28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 342/21


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Diċembru 2010

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda (applikazzjoni FEAG/2010/014 SI/Mura mis-Slovenja)

(2010/809/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja soda (1), u b’mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li spiċċaw issensjati b’konsegwenza ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)

L-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)

Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)

Is-Slovenja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal- FEG, fir-rigward tas-sensji fl-impriża Mura fit-28 ta’ April 2010 u ssupplimentatha b’informazzjoni addizzjonali sal-24 ta’ Ġunju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta’ EUR 2 247 940.

(5)

Għalhekk l-FEAG għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mis-Slovenja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 2 247 940 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.