17.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/60


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta' Diċembru 2010

li temenda d-Deċiżjoni 2003/322/KE fir-rigward ta' ċerti speċijiet ta' għasafar nekrofagi fl-Italja u l-Greċja li jistgħu jintemgħu ċerti prodotti sekondarji tal-annimali

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 8988)

(It-testi bil-Bulgaru, bil-Franċiż, bil-Grieg, bil-Portugiż, bl-Ispanjol u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/780/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(2)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/322/KE tat-12 ta' Mejju 2003 li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tmigħ ta' ċerti tjur nekrofagi b'ċerti materjali tal-Kategorja 1 (2) tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tat-tmigħ minn ċerti Stati Membri ta' ċerti speċijiet tal-għasafar nekrofagi fil-periklu jew protetti.

(2)

Dik id-Deċiżjoni telenka l-Istati Membri li huma awtorizzati jagħmlu użu minn din il-possibbiltà, l-ispeċijiet ta' tjur nekrofagi li jistgħu jintemgħu bil-materjal tal-Kategorija 1, u r-regoli ta' implimentazzjoni għat-tmigħ.

(3)

Il-Greċja u l-Italja talbu biex il-lista tal-ispeċijiet fit-territorji rispettivi tagħhom li jistgħu jiġu mitmugħa materjal tal-Kategorija 1 tiġi estiża. Iż-żewġ pajjiżi bagħtu informazzjoni sodisfaċenti dwar l-okkorrenza ta' dawk l-ispeċijiet fit-territorji rispettivi tagħhom.

(4)

It-tmigħ ta' karkassi tal-annimali lil speċijiet fuq il-lista għandu jissokta skont ir-regoli tal-implimentazzjoni stipulati fid-Deċiżjoni 2003/322/KE. Dawk ir-regoli ġew adottati b'rikonoxximent tal-mod partikolari li jieklu ċerti speċijiet fil-periklu jew protetti fl-abitat naturali tagħhom, fl-interess tal-bijodiversità. Madankollu, it-tmigħ tal-karkassi skont dawk ir-regoli mhuwiex mod alternattiv ta' rimi skont ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

(5)

Id-Deċiżjoni 2003/322/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2003/322/KEE hija emendata kif ġej:

1.

Il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

fil-każ tal-Greċja: avaltun grifun (Gyps fulvus), avaltun bil-baffi (Gypaetus barbatus), avaltun iswed (Aegypius monachus), avaltun Eġizzjan (Neophron percnopterus), ajkla rjali (Aquila chrysaetos), ajkla imperjali (Aquila heliaca), ajkla tal-baħar (Haliaeetus albicilla) u astun iswed (Milvus migrans);”

2.

Il-punt (d) jinbidel b'dan li ġej:

“(d)

fil-każ tal-Italja: avaltun bil-baffi (Gypaetus barbatus), avaltun iswed (Aegypius monachus), avaltun Eġizzjan (Neophron percnopterus), avaltun grifun (Gyps fulvus), ajkla rjali (Aquila chrysaetos), astun iswed (Milvus migrans) u astun aħmar (Milvus milvus);”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta' Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta' Ċipru u lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 117, 13.5.2003, p. 32.