10.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/20


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/20/UE

tad-9 ta’ Marzu 2010

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex jintneħħa t-tolylfluanid bħala sustanza attiva u dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti li jipproteġu l-pjanti li fihom dik is-sustanza

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari t-tielet inċiż tal-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

It-tolyfluanid huwa inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, li jistipula l-lista ta’ sustanzi attivi awtorizzati għall-użu fil-prodotti li jipproteġu l-pjanti.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/322/KE tal-4 ta’ Mejju 2007 li tistipula miżuri ta’ ħarsien dwar l-użi ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-tolylfluanid li jwassal għall-kontaminazzjoni tal-ilma għax-xorb (2), ġie deċiż li l-Istati Membri li fihom jintuża l-ożonu għat-trattament tal-ilma tax-xorb għandhom jipprojbixxu kwalunkwe użi tat-tolylfluanid li jafu jwasslu għat-tniġġis tal-ilma tax-xorb bin-nitrosamini. Ir-raġuni wara din il-miżura hija s-sejba li bi trattament ta’ dan it-tip, metabolita ta’ dik is-sustanza attiva, N,N-dimethylsulfamide, tista’ tissawwar f’nitrosamini li jagħmlu ħsara lil saħħet il-bniedem.

(3)

Skont id-Deċiżjoni 2007/322/KE, l-Istati Membri kellhom jiżguraw ukoll li n-notifikant li fuq it-talba tiegħu t-tolylfluanid kien iddaħħal fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jressaq studji dwar kif tnixxi dik is-sustanza attiva u dwar il-kundizzjonijiet li fihom ma tistax tiġi eskluża l-formazzjoni tan-nitrosamini.

(4)

Nhar il-5 ta’ Lulju 2007, in-notifikant Bayer CropScience ressaq l-istudji rikjesti lill-Istat Membru relatur, inklużi studji u tagħrif dwar id-destin u l-imġiba fiżika, kimika u tossiloġika tal-metabolita N,N-dimethylsulfamide u dwar il-karatteristiċi ekotossikoloġiċi tagħha.

(5)

Nhar l-20 ta’ Frar 2008, l-Istat Membru relatur ressaq addendum mar-rapport ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni ta’ dawk l-istudji u t-tagħrif. Nhar it-22 ta’ Jannar 2010, dan l-addendum analizzawh l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

(6)

F’dan l-addendum ġie konkluż li t-tħassib dwar kif inixxi t-tolylfluanid u l-formazzjoni tan-nitrosamini ma jistax jiġi eliminat. Barra minn hekk, instab li l-użu tal-prodotti li jipproteġu l-pjanti li fihom t-tolylfuanid jafu jwasslu għal konċentrazzjonijiet inaċċettabbli tal-metabolita N,N-dimethylsulfamide fl-ilma ta’ taħt l-art. Għaldaqstant, ġie konkluż li t-tolylfluanid m’għadux jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu dwar l-addendum tar-rapport ta’ valutazzjoni. Dawk il-kummenti ġew mistħarrġa bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, it-tħassib identifikat ma setax jitwarrab, u l-valutazzjonijiet li saru abbażi tat-tagħrif ippreżentat u l-valutazzjoni tiegħu ma wrewx li jista’ jiġi mistenni li, fil-kundizzjonijiet ta’ użu proposti, il-prodotti li jipproteġu l-pjanti li fihom t-tolylfluanid jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

Għalhekk, it-tolylfluanid għandu jitneħħa mill-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(9)

Għandhom jittieħdu miżuri biex ikun żgurat li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti li jipproteġu l-pjanti li fihom it-tolylfluanid jiġu rtirati f’perjodu ta’ żmien preskritt li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u li ma jiġġeddux u li ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni ġdida għal prodotti ta’ dan it-tip.

(10)

Meta titqies in-natura tar-riskji kkawżati minn dik is-sustanza attiva, kwalunkwe konċessjoni ta’ żmien supplimentari mogħtija minn xi Stat Membru għar-rimi, il-ħażna, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti tal-prodotti li jipproteġu l-pjanti li fihom it-tolylfluanid għandhom ikunu qosra kemm jista’ jkun u għandhom jiskadu sa mhux aktar tard minn sena (1) mindu tidħol fis-seħħ din id-Direttiva.

(11)

Din id-Direttiva ma tippreġudikax il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għat-tolylfluanid skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE fid-dawl ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva jinsabu f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, il-filliera 122, li tikkonċerna t-tolylfluanid, titħassar.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2010, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Settembru 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’referenza tali fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti li jipproteġu l-pjanti li fihom it-tolylfluanid jiġu rtirati sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2010;

(b)

mill-1 ta’ Diċembru 2010 ma jingħataw jew jiġġeddu l-ebda awtorizzazzjonijiet għal prodotti li jipproteġu l-pjanti li fihom it-tolylfluanid.

Artikolu 4

Kull konċessjoni ta’ żmien supplimentari mogħtija mill-Istati Membri skont l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Mejju 2011.

Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2010.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 119, 9.5.2007, p. 49.