20.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2010/66/UE

tal-14 ta’ Ottubru 2010

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2008/9/KE (3), tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor, tapplika għall-applikazzjonijiet għal rifużjoni preżentati wara l-31 ta’ Diċembru 2009.

(2)

Sabiex tiġi applikata d-Direttiva 2008/9/KE, l-Istati Membri huma obbligati jiżviluppaw portali elettroniċi li permezz tagħhom persuni taxxabbli stabbiliti fi Stat Membru jippreżentaw applikazzjonijiet għar-rifużjoni tal-VAT, imġarrba fi Stat Membru fejn mhumiex stabbiliti. Dawk il-portali elettroniċi kellhom ikunu operattivi mill-1 ta’ Jannar 2010.

(3)

Xi dewmien serju u ċerti problemi tekniċi affettwaw l-iżvilupp u t-tħaddim tal-portali elettroniċi f’għadd limitat ta’ Stati Membri u b’hekk ostakolaw il-preżentazzjoni f’waqtha ta’ ċerti applikazzjonijiet għal rifużjoni. B’konformità mad-Direttiva 2008/9/KE, applikazzjonijiet għal rifużjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-Istat Membru ta’ stabbiliment mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru tas-sena kalendarja ta’ wara l-perijodu ta’ rifużjoni. Fid-dawl ta’ dik l-isakadenza, u tal-inoperabbiltà ta’ xi wħud mill-portali elettroniċi, xi persuni taxxabbli qegħdin fir-riskju li ma jkunux jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jnaqqsu l-VAT fuq l-ispejjeż imġarrba fl-2009. L-iskadenza għandha għalhekk tkun estiża b’mod eċċezzjonali sal-31 ta’ Marzu 2011 għall-applikazzjonijiet relatati mal-perijodi ta’ rifużjoni fl-2009.

(4)

F’konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (4), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess, li, sa fejn huwa possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-persuni taxxabbli mhux se jkunu meħtieġa jirrispettaw l-iskadenza tat-30 ta’ Settembru 2010 fir-rigward tal-applikazzjonijiet relatati mal-perijodi ta’ rifużjoni fl-2009, din id-Direttiva għandha tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2010.

(6)

Id-Direttiva 2008/9/KE għalhekk għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9/KE għandu jiġi miżjud is-subparagrafu li ġej:

“Applikazzjonijiet għal rifużjoni li huma relatati mal-perijodi ta’ rifużjoni fl-2009 għandhom ikunu sottomessi lill-Istat Membru ta’ stabbiliment mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2011.”

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2010. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2010.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SCHAUVLIEGE


(1)  Opinjoni tat-22 ta’ Settembru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-15 ta’ Settembru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 44, 20.2.2008, p. 23.

(4)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.