16.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 332/41 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-15 ta’ Diċembru 2010
li temenda d-Deċiżjoni 2006/944/KE li tiddetermina l-livelli rispettivi ta’ emissjonijiet allokati lill-Komunità u lil kull wieħed mill-Istati Membri tagħha taħt il-Protokoll ta’ Kjoto skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 9009)
(2010/778/UE)
Il-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta’ April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Kwadru [Qafas] tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 3 tiegħu,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/944/KE (2) tiddetermina l-livelli ta’ emissjonijiet allokati lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha taħt il-Protokoll ta’ Kjoto għall-perjodu ta’ ħames snin tal-ewwel fażi ta’ impenn. |
(2) |
Il-livelli ta’ emissjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2006/944/KE kienu bbażati fuq dejta proviżorja, billi ċ-ċifri definittivi tas-sena bażi ma kinux stabbiliti sal-31 ta’ Diċembru 2006. |
(3) |
Wara t-tkomplija tar-reviżjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll ta’ Kjoto tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, il-livelli rispettivi finali tal-emissjonijiet allokati lill-Unjoni u lil kull Stat Membru, issa għandhom jiġu stabbiliti skont il-metodoloġija stipulata fid-Deċiżjoni 2006/944/KE. |
(4) |
Id-Danimarka esprimiet kosistentament tħassib dwar l-emissjonijiet tas-sena bażi tagħha minħabba l-emissjonijiet tas-sena bażi eċċezzjonalment baxxi pprovduti fir-rapport tagħha sottomess skont l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/166/KE (3). L-Unjoni, sabiex tqis kompletament is-sitwazzjoni speċjali u unika tad-Danimarka, li kienet rikonoxxuta mill-Kunsill fl-2002 fil-proċess li wassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/358/KE, minħabba l-emissjonijiet baxxi tas-sena bażi tagħha, li ma kinux komuni, u billi l-obbligu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħha kien wieħed mill-ogħla kkwantifikati, skont l-Anness II għal dik id-Deċiżjoni, għandha tittrasferixxi 5 miljun unitajiet ta’ ammonti assenjati lid-Danimarka għall-unika raġuni ta’ konformità mal-impenji tal-ewwel fażi ta’ impenn skont il-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonitajiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima. Il-Kummissjoni qieset kif xieraq l-impenn tad-Danimarka biex tikkanċella kwalunkwe kwota li jifdal minn dan it-trasferiment fi tmiem tal-ewwel fażi ta’ impenn. |
(5) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni 2006/944/KE għandha tiġi emendata skont dan. |
(6) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2006/944/KE hija emendata kif ġej:
1. |
L-Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej: “Artikolu 2 Id-differenza ta’ 19 357 532 tunnellata ekwivalenti ta’ dijossidu tal-karbonju bejn il-livelli tal-emissjonijiet tal-Unjoni, u s-somma tal-livelli tal-emissjonijiet tal-Istati Membri elenkati fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2002/358/KE għandha tinħareġ bħala unitajiet ta’ ammonti assenjati mill-Unjoni”. |
2. |
L-Anness jiġi sostitwit bl-Anness għal din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
L-Amministratur Ċentrali tar-Reġistru tal-Unjoni għandu jittrasferixxi ħames miljuni (5 000 000) minn dawn l-unitajiet ta’ ammonti assenjati għall-kont ta’ depożitu tal-Parti tal-Protokoll ta’ Kjoto fir-reġistru tad-Danimarka.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2010.
Għall-Kummissjoni
Connie HEDEGAARD
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1.
(2) ĠU L 358, 16.12.2006, p. 87.
ANNESS
Il-livelli rispettivi tal-emissjonijiet allokati lill-Unjoni u lill-Istati Membri, f’termini ta’ tunnellati ekwivalenti ta’ dijossidu tal-karbonju, għall-ewwel fażi ta’ impenn dwar il-limitazzjoni u t-tnaqqis ikkwantifikat tal-emissjonijiet taħt il-Protokoll ta’ Kjoto
L-Unjoni Ewropea (*) |
19 621 381 509 |
Il-Belġju |
673 995 528 |
Id-Danimarka |
273 827 177 |
Il-Ġermanja |
4 868 096 694 |
L-Irlanda |
314 184 272 |
Il-Greċja |
668 669 806 |
Spanja |
1 666 195 929 |
Franza |
2 819 626 640 |
L-Italja |
2 416 277 898 |
Il-Lussemburgu |
47 402 996 |
Il-Pajjiżi l-Baxxi |
1 001 262 141 |
L-Awstrija |
343 866 009 |
Il-Portugall |
381 937 527 |
Il-Finlandja |
355 017 545 |
L-Isvezja |
375 188 561 |
Ir-Renju Unit |
3 396 475 254 |
Il-Bulgarija |
610 045 827 |
Ir-Repubblika Ċeka |
893 541 801 |
L-Estonja |
196 062 637 |
Ċipru |
Mhux applikabbli |
Il-Latvja |
119 182 130 |
Il-Litwanja |
227 306 177 |
L-Ungerija |
542 366 600 |
Malta |
Mhux applikabbli |
Il-Polonja |
2 648 181 038 |
Ir-Rumanija |
1 279 835 099 |
Is-Slovenja |
93 628 593 |
Is-Slovakkja |
331 433 516 |
(*) Għall-iskop tat-twettiq konġunt tal-impenji taħt l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Kjoto skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tiegħu, skont id-Deċiżjoni 2002/358/KE u li japplikaw għall-Istati Membri elenkati fl-Anness II għal dik id-Deċiżjoni.