21.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/43


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Novembru 2010

Għajnuna mill-Istat C 1/10 — Il-Belġju dwar Għajnuna maħsuba sabiex tkopri l-ispejjeż marbuta mat-tneħħija u l-qerda tal-annimali mejta fl-impriżi agrikoli li jinsabu fir-Reġjun tal-Vallonja

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 7263)

(Il-testi bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

(2010/789/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2)(a) tiegħu (1),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu (2),

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont l-Artikoli msemmija (3),

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Wara lment li tressaq fit-23 ta’ April 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ inkjesta rigward l-għajnuna mill-Istat, li allegatament ta l-Belġju u li kienet maħsuba sabiex tkopri l-ispejjeż marbuta mat-tneħħija u l-qerda ta’ bhejjem mejta fl-impriżi agrikoli li jinsabu fir-Reġjun tal-Vallonja.

(2)

Fit-2 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-awtoritajiet Belġjani, u talbithom informazzjoni dwar il-miżura inkwistjoni. L-awtoritajiet Belġjani pprovdew tagħrif permezz ta’ ittra datata s-27 ta’ Lulju 2007, irreġistrata fit-3 ta’ Awwissu 2007. Saret laqgħa teknika fil-21 ta’ Awwissu 2007 fuq talba tal-awtoritajiet Belġjani kompetenti. Wara l-laqgħa, fl-4 ta’ Ottubru 2007, dawn tal-aħħar ipprovdew tagħrif addizzjonali rigward il-każ inkwistjoni.

(3)

Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Settembru 2007, is-servizzi tal-Kummissjoni infurmaw lill-Belġju li l-iskema ta’ għajnuniet ġiet irreġistrata bħala għajnuna mhux innotifikata bin-numru NN 56/2007, minħabba li evidentament, parti mill-fondi kienet diġà tħallset.

(4)

Saret laqgħa teknika oħra fit-12 ta’ Ottubru 2007 fuq talba tal-awtoritajiet Belġjani kompetenti.

(5)

Permezz tal-ittra tal-25 ta’ Ottubru 2007, is-servizzi tal-Kummissjoni stiednu lill-awtoritajiet Belġjani sabiex jipprovdu aktar informazzjoni. Fin-nuqqas ta’ tweġiba fiż-żmien stabbilit, fil-21 ta’ Diċembru 2007, huma bagħtu nota ta’ tfakkir lill-awtoritajiet Belġjani flimkien ma’ data tal-għeluq ġdida biex iwieġbu.

(6)

Fl-4 ta’ Ġunju 2008, wara li ma ħadu l-ebda tweġiba għall-ewwel nota ta’ tfakkir fiż-żmien stabbilit, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu ittra oħra ta’ tfakkir li fiha ġibdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet Belġjani rigward il-fatt li f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-data tal-għeluq il-ġdida għat-tweġiba, iffissata għal erba’ ġimgħat, il-Kummissjoni setgħet toħroġ inġunzjoni sabiex l-awtoritajiet Belġjani jipprovdu din l-informazzjoni skont l-Artikolu 10(2) u (3), tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (4). Dan il-perjodu skada fl-4 ta’ Lulju 2008. Għalhekk, fl-1 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tordna lill-awtoritajiet Belġjani sabiex jipprovdu l-informazzjoni mitluba. F’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani biex jipprovdu, fost oħrajn, id-dokumenti ta’ informazzjoni rilevanti previsti mir-Regolament (KE) Nru 794/2004 tal-Kummissjoni tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (5) għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-għajnuniet mogħtija wara l-31 ta’ Jannar 2007.

(7)

L-awtoritajiet Belġjani finalment wieġbu permezz tal-ittra tas-27 ta’ Novembru 2008 u bagħtu aktar tagħrif fil-5 ta’ Diċembru 2008. Madankollu, baqgħu ma pprovdewx id-dokumenti ta’ informazzjoni mitluba fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2008.

(8)

Fis-27 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani jibagħtu aktar informazzjoni. L-awtoritajiet Belġjani wieġbu għal din it-talba permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Marzu 2009, irreġistrata fid-19 ta’ Marzu 2009.

(9)

Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni infurmat lill-Belġju bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fir-rigward tal-għajnuna nnotifikata. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-15 ta’ Lulju 2010. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni. L-ebda parti terza ma ressqet kummenti.

(10)

Permezz tal-ittra tad-19 ta’ Frar 2010, l-awtoritajiet Belġjani talbu estensjoni ta’ xahar ieħor għat-tweġiba mal-iskadenza stabbilita mill-ittra tal-Kummissjoni tad-14 ta’ Jannar 2010. Permezz tal-ittra tal-5 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni qablet li r-risposta supplimentari tingħata xahar wara. Finalment, f’ittra datata t-12 ta’ Marzu 2010, l-awtoritajiet Belġjani wieġbu għad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura.

II.   KUNTEST

II.1.   Deċiżjoni tal-Kummissjoni – Fajl Nru NN 48/2003

(11)

Matul l-inkjesta tal-Kummissjoni, deher biċ-ċar li l-ilment kien relatat mal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuniet approvata mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Novembru 2003 fil-fajl tal-għajnuna mill-Istat Nru NN 48/2003 (ex. N. 157/2003) intitolat “Il-ġestjoni tat-tneħħija u l-qerda tal-karkassi tal-bhejjem iġġenerati fl-irziezet tar-Reġjun tal-Vallonja”. Dan il-fajl kien jirrigwarda skema nnotifikata mill-awtoritajiet Belġjani, li permezz tagħha l-Istat Belġjan kien qed jagħti lill-irziezet, permezz ta’ servizzi ssussidjati, għajnuna li tkopri l-ispejjeż kollha marbuta mat-tneħħija, il-ħażna, l-ipproċessar u l-qerda tal-bhejjem mejta.

(12)

Għall-finijiet tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ approvazzjoni u minħabba d-dħul imminenti fis-seħħ tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet statali marbuta mat-testijiet għat-TSEs, fuq il-bhejjem mejta u l-iskart tal-biċċeriji (“il-Linji gwida dwar it-TSEs”) (6) fl-1 ta’ Jannar 2004, l-awtoritajiet Belġjani impenjaw irwieħhom sabiex jemendaw l-iskema inkwistjoni. Dawn l-emendi kienu meħtieġa sabiex jiġu rispettati l-kundizzjonijiet tal-Linji gwida dwar it-TSEs, u b’mod aktar speċifiku l-punt 29 tagħhom. Skont dan il-punt, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna statali sa 100 % tal-ispejjeż tat-tneħħija tal-bhejjem mejta u sa 75 % tal-ispejjeż tal-qerda ta’ dawn il-karkassi. L-iskema Belġjana, kif ġiet innotifikata, ma kinitx konformi ma’ din id-dispożizzjoni, minħabba li kienet tipprovdi li l-għajnuna tista’ tkopri 100 % tal-ispejjeż marbuta mal-qerda tal-karkassi.

(13)

Wara dawn il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-premessi (11) u (12), l-awtoritajiet Belġjani impenjaw irwieħhom (ara l-premessi (33) u (34) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-fajl nru NN 48/2003) sabiex b’hekk jibdlu l-iskema ta’ għajnuna tagħhom b’tali mod li mill-1 ta’ Jannar 2004, l-għajnuniet previsti sabiex ikopru l-ispejjeż marbuta mal-qerda tal-karkassi jkunu jirrappreżentaw biss sa massimu ta’ 75 % tan-nefqa subita, minflok 100 %. L-awtoritajiet Belġjani kienu wkoll impenjaw irwieħhom li, sa mhux aktar tard minn nofs Diċembru 2003, jibagħtu lill-Kummissjoni l-provi li juru li l-bidliet meħtieġa kienu ddaħħlu fl-iskema ta’ għajnuniet.

(14)

Fuq il-bażi ta’ dawn l-impenji, il-Kummissjoni approvat din l-imsemmija skema għal perjodu ta’ ħames snin mill-31 ta’ Jannar 2002. Dan il-perjodu skada fil-31 ta’ Jannar 2007.

II.2   Ilment

(15)

Fit-23 ta’ April 2007, il-Kummissjoni rċeviet ilment li fih ġie allegat li l-awtoritajiet Belġjani kienu qegħdin jiksru l-Linji gwida dwar it-TSEs billi komplew jagħtu għajnuna sa 100 % kemm għat-tneħħija tal-bhejjem mejta kif ukoll għall-qerda tal-karkassi.

III.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

(16)

L-iskema ta’ għajnuniet inkwistjoni tirrigwarda miżura reġjonali li tkopri l-ispejjeż kollha tas-servizzi relatati mat-tneħħija, it-trasport, il-ħżin, l-ipproċessar u l-qerda tal-annimali mejta fl-irziezet li jinsabu fir-Reġjun tal-Vallonja.

(17)

L-organizzazzjoni u l-ġestjoni tat-tneħħija tal-karkassi f’dawn l-irziezet saru billi l-awtoritajiet reġjonali taw kuntratt ta’ akkwist pubbliku tas-servizzi. Wara sejħa ġenerali għall-offerti varata fuq livell tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ avviż ta’ akkwist ta’ servizz pubbliku (7), dan il-kuntratt ingħata lill-kumpanija SA. RENDAC-UDES fil-31 ta’ Jannar 2002. Il-kuntratt inkwistjoni kien maqsum fi tliet partijiet separati li kienu jikkorrispondu għas-servizzi differenti li l-kumpanija kellha toffri:

il-ġbir tal-karkassi tal-bhejjem mejta fl-irziezet u t-trasport tagħhom lejn unità tal-ipproċessar, safejn ikun possibbli permezz ta’ ċentru ta’ ġbir jew faċilità ta’ ħażna intermedja,

l-ipproċessar tal-karkassi tal-bhejjem, meqjusin kollha bħala materjal ta’ riskju speċifikat, u t-trasport tal-iskart iġġenerat mill-ipproċessar lejn l-inċineraturi, u

il-qerda sħiħa tal-iskart iġġenerat minn dan it-trattament fil-faċilitajiet ad hoc.

(18)

Il-kumpanija S.A. RENDAC-UDES kienet l-unika waħda li tefgħet offerta għal din is-sejħa u dan, għat-tliet partijiet kollha. Għalhekk il-kuntratt ingħata lil din il-kumpanija fil-31 ta’ Jannar 2002 għal perjodu ta’ 5 snin. Skont l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Belġjani, il-validità tal-kuntratt ġiet estiża mill-inqas erba’ darbiet: sal-31 ta’ Diċembru 2007, sal-31 ta’ Diċembru 2008, sat-30 ta’ Ġunju 2009 u fl-aħħar nett sal-implimentazzjoni futura tal-kuntratt pubbliku l-ġdid, li skont l-awtoritajiet Belġjani, għandu jkun operattiv għat-tielet kwart tal-2010.

(19)

L-iskema ta’ għajnuniet inkwistjoni tipprovdi l-għoti ta’ għajnuna lill-bdiewa. L-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li, minkejja li din qiegħda tingħata b’mod dirett lill-kumpanija S.A. RENDAC-UDEC bħala fornitur ta’ servizz, għall-ispejjeż tas-servizzi pprovduti lill-bdiewa, l-għajnuna kienet qiegħda tmur kollha lura għand il-bdiewa sabiex ikopru l-ispejjeż kollha marbuta mal-operazzjonijiet differenti ta’ ġbir, trasport, ħżin, ipproċessar u qerda li kienu jkunu fir-responsabbiltà tagħhom li kieku ma kienx hemm l-iskema ta’ għajnuniet. L-awtoritajiet Belġjani żguraw ukoll li l-ammonti mħallsa direttament lill-kumpanija S.A. RENDAC-UDES għas-servizzi pprovduti lill-bdiewa kienu jikkorrispondu kompletament u unikament għall-prezzijiet tas-suq tas-servizzi mwettqa.

(20)

L-Uffiċċju dwar l-iskart tal-Vallonja, fi ħdan il-Ministeru Reġjonali tal-Ambjent, kien imqabbad sabiex iħallas l-irċevuti maħruġa mill-SA RENDAC-UDES, parti fuq bażi ta’ rata fissa u parti fuq il-bażi ta’ skedi ta’ prezzijiet.

(21)

Bħala parti mir-reviżjoni tal-fajl nru NN 48/2003, l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-iskema tirrigwarda biss il-bhejjem mejta fl-irziezet tar-Reġjun tal-Vallonja. Din ma tapplikax għall-karkassi tal-bhejjem mejta fis-swieq tal-bhejjem jew fil-biċċeriji.

IV.   DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI TAT-13 TA’ JANNAR 2010

(22)

Fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Jannar 2010 li tibda l-proċess ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha rigward il-kompatibilità tal-iskema ta’ għajnuniet mar-regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat tal-Unjoni Ewropea. Speċifikament, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri tal-iskema ta’ għajnuniet inkwistjoni li tkopri aktar minn 75 % tal-ispejjeż tal-qerda tal-karkassi, jistgħu jitqiesu li mhumiex kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Linji gwida dwar it-TSEs u tal-Linji Gwida 2007-2013 tal-Komunità rigward l-għajnuniet mill-Istat fis-settur tal-agrikultura u l-forestrija 2007–2013 (“il-Linji Gwida 2007-2013”) (8).

(23)

Barra minn hekk, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni approvat l-iskema ta’ għajnuniet sal-31 ta’ Jannar 2007 fuq il-bażi tal-impenji tal-awtoritajiet Belġjani, li kellhom jibdlu l-iskema sabiex jirrispettaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-Linji gwida dwar it-TSEs mill-1 ta’ Jannar 2004, u billi dawn l-impenji ma ġewx imħarsa minn dawn l-awtoritajiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna mogħtija bil-għan li jkunu koperti aktar minn 75 % tal-ispejjeż tal-qerda tal-karkassi ingħatat b’mod abbużiv.

(24)

Għalhekk, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 u b’rabta mal-Artikolu 16 tal-istess Regolament li jirrigwarda l-applikazzjoni ħażina tal-għajnuniet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni u stiednet lill-Belġju sabiex iressaq il-kummenti tiegħu.

V.   KUMMENTI TAL-BELĠJU

(25)

Fit-tweġiba tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2010, il-Belġju informa lill-Kummissjoni li kien sejjer jieħu l-passi meħtieġa sabiex jimplimenta kuntratt ġdid ta’ servizz pubbliku. Skont l-awtoritajiet Belġjani, l-ispeċifikazzjonijiet speċjali li jirregolaw il-kuntratt futur ta’ servizz pubbliku, kellhom jitlestew sa mhux aktar tard mill-15 ta’ April 2010 u l-kuntratt kellu jibda jopera sat-tielet kwart tal-2010. Sadanittant, l-awtoritajiet Belġjani argumentaw li l-kuntratt ta’ servizz pubbliku li ġie implimentat fil-31 ta’ Jannar 2002 ġie estiż mill-emenda għall-istess kundizzjonijiet li kienu jipprevalu meta ngħata fil-31 ta’ Jannar 2002.

(26)

Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Belġjani argumentaw li (i) ir-Reġjun tal-Vallonja sejjer jitlob l-applikazzjoni tal-prinċipju de minimis sabiex jirregolarizza s-sitwazzjoni tal-bdiewa għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u t-30 ta’ Ġunju 2008, u (ii) li fi żmien massimu ta’ tliet xhur huwa kien sejjer jirkupra mingħand kull bidwi l-ammont korrispondenti għal 25 % tal-ispejjeż ta’ pproċessar u qerda tal-bhejjem mejta, ikkalkulat għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2008, sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ta’ akkwist pubbliku li jmiss.

(27)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Belġjani infurmaw lill-Kummissjoni li huma kienu sejrin jitolbu l-irkupru tal-ammonti tal-għajnuniet de minimis fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2004 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna de minimis fis-setturi tal-agrikoltura (9) li jaqbżu l-ammont ta’ EUR 3 000 fuq perjodu ta’ tliet snin. L-awtoritajiet Belġjani indikaw ukoll li l-ammont massimu ammissibbli ta’ EUR 3 000 kien inqabeż minn 58 bidwi.

VI.   EVALWAZZJONI TAL-MIŻURA

VI.1   L-eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(28)

Fit-termini tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(29)

Dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfati f’dan il-każ minħabba li l-għajnuna tiffavorixxi lill-bdiewa. L-għajnuna inkwistjoni qiegħda tingħata mill-korpi pubbliċi tar-Reġjun tal-Vallonja u tagħti vantaġġ lill-bdiewa tar-Reġjun tal-Vallonja billi telimina l-ispejjeż marbuta mat-tneħħija u l-qerda tal-karkassi li kieku kienu jġarrbu f’ċirkostanzi normali.

(30)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-fatt biss li l-kompetittività ta’ kumpanija tissaħħaħ meta mqabbla ma’ kumpaniji kompetituri billi tingħata vantaġġ ekonomiku li kieku ma kinitx tirċievi fit-twettiq ordinarju tal-attività tagħha jindika li hemm riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (10).

(31)

L-għajnuna lil xi kumpanija titqies li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri meta din il-kumpanija topera f’suq miftuħ għall-kummerċ fl-Unjoni Ewropea (11). Fis-settur ikkonċernat jeżisti kummerċ sostanzjali fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk il-miżura tista’ tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(32)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, huwa ovvju li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1), tat-TFUE ġew issodisfati, għajr għall-għajnuniet li huma fl-ambitu tal-liġi de minimis.

VI.1.1   Il-liġi de minimis

(33)

F’diversi okkażjonijiet, l-awtoritajiet Belġjani argumentaw li huma kienu sejrin japplikaw ir-regoli de minimis applikabbli fis-settur tal-agrikultura. Ir-regoli applikabbli matul il-perjodu tal-għoti tal-għajnuna huma r-Regolament (KE) Nru 1860/2004 u r-Regolament (KE) Nru 1535/2007 tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna de minimis fis-setturi tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (12), li rrevoka r-Regolament (KE) Nru 1860/2004.

(34)

L-għajnuniet li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 jew tar-Regolament (KE) Nru 1535/2007 jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal- Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(35)

Madankollu għandu jingħad, li skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament (KE) Nru 1535/2007, l-għajnuniet de minimis ma jistgħux jiġu akkumulati ma’ għajnuniet mill-Istat għall-istess spejjeż eliġibbli jekk tali kumulu jirriżulta f’intensità ta’ għajnuna li tisboq dik iffissata fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ mir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ preżenti, tapplika din id-dispożizzjoni: ma jista’ jkun hemm l-ebda kumulu tal-għajnuna de minimis (li tirrappreżenta 25 % tal-ispejjeż marbuta mal-qerda tal-karkassi li għandhom jitħallsu mill-bdiewa) mal-75 % li jifdal, li, skont ir-regolamentazzjoni tal-Unjoni Ewropea (il-punt 133 tal-Linji Gwida 2007-2013 flimkien mal-Artikolu 16(1)(d), tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna mill-Istat għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 (13) jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c), tat-TFUE.

(36)

Għall-kuntrarju, taħt l-iskema stabbilita mir-Regolament Nru 1860/2004, jidher li tali kumulu ma kienx esklużbejn l-għajnuna de minimis u l-ammonti li jirrappreżentaw 75 % tal-ispejjeż marbuta mal-qerda tal-karkassi. Dan jista’ jiġi dedott mill-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004, li tgħid “Ir-regola de minimis hi mingħajr preġudizzju għall-posssibiltà li l-impriżi jirċievu, ukoll għall-istess proġett, l-għajnuna tal-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni jew koperta permezz ta’ Regolament dwar eżenzjoni tal-grupp”.Il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-regolament u b’mod partikolari l-livell massimu ta’ għajnuna ta’ EUR 3 000 għandhom jiġu rispettati, b’mod li kwalunkwe għajnuna li taqbeż il-limitu ta’ EUR 3 000 ma tkunx tista’ tibbenefika mir-Regolament (KE) Nru 1860/2004 u dan għall-ammont sħiħ tal-għajnuna. Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1535/2007, dan il-kumulu huwa possibbli sa sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2008. Wara din id-data japplikaw ir-regoli tar-Regolament (KE) Nru 1535/2007.

VI.2   Legalità tal-għajnuna

(37)

L-iskema tal-għajnuna, approvata mill-Kummissjoni taħt in-numru tal-fajl NN 48/2003, ġiet innotifikata u approvata għall-perjodu bejn il-31 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Jannar 2007. Il-Kummissjoni tinnota madankollu li l-Belġju kompla japplika l-iskema ta’ għajnuna wara l-1 ta’ Frar 2007 mingħajr ma għarraf lill-Kummissjoni dwar dan skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Għaldaqstant, l-iskema tal-għajnuniet saret għajnuna illegali mill-Istat wara l-1 ta’ Frar 2007.

VI.3   Kompatibbiltà tal-għajnuna

(38)

Skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, l-għajnuniet maħsuba sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, jistgħu jitqiesu kompatibbli mas-suq intern basta ma jfixklux il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa livell li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

(39)

L-iskema inkwistjoni tirrigwarda l-għoti ta’ għajnuna, fil-forma ta’ servizzi ssussidjati, li tkopri l-ispejjeż kollha tas-servizzi marbuta mat-tneħħija, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda ta’ bhejjem mejta fl-irziezet li jinsabu fir-Reġjun tal-Vallonja.

(40)

F’dak li jirrigwarda l-perjodu bejn il-31 ta’ Jannar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni taħt in-numru tal-fajl Nru NN 48/2003 stabbilixxiet li l-iskema setgħet tibbenefika mid-deroga msemmija fl-Artikolu 107(3)(c), tat-TFUE. Madankollu, kif ġie spjegat qabel, għall-perjodu ta’ wara l-1 ta’ Jannar 2004, l-awtoritajiet Belġjani kienu wegħdu li jibdlu l-iskema nnotifikata ta’ għajnuniet mill-Istat sabiex jagħmluha konformi mal-Linji gwida dwar it-TSEs kif kienu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2004. L-awtoritajiet Belġjani kellhom jagħmlu mod li l-għajnuna ma tkoprix aktar minn 75 % tal-ispejjeż tal-qerda tal-karkassi (l-ispejjeż li jifdal jitħallsu mill-bidwi nnifsu) u li jibagħtu lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn nofs Diċembru 2003, il-provi li l-bidliet meħtieġa fl-iskema tal-għajnuna kienu saru.

(41)

Dan ir-rekwiżit kien impost mil-Linji gwida dwar it-TSEs, li f’dak iż-żmien kienu l-liġi applikabbli. Fil-punt 29, il-Linji gwida dwar it-TSEs kienu jgħidu dan li ġej:

“29.

Mill-1 ta’ Jannar 2004, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat sa 100 % tal-ispejjeż tat-tneħħija ta’ annimali mejtin li jkunu jeħtieġu jinqerdu, u sa 75 % tal-ispejjeż tal-qerda ta’ dawn il-karkassi; […] ” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

(42)

Il-punti 30 u 31 tal-Linji gwida TSE kienu jipprevedu eċċezzjonijiet għar-regola li l-għajnuna setgħet tkopri biss l-ispejjeż tal-qerda tal-bhejjem mejta sa 75 %:

“30.

Inkella, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat sa 100 % tal-ispejjeż tat-tneħħija u qerda ta’ karkassi meta l-għajnuna tkun iffinanzjata permezz ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet obbligatorji għall-finanzjament tal-qerda ta’ dawn il-karkassi, sakemm dawk it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet ikunu limitati għas-settur tal-laħam u direttament imposti fuqu. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

31.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat sa 100 % tal-ispejjeż tat-tneħħija ta’ bhejjem mejtin meta jeżisti obbligu li jsiru testijiet għat-TSEs fuq dawn il-bhejjem. ” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

(43)

Ta’ min jinnota li, fil-kuntest tar-reviżjoni tal-fajl nru NN 48/2003, l-awtoritajiet Belġjani qatt ma argumentaw li tista’ tapplika xi waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet.

(44)

Il-Linji gwida dwar it-TSEs ġew revokati fl-1 ta’ Jannar 2007, kif kien previst fil-punt 194 c) tal-Linji Gwida 2007-2013. Skont il-punt 134 tal-Linji Gwida 2007-2013, il-Kummissjoni tiddikjara l-għajnuniet mill-Istat li jirrigwardaw it-testijiet għat-TSEs u l-bhejjem mejtin kompatibbli mal-Artikolu 108(3)(c) tat-TFUE jekk il-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006 ikunu ssodisfati.

(45)

L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006 ma jibdilx is-sustanza f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-għajnuna mogħtija għat-tneħħija u l-qerda tal-bhejjem mejta. Kif kien il-każ fil-Linji gwida dwar it-TSEs, ir-Regolament jistabbilixxi fl-Artikolu 16(1)(d) tiegħu, li l-għajnuna li tista’ tilħaq il-100 % tal-ispejjeż marbuta mat-tneħħija tal-bhejjem mejta u 75 % tal-ispejjeż marbuta mal-qerda tal-karkassi titqies kompatibbli mas-suq intern. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(1)(e) u (f), jinkludu min-naħa tagħhom il-possibbiltà ta’ deroga mil-limitu ta’ 75 % biex tintlaħaq rata ta’ għajnuna ta’ 100 % fil-każijiet li ġejjin: i) meta l-għajnuna tkun iffinanzjata minn ħlasijiet jew kontribuzzjonijiet obbligatorji, maħsuba għall-finanzjament tal-qerda ta’ tali karkassi, sakemm dawn il-ħlasijiet jew kontribuzzjonijiet ikunu limitati u direttament imposti fuq is-settur tal-laħam; jew ii) meta jkun obbligatorju li l-bhejjem mejta jiġu soġġetti għal test għat-TSEs.

(46)

Minħabba li r-regolamentazzjoni l-ġdida (linji gwida 2007-2013 u r-Regolament (KE) Nru 1857/2006 ma bidlitx is-sustanza tas-sitwazzjoni meta mqabbla mar-regolamentazzjoni l-qadima (il-Linji gwida dwar it-TSEs), l-evalwazzjoni tal-fajl f’dak li jirrigwarda r-regoli applikabbli tal-Unjoni Ewropea għandha tkun l-istess għall-perjodu kollu kkonċernat (jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-lum).

(47)

Kif innutat qabel, l-awtoritajiet Belġjani kienu ntrabtu, bħala parti mir-reviżjoni tal-fajl nru NN 48/2003, li jibdlu l-iskema ta’ għajnuniet tagħhom b’mod li l-għajnuna prevista li tkopri l-ispejjeż marbuta mal-qerda tal-karkassi ma taqbiżx il-75 % ta’ dawn l-ispejjeż mill-1 ta’ Jannar 2004. Madankollu, matul ir-reviżjoni tal-każ, l-awtoritajiet Belġjani ma kkontestawx li l-iskema ta’ għajnuniet mill-Istat ma nbidlitx kif kienu ntrabtu li jagħmlu.

(48)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Belġjani argumentaw diversi drabi fil-kuntest ta’ dan il-każ preżenti (pereżempju, f’ittra datata s-27 ta’ Novembru 2008) li t-tieni eċċezzjoni msemmija fil-premessa 42 tista’ fir-realtà tapplika u li l-għajnuna tista’ tkopri sa 100 % tal-ispejjeż marbuta mal-qerda tal-karkassi. Fil-fehma tagħhom, l-eċċezzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li kien hemm l-obbligu li jsiru testijiet għat-TSEs fuq il-bhejjem mejta kollha (il-punt 31 tal-Linji gwida dwar it-TSEs u l-Artikolu 16(1)(f), tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006. Madankollu, ma ntbagħtet l-ebda prova li tappoġġa din id-dikjarazzjoni.

(49)

L-argument ewlieni ppreżentat mill-Belġju bħala sostenn għad-dikjarazzjoni tiegħu huwa li l-pajjiż huwa obbligat li jwettaq dawn it-testijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (14). Madankollu dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, b’applikazzjoni ta’ dan l-imsemmi Regolament, l-awtoritajiet tal-Vallonja għandhom l-obbligu li jwettqu testijiet għat-TSEs fuq il-bhejjem mejta kif ġej:

bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2008, fuq l-ifrat kollha ta’ aktar minn 24 xahar li jkunu mietu fir-razzett, u

mill-1 ta’ Jannar 2009, fuq il-bhejjem kollha tal-ifrat ta’ aktar minn 48 xahar li jkunu mietu fir-razzett. Stat Membru jista’ madankollu jiddeċiedi li jkompli jagħmel dawn it-testijiet fuq frat iżgħar, ta’ bejn l-24 u t-48 xahar.

(50)

Għalhekk, l-obbligu li jsiru testijiet japplika biss għall-bhejjem ta’ età speċifika (24 xahar għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2008 u 48 xahar wara din id-data). Aktar importanti minn hekk, dan l-obbligu japplika biss għall-ifrat. Il-bhejjem ta’ speċijiet oħrajn li jkunu mietu fir-razzett (ħnieżer, żwiemel, tjur, eċċ.) m’għandhomx għalfejn ikunu soġġetti għal testijiet għat-TSEs. Jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Belġjani (ittra datata s-27 ta’ Novembru 2008) li l-għadd ta’ karkassi li setgħu eventwalment ikunu kkonċernati minn din l-eżenzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) nru 999/2001 jirrappreżenta inqas minn 20-25 % tal-ispejjeż totali li ntefqu f’dak li jikkonċerna l-bhejjem li jinsabu mejta ttrattati fl-ambitu tal-kuntratt tas-servizzi. Għalhekk, l-għajnuniet relattivi għall-ispejjeż huma strettament marbuta mal-obbligu li jsiru t-testijiet għat-TSEs biss kif previst mir-Regolament Nru 999/2001 jistgħu jitqiesu kompatibbli, sakemm ikun possibbli li dawn l-ispejjeż jiġu identifikati b’mod ċar.

(51)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ewwel eċċezzjoni li tippermetti li l-ispejjeż tat-tneħħija u ta’ qerda tal-karkassi jkunu koperti 100 % permezz ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet obbligatorji fis-settur tal-laħam mhijiex applikabbli f’dan il-każ. L-awtoritajiet Belġjani qatt ma invokaw l-applikabbiltà ta’ din l-eċċezzjoni u lanqas ipprovdew xi element f’dan ir-rigward.

(52)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri tal-iskema ta’ għajnuniet inkwistjoni maħsuba sabiex ikopru aktar minn 75 % tal-ispejjeż tal-qerda tal-karkassi m’humiex kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Linji gwida dwar it-TSEs jew tal-Linji gwida 2007-2013, għajr l-ispejjeż li huma direttament marbuta mat-trattament tal-karkassi tal-bhejjem li għalihom hemm l-obbligu tat-testijiet għat-TSEs.

(53)

Barra minn hekk, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni approvat l-iskema ta’ għajnuniet sal-31 ta’ Jannar 2007 fuq il-bażi tal-impenji tal-awtoritajiet Belġjani, li kellhom jibdlu l-iskema sabiex jirrispettaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji gwida dwar it-TSEs mill-1 ta’ Jannar 2004, u minħabba li dawn l-impenji ma ġewx imħarsa minn dawn l-awtoritajiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mogħtija għall-miżuri maħsuba sabiex ikopru aktar minn 75 % tal-ispejjeż tal-qerda tal-karkassi ngħatat b’mod abbużiv, mill-inqas f’dak li jirrigwarda l-għajnuna li m’hijiex maħsuba sabiex tikkumpensal-obbligu li jsiru testijiet għat-TSEs.

(54)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, meta għajnuna mill-Istat mogħtija b’mod illegali ma tkunx kompatibbli mas-suq intern, din għandha tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji. L-għan jintlaħaq meta l-għajnuna inkwistjoni, flimkien mal-imgħax għad-dewmien jekk ikun il-każ, jitħallsu lura mill-benefiċjarji, jiġifieri mill-kumpaniji li jkunu effettivament ibbenefikaw minnha.

(55)

Din id-Deċiżjoni tirrigwarda l-miżuri ta’ għajnuna investigati u għandha tiġi implimentata minnufih, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-irkupru tal-għajnuniet individwali kollha mogħtija taħt din l-iskema ta’ għajnuna, minbarra dawk mogħtija għal proġetti speċifiċi li, meta ngħataw dawn l-għajnuniet, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament de minimis jew ta’ eżenzjoni applikabbli fid-dawl tal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali [mill-Istat] orizzontali (15), jew taħt xi skema ta’ għajnuniet approvata mill-Kummissjoni.

VII.   KONKLUŻJONIJIET

(56)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Belġju implimenta b’mod illegali l-għajnuna inkwistjoni bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Minħabba li parti mill-għajnuna m’hijiex kompatibbli mas-suq intern, il-Belġju għandu jwaqqafha u għandu jirkupra l-ammonti diġà mogħtija b’mod illegali mingħand il-benefiċjarji.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Parti mill-iskema ta’ għajnuniet mill-Istat implimentati mill-Belġju favur il-bdiewa tar-reġjun tal-Vallonja, li hi maħsuba biex tkopri l-ispejjeż tat-trobbija u l-qerda ta’ karkassi ta’ bhejjem mejta fl-imrpiżi agrikoli li jinsabu fir-Reġjun tal-Vallonja m’hijiex kompatibbli mas-suq intern.

2.   Il-parti tal-għajnuna mmirata strettament sabiex tkopri l-obbligu li għandhom il-bdiewa li jwettqu testijiet għat-TSEs biss skont ir-Regolament Nru 999/2001 hija kompatibbli mas-suq intern, sakemm ikun possibbli li dawn l-ispejjeż jiġu identifikati b’mod ċar.

Artikolu 2

Il-Belġju għandu jabolixxi l-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

L-ammonti mogħtija, taħt l-iskema ta’ għajnuniet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni ma jitqiesux bħala għajnuna fis-sens tat-Trattat jekk, meta ngħataw, dawn kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet definiti fir-Regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 994/98 u applikabbli f’dak iż-żmien.

Artikolu 4

L-għajnuniet individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni li, meta ngħataw, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet definiti f’Regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 jew taħt kwalunkwe skema oħra ta’ għajnuniet approvata huma kompatibbli mas-suq intern sal-intensità massima użata għal dan it-tip ta’ għajnuniet.

Artikolu 5

1.   Soġġett għall-Artikolu 1(2), l-Artikolu 3 u 4, il-Belġju għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jirkupra, mingħand il-benefiċjarji, l-għajnuna li m’hijiex kompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 u li diġà tpoġġiet għad-dispożizzjoni tagħhom b’mod illegali.

2.   L-irkupru għandu jsir minnufih skont il-proċeduri previsti mil-liġi nazzjonali, sakemm dawn jippermettu l-implimentazzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-Deċiżjoni. L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi imgħaxijiet li jkunu kkalkulati mid-data li fiha saru disponibbli għall-benefiċjarji, sad-data tal-irkupru tagħha. L-imgħaxijiet għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza użata għall-kalkolu tal-għotja ekwivalenti fil-kuntest tal-għajnuniet reġjonali.

Artikolu 6

Ir-Renju tal-Belġju għandu jgħarraf lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, dwar il-passi li jkun ħa sabiex jikkonforma ruħu magħha.

Il-Belġju għandu jżomm lill-Kummissjoni infurmata rigward il-progress tal-miżuri nazzjonali li jittieħdu sabiex jimplimenta din id-Deċiżjoni sal-irkupru sħiħ tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Dan għandu jibgħat minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni kull informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu u dawk previsti sabiex jikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni, kif ukoll informazzjoni dettaljata rigward l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħaxijiet irkuprati diġà mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Dacian CIOLOŞ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE saru l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Fiż-żewġ każijiet, id-dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza tagħhom identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, fejn hu xieraq, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinqraw bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  ĠU C 191, 15.7.2010, p. 12.

(4)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(5)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(6)  ĠU C 324, 24.12.2002, p. 2.

(7)  ĠU S 156, 16.8.2001.

(8)  ĠU C 319, 27.12.2006, p. 1.

(9)  ĠU L 325, 28.10.2004, p. 4.

(10)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980 fil-każ C-730/79, Philip Morris Holland BV vs Commission des Communautés européennes, Rec. 1980, p. 2671.

(11)  Ara s-sentenza tal-Qorti tat-13 ta’ Lulju 1988 fil-kawża Nru C-102/87, Ir-Repubblika ta’ Franza vs. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Rec. 1988, p. 4067.

(12)  ĠU L 337, 21.12.2007, p. 35

(13)  ĠU L 358, 16.12.2006, p. 3.

(14)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(15)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.