3.8.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 210/4 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-30 ta’ Lulju 2010
li tistabbilixxi l-Forum ta' livell għoli dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina ta' provvista tal-ikel
2010/C 210/03
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 173(1) tat-Trattat jassenja lill-Unjoni u lill-Istati Membri l-kompitu li jiżguraw li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni jiġu żgurati, b'mod partikolari billi jitħeġġeġ ambjent favorevoli għall-kooperazzjoni bejn l-impriżi. B'mod partikolari, l-Artikolu 173(2) iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonsultaw lil xulxin b'rabta mal-Kummissjoni u, fejn ikun meħtieġ, jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tista' tieħu kwalunkwe inizjattiva utli biex tħeġġeġ din il-koordinazzjoni. |
(2) |
Il-grupp ta' livell għoli dwar il-kompetittività tal-industrija agroalimentari mwaqqaf bid-Deċiżjoni 2008/359/KE tal-Kummissjoni (1) tat-28 ta' April 2008 stabbilixxa rapport li fih 30 rakkomandazzjoni u pjan direzzjonali ta' inizjattivi ewlenin bl-għan li titħeġġeġ il-kompetittività tal-industrija tal-ikel Ewropea. |
(3) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” (2), il-Kummissjoni ppreżentat 10 inizjattivi politiċi bl-għan li jirrimedjaw għan-nuqqasijiet osservati waqt l-analiżi mill-ġdid tas-suq uniku fis-settur tal-ikel u impenjat ruħha li tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tagħhom, fuq il-bażi ta' diskussjoni mal-partijiet interessati. |
(4) |
Issa jeħtieġ li jiġi żgurat il-monitoraġġ tar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta' livell għoli dwar il-kompetittività tal-industrija agroalimentari u l-monitoraġġ tal-inizjattivi tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jiġi mwaqqaf grupp ġdid ta' esperti b'kompetenzi ta' firxa wiesgħa, taħt il-forma ta' Forum ta' livell għoli dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel, li l-kompożizzjoni tagħha tirrifletti l-atturi kollha tal-katina tal-ikel. Dan il-Forum ser jippermetti li tiġi żgurata l-koerenza tal-inizjattivi diversi tal-Kummissjoni. |
(5) |
Il-Forum għandu jkun magħmul minn personalitajiet ta' livell għoli li jirrappreżentaw l-Istati membri u s-setturi tal-agrikoltura, tal-industrija tal-ipproċessar agroalimentari u tad-distribuzzjoni ta' prodotti tal-ikel, kif ukoll minn organizzazzjonijiet non-governattivi li huma esperti fil-qasam tal-katina tal-provvista tal-ikel. |
(6) |
Għandhom jiġu previsti regoli rigward it-tixrid ta' informazzjoni mill-membri tal-Forum, mingħajr ħsara għar-regoli tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sigurtà li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2001/844/KE, ECSC, Euratom tal-Kummissjoni (3). |
(7) |
Kwalunkwe dejta personali dwar il-membri tal-Forum għandha tiġi trattata b'mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta (4). |
(8) |
Huwa meħtieġ li tiġi rrevokata d-Deċiżjoni 2008/359/KE. |
(9) |
Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit iż-żmien ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Forum
Forum ta' livell għoli dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina ta' provvista tal-ikel, aktar 'il quddiem imsejjaħ “il-Forum”, għandu jiġi mwaqqaf.
Artikolu 2
Kompiti
Il-Forum għandu jgħin lill-Kummissjoni fit-tfassil tal-politika industrijali fis-settur agroalimentari. Għal dan il-għan, isegwi, minn naħa, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-grupp ta' livell għoli dwar il-kompetittività tal-industrija agroalimentari mwaqqaf mid-Deċiżjoni 2008/359/KE tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni tal-inizjattivi proposti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar”.
Artikolu 3
Konsultazzjoni
Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta l-Forum rigward kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-kompetittività u l-funzjonament tal-katina ta' provvista tal-ikel fi ħdan is-suq intern u sabiex tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet ġodda skont l-iżviluppi tal-katina ta' provvista tal-ikel.
Artikolu 4
Kompożizzjoni – Nominazzjoni
1. Il-Forum għandu jkun magħmul minn massimu ta' 45 membri.
2. Il-Forum għandu jinkludi:
— |
l-awtoritajiet nazzjonali ta' Stati Membri li huma responsabbli għas-settur tal-ikel fuq livell ministerjali; |
— |
impriżi attivi fis-setturi tal-industrija agroalimentari, tal-kummerċ u tad-distribuzzjoni ta' prodotti agroalimentari fl-Unjoni; |
— |
assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet li jirrappreżentaw is-setturi tal-agrikoltura, tal-industrija agroalimentari u tal-kummerċ u tad-distribuzzjoni ta' prodotti agroalimentari fl-Unjoni; |
— |
organizzazzjonijiet non-governattivi li huma esperti fil-kwistjonijiet relatati mal-katina ta' provvista tal-ikel. |
3. Kull membru tal-Forum għandu jaħtar rappreżentant permanenti għall-grupp ta' tħejjija msemmi fl-Artikolu 5(2).
4. Il-membri għandhom jiġu nnominati għal żmien ta' kariga li jista' jiġġedded ta' sena u għandhom jeżerċitaw il-kariga tagħhom sakemm jiġu sostitwiti b'mod konformi mal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu jew sat-tmiem taż-żmien tal-kariga tagħhom.
5. Il-membri jistgħu jiġu sostitwiti għall-bqija taż-żmien ta' kariga tagħhom fil-każijiet li ġejjin:
(a) |
meta jirriżenjaw; |
(b) |
meta ma jkunux jistgħu aktar jikkontribwixxu b'mod effikaċi għax-xogħol tal-Forum; |
(c) |
meta ma jirrispettawx l-Artikolu 339 tat-Trattat. |
6. L-ismijiet tal-membri għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija u fir-reġistru tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni.
Il-ġbir, il-ġestjoni u l-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-membri għandhom isiru b'mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.
Artikolu 5
Funzjonament
1. Il-Forum għandu jiġi ppresedut mill-Kummissjoni. Huwa għandu jistabbilixxi rapport annwali dwar l-attivitajiet għall-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.
2. Grupp ta' tħejjija, aktar 'il quddiem imsejjaħ il-“grupp tax-sherpas”, għandu jħejji d-dibattiti, id-dokumenti bl-informazzjoni tal-isfond u l-opinjonijiet sabiex jitfassal ir-rapport annwali tal-Forum. Huwa għandu jiġi ppresedut mill-Kummissjoni.
3. Il-Kummissjoni tista' tlaqqa' gruppi ta' ħidma inkarigati li jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi fuq il-bażi ta' mandat stabbilit bi qbil mal-Forum jew mal-grupp tax-sherpas. Dawn il-gruppi ta' ħidma għandhom jiġu xolti malli jispiċċa ż-żmien ta' kariga tagħhom.
4. Il-Kummissjoni tista' tistieden esperti jew osservaturi li għandhom kompetenza partikolari f'suġġett imniżżel fl-aġenda biex jieħdu sehem fix-xogħol tal-forum jew fid-deliberazzjonijiet jew ix-xogħol tal-grupp tax-sherpas jew tal-gruppi ta' ħidma.
Fuq talba mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tista' tistieden lill-Parlament Ewropew biex jaħtar rappreżentant wieħed jew aktar minn wieħed biex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Forum.
5. Il-Forum, il-grupp tax-sherpas u l-gruppi ta' ħidma normalment għandhom jiltaqgħu fil-bini tal-Kummissjoni, skont l-arranġamenti u l-kalendarju stabbiliti minnha. Is-segretarjat għandu jiġi żgurat mill-Kummissjoni. Uffiċjali tal-Kummissjoni li huma interessati fix-xogħol jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Forum, tal-grupp tax-sherpas u tal-gruppi ta' ħidma.
6. Il-membri tal-Forum, ir-rappreżentanti tagħhom u l-esperti u l-osservaturi mistiedna għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-sigriet professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli tagħhom ta' implimentazzjoni, kif ukoll mar-regoli ta' sigurtà tal-Kummissjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE previsti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom.
7. Il-Kummissjoni tista' tippubblika jew tqiegħed fuq l-internet, fil-lingwa ta' oriġini tad-dokument ikkonċernat, kwalunkwe sommarju, konklużjoni, parti ta' konklużjoni jew dokument ta' ħidma tal-Forum, kif ukoll kwalunkwe minuti u rapport.
Meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni tista' tittraduċi dawn id-dokumenti jew parti minnhom fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.
Artikolu 6
Revoka
Id-Deċiżjoni 2008/359/KE għandha tiġi revokata.
Artikolu 7
Applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2012.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2010.
Għall-Kummissjoni
Antonio TAJANI
Viċi President
(1) ĠU L 120, 7.5.2008, p. 15.
(2) COM(2009) 591, 28.10.2009.
(3) ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.