotti li jkun fihom aktar minn sustanza attiva waħda, li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom)

Data ta’ skadenza tal-inklużjoni

Tip ta’ prodott

Dispożizzjonijiet speċifiċi (*1)

 

 

 

“990  ml/l

l-1 ta' Novembru 2012

il-31 ta’ Ottubru 2014

il-31 ta’ Ottubru 2022

18

Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodott tkun qed tiġi evalwata skont l-Artikolu 5 u l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw, meta dan ikun rilevanti għall-prodott partikolari, dawk l-użi jew ix-xenarji ta’ esponiment u dawk ir-riskji għall-kompartimenti jew għall-popolazzjonijiet li ma jkunux ġew indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskju fil-livell Ewropew

Meta jagħtu l-awtorizzazzjoni għal prodott, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw ir-riskji u sussegwentement jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew li jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi biex itaffu r-riskji identifikati.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

Il-prodott għandu jinbiegħ biss lill-professjonisti mħarrġa u għandu jintuża minnhom biss.

(2)

Għandhom jittieħdu miżuri xierqa li jħarsu lill-operaturi sabiex ikun hemm riskju minimu, inkluż id-disponibbiltà ta' tagħmir protettiv personali jekk meħtieġ.

(3)

Għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jitħarsu n-nies li jkunu fil-qrib, bħall-esklużjoni miż-żona tat-trattament waqt il-fumigazzjoni.”


(*1)  Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni huma disponibbli fil-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm