20.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 283/9


DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 u tat-18 ta' Ottubru 2010

li temenda Il-miżuri ta' Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew

2010/C 283/04

IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 223(2) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 23 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew,

billi:

(1)

Hu neċessarju li jiġi ċċarat kif il-Membri jistgħu jużaw xi wħud mill-allowances tagħhom, bħall-allowances għall-assistenza parlamentari u għall-ispejjeż ġenerali. B'mod partikolari, il-Membri għandhom jirċievu informazzjoni dwar liema spejjeż jistgħu jitħallsu minn liema allowances.

(2)

Il-Membri jistgħu jużaw fornituri tas-servizzi biex jiksbu servizzi speċifiċi u identifikati biċ-ċar marbuta direttament mal-eżerċizzju tal-mandat parlamentari tagħhom. Hu neċessarju li tinżamm ir-regola ġenerali li tali servizzi m'għandhomx jinkludu il-provvediment tal-persunal. Madankollu, għandu jkun possibbli għall-Membri li jkollhom rikors għall-persunal temporanju - pereżempju, biex jissostitwixxu assistent bil-lif tal-mard għal żmien qasir - provdut minn aġenzija tal-impjiegi temporanji.

(3)

Għall-finijiet ta' trasparenza, l-ismijiet tal-assistenti akkreditati tal-Membri u tal-assistenti lokali li jkollhom kuntratt ta' impjieg mal-Membri għandhom jiġu ppubblikati fil-websajt tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-isem tal-Membru li jassistu. Madankollu, għandu jkun possibbli għal tali persuni li, għal raġuni ta' protezzjoni tas-sikurezza personali tagħhom, jitolbu li l-isem tagħhom ma jiġix ippubblikat.

(4)

L-aġenti tal-ħlas tal-Membri fl-Istat Membru fejn dan ikun ġie elett ġeneralment ma jkunux f'pożizzjoni li jaġixxu bħala aġenti tal-ħlas għall-apprendisti bbażati fi Brussell u fi Strasburgu. Għalhekk, għandu jkun possibbli għall-Parlament li jassumi din ir-responsabilità. Barra minn hekk, hu xieraq li titneħħa l-possibilità għall-parlamenti nazzjonali li jaġixxu bħala aġenti tal-ħlas għall-Membri, peress li din l-għażla ma ttiħditx. Dawn il-bidliet għandhom japplikaw mill-14 ta' Lulju 2009, l-istess bħal sensiela ta' emendi tekniċi għad-dispożizzjonijiet relatati mal-aġenti tal-ħlas, l-applikazzjoni għall-ħlas tal-ispejjeż tal-assistenza parlamentari u l-obbligi marbuta ma' kuntratt ta' impjieg.

(5)

Il-Miżuri ta' Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (2) (“il-Miżuri ta' Implimentazzjoni”) jistipulaw proċedura ta' lment għall-Membri li jkunu tal-fehma li l-Miżuri ta' Implimentazzjoni ġew applikati b'mod inkorrett fil-każ tagħhom. Hu neċessarju li l-proċedura tiġi ċċarata, b'mod partikolari billi tiġi stipulata skadenza u billi jiġi żgurat li d-deċiżjoni finali taqa' f'idejn il-korp responsabbli, jiġifieri l-Bureau.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Miżuri ta' Implimentazzjoni għandhom jiġu emendati kif ġej:

(1)

L-Artikolu 25 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 25

Intitolament għall-allowance

Il-Membri għandhom ikunu intitolati għal allowance għall-ispejjeż ġenerali f’forma ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa biex jiġu koperti l-ispejjeż li jinqalgħu waqt l-attivitajiet parlamentari tagħhom. Il-Membri ma għandhomx ikunu intitolati għall-użu tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali għal attivitajiet li huma koperti minn allowances oħra skont dawn il-Miżuri ta' Implimentazzjoni jew regoli Parlamentari oħra, ħlief meta jkunu użaw l-ammonti kollha pprovduti permezz ta’ dawk l-allowances.”;

(2)

L-Artikolu 28 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 28

Spejjeż koperti

1.   L-allowance għall-ispejjeż ġenerali hija maħsuba biex tkopri spejjeż bħal:

l-ispejjeż għall-amministrazzjoni tal-uffiċċju u tal-manutenzjoni tal-uffiċċju,

dokumentazzjoni u provvisti tal-uffiċċju,

spejjeż relatati mat-tagħmir tal-uffiċċju,

attivitajiet rappreżentattivi,

spejjeż amministrattivi.

2.   Il-Bureau għandu jadotta lista mhux eżawrjenti tal-ispejjeż li jistgħu jitħallsu mill-allowance għall-ispejjeż ġenerali.”;

(3)

L-Artikolu 34 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 34

Prinċipji ġenerali

1.   Il-Membri għandhom jużaw:

(a)

assistenti Parlamentari akkreditati kif imsemmi fl-Artikolu 5a tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Impjegati Oħrajn, u

(b)

persuni naturali li jassistuhom fl-Istati Membri fejn ikunu ġew eletti u li magħhom ikunu ffirmaw kuntratt ta' impjieg jew ta’ servizz mal-Membri skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-kapitolu, minn hawn 'il quddiem ‘assistenti lokali’.

2.   Diversi Membri jistgħu jingħaqdu flimkien biex b'mod konġunt jimpjegaw jew jagħmlu użu mis-servizzi ta' assistent jew assistenti kif imsemmi fil-paragrafu 1. F'dan il-każ, il-Membri kkonċernati għandhom jinnominaw minn fosthom, il-Membru/i awtorizzat/i biex jiffirma(w) kuntratti, f'isem il-grupp ta' Membri. Dikjarazzjoni tat-twaqqif tal-grupp ta' Membri għandha tiġi annessa mal-kuntratt konkluż individwalment mal-assistent(i) Parlamentari kkonċernat(i).

F'din id-dikjarazzjoni l-Membri għandhom jistipulaw is-sehem rispettiv li għandu jitnaqqas mill-ammont imsemmi fl-Artikolu 33(4).

3.   L-Artikoli 35 sa 42 ma għandhomx japplikaw għall-assistenti Parlamentari reġistrati.

4.   Jistgħu jitħallsu wkoll spejjeż marbuta ma' ftehimiet ta' apprendistat, stabbiliti fuq il-kundizzjonijiet stipulati mill-Bureau.

5.   Bla ħsara għall-paragrafu 1(b), il-Membri jistgħu jirrikorru għall-forniment ta’ servizzi biex jibbenefikaw minn servizzi identifikati sew u direttament marbuta mal-ħidma tal-mandat parlamentari tagħhom, bil-kundizzjonijiet previsti f'dan il-kapitolu.

6.   L-ebda forniment ta’ servizzi ma jista’ jinkludi l-provvediment ta' staff, ħlief għal servizzi temporanji minn fornituri ta’ servizzi li jipprovdu servizzi bħal dawn fuq bażi professjonali u regolari u jkunu awtorizzati skont il-liġi nazzjonali biex jipprovduhom.

7.   Il-Bureau għandu jadotta lista mhux eżawrjenti tal-ispejjeż li jistgħu jitħallsu għall-finijiet tal-assistenza parlamentari.

8.   L-ismijiet tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1(a) u tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1(b) li temmew kuntratt tax-xogħol mal-Membru kkonċernat għandhom, għaż-żmien li jkun validu l-kuntratt, ikunu ppubblikati fuq is-sit tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-isem tal-Membru li jassistu.

Dawk il-persuni jistgħu, sabiex jipproteġu s-sikurezza personali tagħhom, jitolbu bil-miktub li isimhom ma jiġix ippubblikat fis-sit tal-Parlament Ewropew. Is-Segretarju Ġenerali għandu jiddeċiedi jekk għandhiex tiġi ssodisfata talba bħal din.”;

(4)

L-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“3.   Il-Membru jikkonkludi kuntratt individwali ma’ aġent tal-ħlas tal-għażla tiegħu jew tagħha li jkun jissodisfa r-rekwiżit tal-paragrafu 2.

L-ispejjeż li jirriżultaw mir-rikors għal servizz ta’ aġent tal-ħlas skont il-paragrafu 1, għandhom ikunu koperti mill-allowance prevista fl-Artikolu 33(4) u m'għandhomx ikunu soġġetti għal-limitu skont l-Artikolu 41(2).

4.   Il-kuntratt bejn il-Membru u l-aġent tal-ħlas għandu jiġi konkluż fuq il-bażi ta’ kuntratt standard approvat mill-Bureau.

Il-kuntratt jstandard għandu jistabbilixxi, f’konformità ma’ dan il-kapitolu, il-metodi ta’ ħlas għall-kuntratti msemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll il-ħlas u r-responsabilità tal-aġent ta’ ħlas.”;

(b)

Il-paragrafu 5 jitħassar.

(5)

Fl-Artikolu 36, il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“4.   Il-Parlament għandu jgħaddi lill-aġent ta’ ħlas il-pagamenti dovuti, inklużi l-ftehimiet tal-apprendistati, wara li l-kuntratti fdati lill-aġent tal-ħlas ikunu ġew eżegwiti u bil-preżentazzjoni tad-dokumenti ta' verifika meħtieġa.

5.   Fuq talba tal-Membru, il-Parlament għandu, b’eċċezzjoni u f’ismu, jgħaddi s-salarju nett direttament lill-assistenti li magħhom il-Membru jkun ikkonkluda kuntratt tax-xogħol kif ukoll lit-trainees. L-aġent tal-ħlas għandu jikkomunika mingħajr dewmien lid-dipartiment relevanti l-ammonti ta’ ħlas ta’ sigurtà soċjali u ta’ taxxa, u jipprepara r-rendikont tal-paga.

5a.   Bħala eċċezzjoni għall-Artikolu 35(1), il-ftehimiet tal-apprendistati li huma eżentati mit-taxxi, mill-kontributi għall-iskema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali u minn kwalunkwe imposti oħra ma għandhomx jiġu amministrati minn aġent tal-ħlas jekk qabel ma jibda l-apprendistat, il-Membru jippreżenta:

(a)

ċertifikat mill-aġent tal-ħlas tiegħu jew tagħha dwar il-konformità tal-apprendistat mal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-eżenzjoni tiegħu mill-imposti msemmija hawn fuq, jew

(b)

għall-apprendistati fil-bini tal-Parlament fi Brussell jew Strasburgu, dikjarazzjoni li tawtorizza lis-servizzi tal-Parlament biex jivverifikaw l-eżenzjoni mill-imposti msemmija hawn fuq mal-awtorità nazzjonali kompetenti.”;

(6)

Fl-Artikolu 37, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Applikazzjoni għall-ħlas tal-ispejjeż għall-assistenza Parlamentari skont l-Artikolu 34(1)(b) u (2), (4) u (5), fejn ikun hemm ippreċiżati l-benefiċjarji u l-ammonti tal-ħlas li għandu jsir, għandha titressaq lid-dipartiment kompetenti mill-Membru jew l-aġent ta' ħlas tiegħu jew tagħha u għandha tiġi kontrafirmata mill-Membri Parlamentari kollha kkonċernati u, ħlief fil-każ previst fl-Artikolu 36(5a)(b), mill-aġent tal-ħlas. Din għandha tkun ippreżentata flimkien mad-dokumenti ta' verifika msemmija fl-Artikolu 38 fir-rigward ta' kuntratti ta' impjieg u dawk imsemmija fl-Artikolu 41 fir-rigward ta' kuntratti għal servizzi.”;

(7)

Fl-Artikolu 39, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Għal perjodu stipulat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u mill-anqas għal sena wara l-mandat parlamentari kkonċernat, l-aġenti tal-ħlas għandhom iżommu reġistru ta' pagamenti li juru l-ammonti li tħallsu f'pagi u f'taxxi u f'kontributi għas-sigurtà soċjali (kif imħallsa mill-impjegat u minn min iħaddem). Jekk il-kuntratt mal-aġent tal-ħlas jintemm qabel tmiem il-mandat tal-Membru parlamentari, kopja ċertifikata tad-dokumenti msemmija hawn fuq għandha tingħata mingħajr dewmien lill-aġent tal-ħlas il-ġdid magħżul mill-Membru msemmi fl-Artikolu 35(3).

2.   L-aġent tal-ħlas, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Marzu ta' wara s-sena finanzjarja ta' referenza u wara li jintemm il-kuntratt tiegħu, u għal skopijiet ta' regolarizzazzjoni tal-avvanzi mħallsa, għandu jagħti lid-dipartiment kompetenti bilanċi relatati mal-ispejjeż dovuti għall-impjegati, it-tnaqqis fiskali, il-kontribuzzjonijiet soċjali u kull spejjeż oħra rimborżabbli għall kull wieħed mill-assistenti impjegati. Huwa għandu jiċċertifika li twettqu l-obbligi kollha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

Dawn il-bilanċi għandhom jitfasslu skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-Parlament.”;

(8)

Fl-Artikolu 62, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Membri għandhom iroddu lura lill-Parlament kwalunkwe ammont mhux użat ħlief meta jitħallsu f'forma ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa.”;

(9)

L-Artikolu 72 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 72

Ilmenti

1.   Membru li jidhirlu li dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni ma ġewx applikati sew mis-servizz kompetenti fir-rigward tiegħu jista' jagħmel ilment bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali.

Id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali dwar l-ilment għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.

2.   Jekk Membru ma jaqbilx mad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, fi żmien xahrejn wara n-notifika tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, jista’ jitlob li l-kwestjoni tintbagħat lill-Kwesturi, li jieħdu deċiżjoni wara konsultazzjoni mas-Segretarju Ġenerali.

3.   Jekk parti għall-proċedura tal-ilment ma taqbilx mad-deċiżjoni adottata mill-Kwesturi, din tista’, fi żmien xahrejn wara n-notifika dwar dik id-deċiżjoni, titlob li l-kwestjoni tintbagħat lill-Bureau li jieħu d-deċiżjoni finali.

4.   Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għal suċċessur legali tal-Membru kif ukoll għal dawk li kienu Membri u s-suċċessuri legali tagħhom.”.

Artikolu 2

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-istess jum, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Artikolu 1, punti 1, 3 (safejn għandhom x'jaqsmu ma' l-Artikolu 34(7) tal-Miżuri ta' Implimentazzjoni) u (4) sa (8), li għandhom japplikaw mill-14 ta’ Lulju 2009;

(b)

l-Artikolu 1, punt 3, (safejn għandu x'jaqsam ma' l-Artikolu 34(1) sa (6) u (8) tal-Miżuri ta' Implimentazzjoni), li għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2010;

(c)

l-Artikolu 1, punt 2, li għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2011.


(1)  Id-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1).

(2)  Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju u tad-9 ta' Lulju 2008 dwar il-miżuri ta' applikazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU C 159, 13.7.2009, p. 1).