7.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/10


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/755/PESK

tas-6 ta’ Diċembru 2010

li temenda d-Deċiżjoni 2009/906/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina (BiH)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2009/906/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina (1). Dik id-Deċiżjoni tal-Kunsill tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011.

(2)

Il-EUPM qiegħda titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u tista’ tkun ta’ dannu għall-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif imniżżel fl-Artikolu 21 tat-Trattat.

(3)

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Tratt ta’ Lisbona il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjonijiet tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà (RGħ).

(4)

Id-Deċiżjoni 2009/906/PESK għandha tiġi emendata biex tipprevedi ammont ta’ referenza finanzjarja li jkopri n-nefqa tal-EUPM għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2011,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2009/906/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 9(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUPM.”;

(2)

fl-Artikolu 10(1) l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUPM.”;

(3)

is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 12(1):

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EUPM għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2011 għandu jkun EUR 17 600 000.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

J. MILQUET


(1)   ĠU L 322, 9.12.2009, p. 22.