17.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/61


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Diċembru 2010

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/34/KEE biex testendi d-deroga dwar il-kondizzjonijiet tal-importazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott minn pajjiżi terzi

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 9015)

(2010/781/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/34/KEE tat-28 ta' April 1992 dwar il-marketing tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott, maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni hija obbligata skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/34/KEE li tiddeċiedi jekk materjal għat-tnissil tal-pjanti tal-frott u pjanti tal-frott prodotti f'pajjiż terz u li joffru l-istess garanziji dwar l-obbligi tal-fornitur, l-identità, il-karatteristiċi, is-saħħa tal-pjanti, il-mezz tat-tkabbir, l-imballaġġ, l-arranġamenti għall-ispezzjoni, l-immarkar u l-issiġillar, humiex ekwivalenti f'dawn l-aspetti kollha għall-materjal tat-tnissil tal-pjanti tal-frott u pjanti tal-frott prodotti fil-Komunità u jikkonformawx mal-ħtiġijiet u l-kondizzjonijiet ta' dik id-Direttiva.

(2)

Madankollu, l-informazzjoni disponibbli attwalment dwar il-kondizzjonijiet li japplikaw f'pajjiżi terzi għadha mhijiex biżżejjed biex tħalli lill-Kummissjoni tadotta xi deċiżjoni bħal din dwar xi pajjiż terz f'dan l-istadju.

(3)

Sabiex jiġi evitat li jitħarbtu x-xejriet kummerċjali, l-Istati Membri li jimportaw il-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u pjanti tal-frott minn pajjiżi terzi għandhom jitħallew ikomplu japplikaw kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għal prodotti simili tal-Unjoni skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 92/34/KEE.

(4)

Il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-deroga stipulat fid-Direttiva 92/34/KEE għal importazzjonijiet bħal dawn għandu għalhekk jiġi estiż għal wara d-29 ta' Settembru 2012.

(5)

Id-Direttiva 92/34/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Materjal tal-Propagazzjoni u l-Ġenera u l-Ispeċji tal-Pjanti tal-Frott,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 92/34/KEE, id-data “il-31 ta' Diċembru 2010” hija sostitwita bi “id-29 ta' Settembru 2012”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 157, 10.6.1992, p. 10.