29.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 283/1


DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL 2010/65/UE

tal-20 ta’ Ottubru 2010

dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ewropew Ekonomiku u Soċjali (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2002 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għall-bastimenti li jkunu waslu u/jew li jkunu qed jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (4) teħtieġ li l-Istati Membri jaċċettaw ċerti formoli standardizzati (formoli FAL) sabiex jiġi ffaċilitat it-traffiku, kif definit mill-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) għall-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali (Konvenzjoni FAL) adottata fid-9 ta’ April 1965, kif emendata.

(2)

Għall-faċilitazzjoni tat-trasport marittimu u sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-kumpaniji tal-vapuri, il-formalitajiet ta’ rappurtar meħtieġa mill-atti legali tal-Unjoni u mill-Istati Membri jridu jiġu simplifikati u armonizzati kemm jista’ jkun. Madankollu, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għax-xorta u l-kontenut tat-tagħrif meħtieġ, u m’għandha tintroduċi l-ebda rekwiżit addizzjonali ta’ rappurtar għall-vapuri li m’għandhomx diġà dan l-obbligu skont il-leġislazzjoni applikabbli fl-Istati Membri. Għandha tittratta biss dwar kif jistgħu jiġu ssimplifikati u armonizzati l-proċeduri għat- tagħrif, u dwar kif it- tagħrif jista’ jinġabar b’mod aktar effettiv.

(3)

It-trażmissjoni tad-data meħtieġa mal-wasla fi u/jew tluq minn portijiet skont id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (5), id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità (6), ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet (7), id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (8), u, fejn ikun il-każ, il-Kodiċi Marittimu Internazzjonali tal-Merkanzija Perikoluża adottat fl-1965, bl-emendi adottati għalih u li daħlu fis-seħħ, tkopri l-informazzjoni meħtieġa mill-formoli FAL. Għalhekk, fejn dan it-tagħrif ikun jikkorrispondi għar-rekwiżiti tal-atti legali msemmijin hawn fuq, il-formoli FAL għandhom jiġu aċċettati biex jipprovduh.

(4)

Fid-dawl tad-dimensjoni globali tat-trasport marittimu, l-atti legali tal-Unjoni għandhom jieħdu kont tar-rekwiżiti tal-IMO jekk is-simplifikazzjoni għandha sseħħ.

(5)

L-Istati Membri għandhom iżidu l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti bħall-awtoritajiet tad-dwana, tal-kontroll fuq il-fruntieri, tas-saħħa pubblika u tal-awtoritajiet tat-trasport biex jibqgħu jissimplifikaw u jarmonizzaw il-formalitajiet ta’ rappurtar fl-Unjoni u jużaw bil-mod l-aktar effiċjenti s-sistemi elettroniċi tat-trażmissjoni tad-data u tal-iskambju tat- tagħrif, bil-ħsieb, kemm jista’ jkun, simultanjament, tal-eliminazzjoni tal-ostakli għat-trasport marittimu u l-kisba ta’ spazju tat-trasport marittimu Ewropew mingħajr ostakli.

(6)

Għandha tkun disponibbli statistika dettaljata dwar it-trasport marittimu biex jiġu vvalutati l-effiċjenza, u ssir stima tal-ħtieġa, ta’ miżuri ta’ politika li jimmiraw lejn il-faċilitazzjoni tat-traffiku marittimu fi ħdan l-Unjoni, billi jiġi kkunsidrat il-bżonn li ma jinħolqux rekwiżiti addizzjonali mhux meħtieġa fir-rigward tal-ġbir ta’ statistika mill-Istati Membri u biex isir użu sħiħ tal-Eurostat. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ikun importanti li tinġabar data relevanti rigward it-traffiku/iċ-ċaqliq tal-vapuri fi ħdan l-Unjoni u/jew vapuri li jidħlu f’portijiet ta’ pajjiżi terzi jew żoni ħielsa.

(7)

Għandu jkun iktar faċli għall-kumpaniji tat-tbaħħir li jibbenefikaw mill-istatus ta’ “servizz tat-tbaħħir regolari awtorizzat” b’konformità mal-objettiv tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Jannar 2009 bl-isem “Komunikazzjoni u pjan ta’ azzjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr barrieri”.

(8)

Għandu jsir użu estensiv mill-mezzi elettroniċi tat-trażmissjoni tad-data għall-formalitajiet kollha ta’ rappurtar fl-iqsar żmien possibbli u mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2015, abbażi tal-istandards internazzjonali żviluppati mill-Konvenzjoni FAL, kull meta dan ikun prattikabbli. Sabiex tiġi razzjonalizzata u aċċelerata t-trażmissjoni ta’ ammonti potenzjalment kbar ħafna ta’ tagħrif, għandu jintuża format elettroniku għall-formalitajiet ta’ rappurtar, kull meta dan ikun prattikabbli. Fi ħdan l-Unjoni, il-provvista ta’ tagħrif f’formuli tal-FAL fuq il-karta għandha tkun l-eċċezzjoni u dawn għandhom jiġu aċċettati biss għal perjodu limitat ta’ żmien. L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw mezzi amministrattivi, inklużi inċentivi ekonomiċi, biex jippromwovu l-użu ta’ formati elettroniċi. Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, l-iskambju ta’ tagħrif bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandu jseħħ b’mod elettroniku. Sabiex jiġi ffaċilitat dan l-iżvilupp, is-sistemi elettroniċi jeħtieġ li jkunu aktar interoperabbli teknikament u kemm jista’ jkun sal-istess data ta’ skadenza biex jiġi żgurat funzjonament bla xkiel tal-ispazju tat-trasport marittimu Ewropew mingħajr ostakli.

(9)

Il-partijiet involuti fil-kummerċ u t-trasport għandhom ikunu kapaċi jgħaddu tagħrif u dokumenti standardizzati permezz ta’ “single window” elettronika biex jaqdu l-formalitajiet ta’ rappurtar. Elementi ta’ data individwali għandhom jiġu ppreżentati darba.

(10)

Is-sistemi SafeSeaNet, stabbiliti fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni għandhom jiffaċilitaw ir-riċezzjoni, l-iskambju u d-distribuzzjoni tal-informazzjoni bejn is-sistemi tal-informazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-attivitajiet marittimi. Biex jiġi ffaċilitat it-trasport marittimu u biex jonqsu l-piżijiet amministrattivi għat-trasport marittimu, is-sistema SafeSeaNet għandha tkun interoperabbli ma’ sistemi oħra tal-Unjoni għal formalitajiet ta’ rappurtar. Is-sistema SafeSeaNet għandha tintuża għal skambju addizzjonali ta’ tagħrif għall-faċilitazzjoni tat-trasport marittimu. Il-formalitajiet ta’ rappurtar rigward tagħrif unikament għal finijiet nazzjonali m’għandhomx għalfejn jiġu introdotti fis-sistema SafeSeaNet.

(11)

Fl-adozzjoni ta’ miżuri ġodda tal-Unjoni, irid jiġi żgurat li l-Istati Membri jistgħu jżommu t-trażmissjoni elettronika tad-data u mhumiex meħtieġa jużaw il-karta.

(12)

Il-benefiċċji kollha ta’ trażmissjoni tad-data elettronika jistgħu jinkisbu biss fejn ikun hemm komunikazzjoni mingħajr xkiel u effettiva bejn is-sistema SafeSeaNet, l-e-Customs u s-sistemi elettroniċi biex tiddaħħal jew tittieħed id-data. Għal dan il-għan, sabiex jiġu limitati l-piżijiet amministrattivi, għandu jsir rikors fl-ewwel istanza għall-istandards applikabbli.

(13)

Il-formoli FAL huma aġġornati regolarment. Din id-Direttiva għalhekk għandha tirreferi għall-verżjoni ta’ dawn il-formoli li tkun fis-seħħ. Kwalunkwe tagħrif meħtieġ mil-leġislazzjoni tal-Istati Membri li jmur lil hinn mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni FAL għandu jiġi kkomunikat f’format li għandu jiġi żviluppat abbażi tal-istandards tal-Konvenzjoni FAL.

(14)

Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa r-Regolament tal-Kunsll (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (9), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (10), ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (11), jew leġislazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri għal dawk l-Istati Membri li ma japplikawx l-acquis ta’ Schengen dwar il-kontroll tal-fruntieri, u r-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (12).

(15)

Fl-interess tal-istandardizzazzjoni tat-trażmissjoni ta’ tagħrif elettroniku u għall-faċilitazzjoni tat-trasport marittimu, l-Istati Membri għandhom jestendu l-użu ta’ mezzi elettroniċi għat-trażmissjoni tad-data skont skeda ta’ żmien adegwata, u f’koperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom jiddiskutu l-possibbiltà tal-armonizzazzjoni tal-użu ta’ mezzi elettroniċi għat-trażmissjoni tad-data. Għal dan l-għan għandha tingħata konsiderazzjoni għall-ħidma tal-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli għas-sistema SafeSeaNet fir-rigward tal-pjan direzzjonali tas-SafeSeaNet, meta jiġi adottat, u għar-rekwiżiti ta’ finanzjament konkreti u l-allokazzjoni rispettiva tal-mezzi finanzjarji tal-Unjoni għall-iżvilupp tat-trażmissjoni elettronika tad-data.

(16)

Il-vapuri li joperaw bejn portijiet li jinsabu fit-territorju doganali tal-Unjoni għandhom ikunu eżenti mill-obbligu li jibagħtu t- tagħrif imsemmi fil-formoli FAL, ladarba l-vapuri ma jiġux minn port, ma jidħlux f’port jew ma jkunux sejrin lejn port barra dan it-territorju jew żona ħielsa suġġetta għall-modalitajiet ta’ kontroll tat-tip I fil-kuntest tal-leġislazzjoni doganali, mingħajr preġudizzju għall-atti legali applikabbli tal-Unjoni u għat-tagħrif li l-Istati Membri jistgħu jitolbu biex jipproteġu l-ordni u s-sigurtà interni u biex jinfurzaw il-liġijiet doganali, fiskali, tal-immigrazzjoni, ambjentali jew tas-sanità.

(17)

Għandhom ikunu wkoll permessi eżenzjonijiet mill-formalitajiet amministrattivi fuq il-bażi tal-merkanzija tal-vapur, mhux biss fuq il-bażi tad-destinazzjoni tagħha u/jew il-post ta’ tluq. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li formalitajiet addizzjonali għall-vapuri li jkunu daħlu f’port ta’ pajjiż terz jew ta’ żona ħielsa jiġu minimizzati. Il-Kummissjoni għandha teżamina din il-kwistjoni fil-qafas tar-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament ta’ din id-Direttiva.

(18)

Huwa meħtieġ li tiġi introdotta formola ġdida temporanja bil-għan li jiġu armonizzati l-informazzjoni meħtieġa għad-Dikjarazzjoni ta’ Sikurezza minn qabel, prevista mir-Regolament (KE) Nru 725/2004.

(19)

Ir-rekwiżiti ta’ lingwa nazzjonali huma sikwit ostaklu għall-iżvilupp tan-netwerk marbut mat-tbaħħir max-xtajta. L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz possibbli biex jiffaċilitaw komunikazzjoni bil-miktub u bil-fomm fit-traffiku marittimu bejn l-Istati Membri, f’konformità mal-prattika internazzjonali, bil-ħsieb li jinstab mezz komuni ta’ komunikazzjoni.

(20)

Huwa xieraq li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ delega konformement mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Annessi ta’ din id-Direttiva. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti.

(21)

L-atti legali varji tal-Unjoni li jeħtieġu, pereżempju, formalitajiet ta’ notifika minn qabel mad-dħul fil-portijiet, bħad-Direttiva 2009/16/KE, jistgħu jimponu skadenzi differenti għat-twettiq ta’ dawn il-formalitajiet ta’ notifika minn qabel. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-possibbiltà li tqassar u tarmonizza dawn l-iskadenzi, waqt li tieħu vantaġġ tal-progress li jkun għaddej fl-ipproċessar elettroniku tad-data fil-qafas tar-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament ta’ din id-Direttiva li għandu jinkludi, jekk ikun il-każ, proposta leġislattiva.

(22)

Fil-qafas tar-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tqis kemm l-iskop ta’ din id-Direttiva, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-formalitajiet amministrattivi għall-vapuri li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet ta’ Stati Membri, għandu jiġi estiż għal żoni interni ta’ dawn il-portijiet, partikolarment għat-trasport fuq ix-xmajjar, bil-ħsieb li jkun hemm moviment imħaffef u mingħajr xkiel tat-traffiku marittimu intern u soluzzjoni dejjiema għall-konġestjoni fil-portijiet marittimi u l-madwar.

(23)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l-faċilitazzjoni tat-trasport marittimu b’mod armonizzat fl-Unjoni kollha, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tieħu miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu msemmi, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet.

(24)

Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fejn traspożizzjoni ta’ direttiva ma tagħmilx sens għal raġunijiet ta’ ġeografija, din it-traspożizzjoni mhix obbligatorja. Għalhekk, ir-rekwiżiti previsti f’din id-Direttiva mhumiex rilevanti għal Stati Membri li m’għandhomx portijiet li fihom normalment jistgħu jidħlu vapuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(25)

Il-miżuri previsti minn din id-Direttiva jikkontribwixxu sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Aġenda ta’ Liżbona.

(26)

L-aċċess għas-SafeSeaNet u għal dawn is-sistemi elettroniċi għandu jiġi regolat sabiex jitħares it-tagħrif kummerċjali u kunfidenzjali, mingħajr preġudizzju għal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni ta’ data kummerċjali u, fir-rigward ta’ data personali, għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data (13) u għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data (14). L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtieġa ta’ protezzjoni għat-tagħrif kummerċjali u kunfidenzjali permezz ta’ aċċess xieraq għas-sistemi ta’ kontroll.

(27)

Skont il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (15), l-Istati Membri huma mħeġġa li jfasslu, għalihom stess u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom, li, safejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u biex jagħmluhom pubbliċi.

(28)

Fl-interessi taċ-ċarezza, id-Direttiva 2002/6/KE għandha tiġi sostitwita minn din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu simplifikati u armonizzati l-proċeduri amministrattivi applikati għat-trasport marittimu billi tagħmel it-trażmissjoni elettronika ta’ informazzjoni standard u billi tirrazzjonalizza l-formalitajiet ta’ rappurtar.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-formalitajiet ta’ rappurtar applikabbli għat-trasport marittimu għal vapuri li jaslu f’portijiet jew iħallu portijiet li jinsabu fl-Istati Membri.

3.   Din id-Direttiva m’għandiex tapplika għal vapuri li huma eżenti minn formalitajiet ta’ rappurtar.

Artikolu 2

Definizzjonjiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“formalitajiet ta’ rappurtar” tfisser it-tagħrif stabbilit fl-Anness, li skont il-leġislazzjoni applikabbli fi Stat Membru, għandu jiġi pprovdut għal finijiet amministrattivi u proċedurali meta vapur jasal fi jew jitlaq minn port ta’ dak l-Istat Membru;

(b)

“Konvenzjoni FAL” tfisser il-Konvenzjoni tal-IMO dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali, adotatta fid-9 ta’ April 1965, hekk kif emendata;

(c)

“formoli FAL” tfisser il-formoli standardizzati, kif previst fil-Konvenzjoni FAL;

(d)

“vapur” tfisser kull bastiment marittimu jew opra marittima;

(e)

“SafeSeaNet” tfisser is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni marittima tal-Unjoni kif definita fid-Direttiva 2002/59/KE;

(f)

“trażmissjoni elettronika tad-data” tfisser il-proċess li bih jiġi trażmess tagħrif b’mod diġitali, bl-użu ta’ format strutturat li jista’ jiġi rivedut u li jista’ jintuża direttament għall-ħżin u l-ipproċessar bil-kompjuters.

Artikolu 3

Armonizzazzjoni u koordinazzjoni tal-formalitajiet ta’ rappurtar

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu miżuri biex jiżgura li l-formalitajiet ta’ rappurtar jiġu rikjesti b’mod armonizzat u kkoordinat f’dak l-Istat Membru.

2.   Il-Kummissjoni għandha, f’koperazzjoni mal-Istati Membri tiżviluppa mekkaniżmi għall-armonizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-formalitajiet ta’ rappurtar fl-Unjoni.

Artikolu 4

Notifika qabel il-wasla fil-portijiet

Suġġett għal dispożizzjonijiet speċifiċi dwar in-notifika previsti fl-atti legali applikabbli tal-Unjoni jew taħt strumenti legali internazzjonali applikabbli għat-trasport marittimu u li jkunu jorbtu fuq l-Istati Membri, inklużi dispożizzjonijiet dwar il-kontroll ta’ persuni u merkanzija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kaptan jew kwalunkwe persuna oħra debitament awtorizzata mill-operatur tal-vapur jipprovdu notifika, qabel il-wasla f’port f’xi Stat Membru, dwar l-informazzjoni meħtieġa mill-formalitajiet ta’ rappurtar lill-awtorità kompetenti nominata minn dak l-Istat Membru:

(a)

għallinqas 24 siegħa minn qabel; jew

(b)

mhux aktar tard, fil-ħin li l-vapur joħriġ mill-port preċedenti, jekk il-ħin tal-vjaġġ ikun ta’ anqas minn 24 siegħa; jew

(c)

jekk il-port fejn sejjer ma jkunx magħruf jew ikun inbidel matul il-vjaġġ, malli din l-informazzjoni tkun disponibbli.

Artikolu 5

It-trażmissjoni elettronika tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jaċċettaw it-twettiq ta’ formalitajiet ta’ rappurtar f’format elettroniku u t-trażmissjoni tagħhom permezz ta’ “single window” fl-iqsar żmien possibbli u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2015.

Din is-“single window”, li tgħaqqad is-SafeSeaNet, e-Customs u sistemi elettroniċi oħrajn, għandha tkun il-post fejn, skont din id-Direttiva, t-tagħrif kollu jiġi rrappurtat darba u jsir disponibbli għal diversi awtoritajiet kompetenti u l-Istati Membri.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-format rilevanti stabbilit fil-Konvenzjoni FAL, il-format imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jikkonforma mal-Artikolu 6.

3.   Fejn il-formalitajiet ta’ rappurtar huma meħtieġa mill-atti legali tal-Unjoni u sa fejn ikun meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-“single window” stabbilita skont il-paragrafu 1, il-mezzi elettroniċi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu interoperabbli, aċċessibbli u kompatibbli mas-sistema SafeSeaNet stabbilita f’konformità mad-Direttiva 2002/59/KE, u, fejn applikabbli, mas-sistemi tal-kompjuter stipulati fid-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (16).

4.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar kontrolli doganali u fuq il-fruntieri stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 u r-Regolament (KE) Nru 562/2006, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-operaturi ekonomiċi u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-progress li jsir skont il-modalitajiet previsti fid-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE.

Artikolu 6

Skambju ta’ data

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tagħrif riċevut f’konformità mal-formalitajiet ta’ rappurtar previsti f’att legali tal-Unjoni jsir disponibbli fis-sistemi nazzjonali tagħhom tas-SafeSeaNet u għandhom jagħmlu partijiet rilevanti ta’ dan it-tagħrif disponibbli lil Stati Membri oħra permezz tas-sistema tas-SafeSeaNet. Ħlief jekk ikun stipulat mod ieħor minn xi Stat Membru, dan m’għandux japplika għal tagħrif riċevut skont ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92, ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93, ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 u r-Regolament (KE) Nru 450/2008.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tagħrif riċevut skont il-paragrafu 1 ikun aċċessibbli, meta jintalab, għall-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

3.   Il-format diġitali sottostanti tal-messaġġi li għandu jintuża fis-sistemi nazzjonali tas-SafeSeaNet skont il-paragrafu 1 għandu jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22a tad-Direttiva 2002/59/KE.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-aċċess rilevanti għat-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1 permezz ta’ “single window” nazzjonali permezz ta’ sistema elettronika għall-iskambju tad-data jew permezz tas-sistemi nazzjonali tas-SafeSeaNet.

Artikolu 7

Tagħrif fil-formoli FAL

L-Istati Membri għandhom jaċċettaw formoli FAL għat-twettiq tal-formalitajiet ta’ rappurtar. L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw li tagħrif meħtieġ skont att legali tal-Unjoni jiġi pprovdut f’format fuq karta sal-1 ta’ Ġunju 2015 biss.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità

1.   L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-atti legali applikabbli tal-Unjoni jew mal-leġislazzjoni nazzjonali, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali u tagħrif kunfidenzjali ieħor skambjat skont din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jaraw b’mod partikolari li d-data kummerċjali miġbura skont din id-Direttiva tkun protetta. Fir-rigward tad-data personali, l-Istati Membri għandhom jaraw li jkunu konformi mad-Direttiva 95/46/KE. L-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jiżguraw li jkunu konformi mar-Reġolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 9

Eżenzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vapuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE li joperaw bejn portijiet fit-territorju doganali tal-Unjoni, iżda mingħajr ma jkunu ġejjin minn, mingħajr ma jieqfu fi jew ikunu diretti lejn port li jinsab barra minn dak it-territorju jew żona libera suġġetta għall-modalitajiet ta’ kontroll tal-tip I taħt leġislazzjoni doganali, ikunu eżenti mit-trażmissjoni tal-informazzjoni tal-formoli FAL, mingħajr preġudizzju għall-atti legali applikabbli tal-Unjoni u għall-possibbiltà li l-Istati Membri jistgħu jitolbu tagħrif fil-formoli FAL imsemmija fil-punti 1 sa 6 tal-Parti B tal-Anness għal din id-Direttiva li jkun meħtieġ biex jiġu protetti l-ordni u s-sigurtà interni u biex jiġu infurzati l-liġijiet doganali, fiskali, tal-immigrazzjoni, ambjentali jew tas-sanità.

Artikolu 10

Proċedura ta’ emenda

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ delega, konformement mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-Anness ta’ din id-Direttiva, sabiex tiżgura li jiġi kkunsidrat kwalunkwe tibdil fil-formoli tal-FAL introdotti mill-IMO. Dawn l-emendi ma għandux ikollhom l-effett li jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.   Għall-atti ta’ delega msemmija f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 11, 12 u 13.

Artikolu 11

L-eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħat ta’ adozzjoni tal-atti ta’ delega msemmija fl-Artikolu 10 għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-18 ta’ Novembru 2010. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport fir-rigward tas-setgħat iddelegati l-aktar tard sa sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokawhiex skont l-Artikolu 12.

2.   Malli tadotta att ta’ delega, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin.

3.   Is-setgħa li tadotta atti ta’ delega hija konferita lill-Kummissjoni bil-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 12 u 13.

Artikolu 12

Revoka tad-delega

1.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 10 tista’ tiġi revokata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

2.   L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna biex jiġi deċiż issirx revoka tad-delega tas-setgħat għandha tinforma lill-istituzzjoni l-oħra b’dan u lill-Kummissjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli qabel tittieħed id-deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħat delegati li jistgħu jkunu suġġetti għal revoka u r-raġunijiet possibbli għal din ir-revoka.

3.   Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew f’data ulterjuri stipulata minnha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati li jkunu diġà fis-seħħ. Hija għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Oġġezzjonijiet għal atti ta’ delega

1.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att ta’ delega sa xahrejn wara d-data ta’ notifika.

Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dak il-perjodu għandu jiġi estiż għal xahrejn.

2.   Fejn, hekk kif jiskadi l-perjodu inizjali ta’ xahrejn, jew, fejn ikun applikabbli, il-perjodu estiż, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att ta’ delega, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ fid-data stipulata fih stess.

L-att ta’ delega jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel ma jiskadi l-perjodu inizjali ta’ xahrejn, jew, fejn ikun applikabbli, il-perjodu estiż, fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li ma joġġezzjonawx.

3.   Fejn il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att ta’ delega, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex qed toġġezzjona għall-att ta’ delega.

Artikolu 14

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sad-19 ta’ Mejju 2012, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mid-19 ta’ Mejju 2012.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 15

Rapport

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sad-19 ta’ Novembru 2013, dwar il-funzjonament ta’ din id-Direttiva, inklużi:

(a)

il-possibbiltà ta’ estensjoni tas-simplifikazzjoni introdotta minn din id-Direttiva biex tkopri t-trasport fil-passaġġi interni navigabbli;

(b)

il-kompatibbiltà tas-Sistema ta’ Tagħrif tax-Xmajjar mal-proċess ta’ trażmissjoni tad-data elettronika msemmi f’din id-Direttiva;

(c)

il-progress favur l-armonizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-formalitajiet ta’ rappurtar li nkiseb fl-Artikolu 3;

(d)

il-fattibbiltà tal-evitar jew is-simplifikar tal-formalitajiet għall-vapuri li jidħlu f’port f’pajjiż terz jew żona libera;

(e)

id-data disponibbli rigward iċ-ċaqliq ta’ vapuri jew tat-traffiku fi ħdan l-Unjoni, u/jew id-dħul f’port ta’ pajjiż terz jew f’żona libera.

Dan ir-rapport għandu, jekk ikun il-każ, ikun akkumpanjat minn proposta leġislattiva.

Artikolu 16

Tħassir tad-Direttiva 2002/6/KE

Id-Direttiva 2002/6/KE hija b’dan imħassra mid-19 ta’ Mejju 2012. Ir-referenzi għad-Direttiva mħassraa għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 17

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 131.

(2)  ĠU C 211, 4.9.2009, p. 65.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Ottubru 2010.

(4)  ĠU L 67, 9.3.2002, p. 31.

(5)  ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81.

(6)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10.

(7)  ĠU L 129, 29.4.2004, p. 6.

(8)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57.

(9)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(10)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

(11)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

(12)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(13)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(14)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(15)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(16)  ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21.


ANNESS

LISTA TA’ FORMALITAJIET TA’ RAPPURTAR IMSEMMIJIN F’DIN ID-DIRETTIVA

A.   Formalitajiet ta’ rappurtar li jirriżultaw minn atti legali tal-Unjoni

Din il-kategorija ta’ formalitajiet ta’ rappurtar tinkludi t-tagħrif li għandu jiġi pprovdut skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

1.

Notifika għal vapuri li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

2.

Verifiki fuq il-fruntieri fuq persuni

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1).

3.

Notifika dwar il-merkanzija perikoluża jew li tniġġes li tinġarr abbord

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità.

4.

Notifika għall-iskart u għall-fdalijiet

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).

5.

Notifika dwar tagħrif tas-sigurtà

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet (ĠU L 129, 29.4.2004, p. 6).

Sakemm tiġi adottata formola armonizzata fil-livell internazzjonali, il-formola mniżżla fl-Appendiċi għal dan l-Anness għandha tintuża għat-trażmissjoni ta’ tagħrif meħtieġ skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 725/2004. Il-formola tista’ tiġi trażmessa elettronikament.

6.

Dikjarazzjoni sommarja tal-importazzjoni

L-Artikolu 36a tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1) u l-Artikolu 87 tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1).

B.   Formoli FAL u formalitajiet li jirriżultaw minn strumenti legali internazzjonali

Din il-kategorija ta’ formalitajiet ta’ rappurtar tinkludi t-tagħrif li għandu jiġi pprovdut skont il-Konvenzjoni FAL u strumenti legali internazzjonali rilevanti oħra.

1.

Formola FAL Nru 1: Dikjarazzjoni ġenerali

2.

Formola FAL Nru 2: Dikjarazzjoni tal-merkanzija

3.

Formola FAL Nru 3: Dikjarazzjoni tal-ħażniet tal-vapur

4.

Formola FAL Nru 4: Dikjarazzjoni tal-Effetti Personali tal-Ekwipaġġ

5.

Formola FAL Nru 5: Lista tal-ekwipaġġ

6.

Formola FAL Nru 6: Lista tal-Passiġġieri

7.

Formola FAL Nru 7: Merkanzija perikoluża

8.

Dikjarazzjoni Marittima tas-Saħħa

C.   Kwalunkwe leġislazzjoni nazzjonali rilevanti

F’din il-kategorija l-Istati Membri jistgħu jinkludu t-tagħrif li għandu jiġi pprovdut skont il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom. Tali tagħrif għandu jiġi trażmess b’mezzi elettroniċi.

Appendiċi

FORMOLA TA’ VAPUR TA’ TAGĦRIF TA’ SIGURTÀ TA’ QABEL IL-WASLA GĦALL VAPURI KOLLHA QABEL ID-DĦUL FIL-PORT TA’ STAT MEMBRU TAL-UE

(Konvenzjoni Internazzjonali tal-1974 dwar is-Sikurezza tal-Ħajja fuq il-Baħar (SOLAS) ir-Regolament 9 tal-Kapitolu XI-2 u l-artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 725/2004)

Dettalji tal-vapur u dettalji ta’ kuntatt

Numru tal-IMO

 

Isem il-vapur

 

Port ta’ reġistrazzjoni

 

Stat tal-bandiera

 

Tip ta’ vapur

 

Sinjal tas-Sejħa

 

Tunnellaġġ Gross

 

Kodiċi ta’ identifikazzjoni Inmarsat (fejn disponibbli)

 

Isem il-Kumpannija u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-kumpanija

 

Isem tas-CSO u dettalji ta’ kuntatt permanenti (24 siegħa)

 

Port tal-wasla

 

Faċilità tal-port tal-wasla (jekk magħruf)

 

Tagħrif dwar il-port u l-faċilitajiet tal-port

Data u ħin previsti għall-wasla tal-vapur fil-port (ETA)

 

Għan ewlieni tal-waqfa

 

Tagħrif meħtieġ mir-Regolament SOLAS 9.2.1 tal-Kapitolu XI-2

Il-vapur għandu Ċertifikat Internazzjonali ta’ Sigurtà (ISSC) validu?

IVA

ISSC

LE - għaliex le?

Maħruġ minn (isem l-Amministrazzjoni jew RSO)

Data ta’ skadenza (ġġ/xx/ssss)

Hemm SSP (pjan ta’ sigurtà) approvat abbord il-vapur?

IVA

LE

Livell ta’ sigurtà li fih qed jopera attwalment il-vapur?

Sigurtà Livell 1

Sigurtà Livell 2

Sigurtà Livell 3

Pożizzjoni tal-vapur fil-mument li qed isir dan ir-rapport

 

Elenka l-aħħar għaxar waqfiet f’faċilitajiet tal-port f’ordni kronoloġika (l-ewwel l-aktar waqfa reċenti)

Nru

Data minn (ġġ/xx/ssss)

Data sa (ġġ/xx/ssss)

Port

Pajjiż

UN/LOCODE

(jekk disponibbli)

Faċilità tal-port

Livell ta’ Sigurtà

1

 

 

 

 

 

 

SL =

2

 

 

 

 

 

 

SL =

3

 

 

 

 

 

 

SL =

4

 

 

 

 

 

 

SL =

5

 

 

 

 

 

 

SL =

6

 

 

 

 

 

 

SL =

7

 

 

 

 

 

 

SL =

8

 

 

 

 

 

 

SL =

9

 

 

 

 

 

 

SL =

10

 

 

 

 

 

 

SL =

Il-vapur adotta miżuri ta’ sigurtà speċjali jew addizzjonali, apparti dawk fl-SSP approvat?

Jekk it-tweġiba hija IVA, indika hawn taħt il-miżuri ta’ sigurtà speċjali jew addizzjonali adottati mill-vapur.

IVA

LE

Nru

(bħal hawn fuq)

Miżuri ta’ sigurtà speċjali jew addizzjonali adottati mill-vapuri

1

 

2

 

3

 

4

 

5

 

6

 

7

 

8

 

9

 

10

 

Elenka l-attivitajiet minn vapur għal vapur, f’ordni kronoloġika (l-ewwel l-aktar riċenti), li twettqu matul l-aħħar għaxar waqfiet fil-faċilitajiet tal-port elenkati hawn fuq. Kabbar it-tabella t’hawn taħt jew kompli fuq paġna separata jekk meħtieġ – daħħal l-għadd totali tal-attivitajiet minn vapur għal vapur

Il-proċeduri ta’ sigurtà specifikati fl-SSP approvat ġew segwiti matul kull waħda minn dawn l-attivitajiet minn vapur għal vapur?

Jekk LE, minflok, ipprovdi d-dettalji tal-miżuri ta’ sigurtà applikati fl-aħħar kolonna ta’ hawn taħt.

IVA

LE

Nru

Data minn (ġġ/xx/ssss)

Data sa (ġġ/xx/ssss)

Pożizzjoni jew Lonġitudni u Latitudni

Attività minn vapur għal vapur

Miżuri ta’ sigurtà applikati minflok

1

 

 

 

 

 

2

 

 

 

 

 

3

 

 

 

 

 

4

 

 

 

 

 

5

 

 

 

 

 

6

 

 

 

 

 

7

 

 

 

 

 

8

 

 

 

 

 

9

 

 

 

 

 

10

 

 

 

 

 

Deskrizzjoni ġenerali tal-merkanzija abbord il-vapur

 

Il-vapur qed iġorr xi sustanzi perikolużi bħala merkanzija koperti mill-Klassijiet 1, 2.1, 2.3, 3, 4.1, 5.1, 6.1, 6.2, 7 jew 8 tal-Kodiċi IMDG?

IVA

LE

Jekk IVA, ikkonferma li l-Manifest tal-Oġġetti Perikolużi (jew estratt rilevanti) huwa mehmuż

Ikkonferma li kopja tal-lista tal-ekwipaġġ tal-vapur hija mehmuża

IVA

Ikkonferma li kopja tal-lista tal-passiġġieri tal-vapur hija mehmuża

IVA

Tagħrif ieħor relatat mas-sigurtà

Hemm xi aspett relatat mas-sigurtà li tixtieq tirrapporta?

IVA

Agħti d-dettalji:

LE

Aġent tal-vapur fil-port tal-wasla

Isem:

Dettalji ta’ kuntatt (numru tat-telefon):

Identifikazzjoni tal-persuna li tagħti t-tagħrif

Titlu jew Pożizzjoni (ħassar kif adatt):

Kmandant/SSO/CSO/Aġent tal-vapur (bħal hawn fuq)

Isem:

Firma:

Data/Ħin/Post fejn tlesta r-rapport