4.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/27


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ April 2010

dwar l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt fil-qasam tar-riċerka dwar “L-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u t-tibdil fil-klima”

(2010/253/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 181 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija huma esposti ħafna għat-tibdil fil-klima minħabba li huma jiddependu direttament fuq il-kundizzjonijiet klimatiċi filwaqt li l-emissjonijiet mill-agrikoltura fl-Unjoni jammontaw għal 14 % tal-emissjonijiet globali tal-gassjiet b’effett ta’ serra.

(2)

It-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-isfidi ewlenin għall-agrikoltura biex titma l-popolazzjoni tad-dinja, li hija mistennija tilħaq id-9 biljun ruħ sal-2050.

(3)

Id-domanda globali għall-ikel hija mistennija li se tkun żdiedet b’50 % sal-2030 u li sal-2050 se tkun irduppjat, fi żmien meta d-domanda għall-bijomassa għal skopijiet mhux tal-ikel hija prevista li se tikber bil-qawwa.

(4)

L-agrikoltura u l-forestrija qed iħabbtu wiċċhom ma’ domanda għal oġġetti mhux tal-ikel għall-bijomassa li qed tiżdied bil-qawwa, immexxija mill-isforzi tal-mitigazzjoni f’setturi oħrajn u mill-ħtieġa li naqilbu għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

(5)

Il-ħażniet globali ta’ ċertu ikel bażiku naqsu, u l-prezzijiet għoljin fl-ikel, bħal dawk li rajna matul l-2008, jistgħu jkunu iktar frekwenti jekk id-domanda li dejjem qed tikber ma tkunx tista’ tintlaħaq b’mod konsistenti mill-provvista.

(6)

It-tibdil fil-klima jista’ jaffettwa l-uċuħ tar-raba’, il-ġestjoni tal-bhejjem u l-post tal-produzzjoni, u jista’ jkollu konsegwenzi importanti fuq id-dħul tal-irziezet, l-użu tal-art u l-ekonomiji rurali f’ċerti partijiet tal-Unjoni.

(7)

Is-settur agrikolu tal-pajjiżi tropikali u subtropikali, partikolarment dak tal-Afrika ta’ ‘l isfel mis-Saħara, huwa vulnerabbli ferm għat-tibdil fil-klima, u kwalunkwe kriżi ewlenija tal-ikel f’dawk ir-reġjuni jkollha impatt fuq l-Ewropa.

(8)

Jeħtieġu azzjonijiet miftiehma biex nevitaw li dawn ir-riskji, meħudin flimkien, iwasslu għal ħsara li ma tistax titraġġa’ lura u biex niksbu provvista sostenibbli tal-ikel taħt il-kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu.

(9)

Din l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt hija rilevanti wkoll għall-iżvilupp tal-Politika Agrikola Komuni.

(10)

Fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Kompetittività għaraf “l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u t-tibdil fil-klima” bħala qasam fejn l-ipprogrammar konġunt se jipprovdi valur miżjud ewlieni għall-isforzi frammentati attwali fil-qasam tar-riċerka fl-Istati Membri. Għalhekk, huwa adotta konklużjonijiet li fihom għaraf il-ħtieġa li titnieda inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt dwar dan is-suġġett u li fihom stieden lill-Kummissjoni tagħti kontribut fit-tħejjija ta’ dik l-inizjattiva. Il-Kunsill ikkonferma mill-ġdid ukoll li l-ipprogrammar konġunt huwa proċess li jmexxuh l-Istati Membri u li fih il-Kummissjoni għandha biss ir-rwol li tiffaċilitah.

(11)

L-ipprogrammar konġunt fir-riċerka dwar il-qasam tal-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u t-tibdil fil-klima se jħeġġeġ il-ġbir flimkien tal-ħiliet, l-għarfien u r-riżorsi, bil-għan li tiġi avvanzata r-riċerka biex tindirizza l-isfida tas-sigurtà tal-ikel u t-theddida kkaġunata mit-tibdil fil-klima, iż-żieda fil-popolazzjoni globali, u d-domanda għall-ikel u għal oġġetti mhux tal-ikel.

(12)

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti b’din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni billi jesploraw inizjattivi li tista’ tieħu l-Kummissjoni sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiżviluppaw u jimplimentaw l-aġenda strateġika tar-riċerka. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ukoll mal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola biex jiżguraw li l-attivitajiet tal-ipprogrammar konġunt ikunu kkoordinati mal-aġenda usa’ tar-riċerka agrikola.

(13)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun qed isir f’din l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw viżjoni komuni dwar kif il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-qasam tar-riċerka fil-livell tal-Unjoni jistgħu jindirizzaw l-isfida tas-sigurtà tal-ikel u t-theddida tat-tibdil fil-klima, iż-żieda fil-popolazzjoni globali, u d-domanda għall-ikel u għal oġġetti mhux tal-ikel.

2.

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw aġenda strateġika komuni tar-riċerka li tistabbilixxi l-ħtiġijiet u l-għanijiet medji u fit-tul tar-riċerka fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel permezz tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tal-effetti ta’ dan it-tibdil fl-agrikoltura. L-aġenda strateġika tar-riċerka għandha tinkludi pjan tal-implimentazzjoni li jistabbilixxi l-prijoritajiet u meta dawn għandhom jintlaħqu u li jispeċifika l-azzjonijiet, l-istrumenti u r-riżorsi meħtieġa biex l-aġenda strateġika tar-riċerka tiġi implimentata.

3.

L-Istati Membri huma mħeġġa jinkludu l-azzjonijiet li ġejjin bħala parti mill-aġenda strateġika tar-riċerka u mill-pjan tal-implimentazzjoni:

(a)

l-identifikazzjoni tat-tagħrif dwar il-programmi nazzjonali u l-attivitajiet tar-riċerka rilevanti u l-iskambju ta’ dan it-tagħrif;

(b)

it-tisħiħ tal-eżerċizzji konġunti dwar il-previżjoni u tal-kapaċitajiet konġunti tal-valutazzjoni teknoloġika, sabiex jiġi żgurat li t-theddid li ħiereġ bħalissa u dak ġdid ikun immonitorjat b’mod kostanti u rrappurtat regolarment;

(c)

l-iskambju tat-tagħrif, tar-riżorsi, tal-aqwa prattiki, tal-metodoloġiji u tal-linji gwida;

(d)

l-identifikazzjoni ta’ oqsma jew ta’ attivitajiet tar-riċerka li se jibbenefikaw mill-koordinazzjoni, mis-sejħiet konġunti għall-proposti jew mill-ġbir flimkien tar-riżorsi;

(e)

id-definizzjoni tal-proċeduri li bihom għandha titwettaq ir-riċerka b’mod konġunt fl-oqsma msemmija fil-punt (d);

(f)

il-qsim, fejn xieraq, tal-infrastruttura tar-riċerka li diġà teżisti jew l-iżvilupp ta’ faċilitajiet ġodda;

(g)

l-esportazzjoni u t-tqassim tal-għarfien, tal-innovazzjoni u tal-approċċi interdixxiplinari għal partijiet oħrajn tal-Ewropa u mad-dinja kollha u l-iżgurar tal-użu effettiv tar-riżultati tar-riċerka biex jitjiebu l-kompetittività u t-tfassil tal-politika Ewropej;

(h)

it-tħeġġiġ ta’ kollaborazzjoni mtejba bejn is-settur pubbliku u dak privat, flimkien ma’ innovazzjoni miftuħa bejn is-setturi differenti tan-negozju;

(i)

il-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet li jinbidlu tal-konsumaturi u dawk tal-industrija agroalimentari fl-Unjoni meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-għanijiet tal-programmi relatati.

4.

L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu struttura ta’ ġestjoni komuni fil-qasam tal-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u t-tibdil fil-klima li jkollha s-setgħa tistabbilixxi kundizzjonijiet, regoli u proċeduri komuni għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni u li jkollha s-setgħa timmonitorja l-implimentazzjoni tal-aġenda strateġika tar-riċerka.

5.

L-Istati Membri huma mħeġġa jimplimentaw l-aġenda strateġika tar-riċerka b’mod konġunt, inkluż permezz tal-programmi nazzjonali tar-riċerka tagħhom jew permezz ta’ attivitajiet nazzjonali oħrajn tar-riċerka.

6.

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw mal-Kummissjoni bil-għan li jiġu esplorati inizjattivi li tista’ tieħu l-Kummissjoni biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiżviluppaw u jimplimentaw l-aġenda strateġika tar-riċerka u bil-għan li l-programmi konġunti jiġu kkoordinati mal-inizjattivi l-oħra tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam.

7.

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw mal-Kummissjoni fit-tfittxija ta’ forom possibbli ta’ involviment tal-komunità tal-bdiewa u ta’ persuni interessati oħrajn fl-applikazzjoni tar-riżultati miksuba u fil-kunsiderazzjoni ta’ kif l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt tista’ tiġi integrata bl-aħjar mod fl-iżvilupp tal-Politika Agrikola Komuni.

8.

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw mal-Kummissjoni fl-użu tal-istrumenti kollha rilevanti tal-politika tal-innovazzjoni biex jiffaċilitaw it-trasformazzjoni tar-riżultati tar-riċerka fi prodotti u servizzi, u b’mod partikulari billi jagħmlu l-forom kollha tal-innovazzjoni aċċessibbli għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, inklużi l-bdiewa.

9.

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw mal-Kummissjoni fit-tfittxija ta’ forom possibbli ta’ konsultazzjoni u kooperazzjoni dwar dan is-suġġett ma’ entitajiet jew gruppi xierqa fil-livell internazzjonali.

10.

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw mal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola biex jiżguraw li l-attivitajiet tal-ipprogrammar konġunt ikunu kkoordinati mal-aġenda usa’ tar-riċerka agrikola.

11.

L-Istati Membri huma mħeġġa jirrapportaw b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun qed isir f’din l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

Máire GEOGHEGAN-QUINN

Membru tal-Kummissjoni