|
3.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 317/42 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-2 ta’ Diċembru 2010
li tistabbilixxi l-klassijiet tal-kapaċità ta’ reazzjoni għan-nar ta’ ċerti prodotti għall-bini fir-rigward ta’ forom tal-ġibs mill-ġibsum fibruż
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 392)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/738/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament dwar l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(2)(a) tagħha,
Wara li kkonsultat il-Kumitat Permanenti dwar il-Kostruzzjoni,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 89/106/KEE tipprevedi li biex jiġu kkunsidrati livelli differenti ta’ ħarsien għax-xogħlijiet ta’ bini fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, jista’ jkun meħtieġ li jiġu stabbiliti fid-dokumenti interpretattivi, klassijiet li jikkorrispondu mar-reżistenza tal-prodotti fir-rigward ta’ kull rekwiżit essenzjali. Dawn id-dokumenti ġew ippubblikati bħala l-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dokumenti interpretattivi tad-Direttiva 89/106/KEE” (2). |
|
(2) |
Fir-rigward tar-rekwiżit essenzjali ta’ sigurtà f’każ ta’ nar, id-dokument interpretattiv Nru 2 jelenka numru ta’ miżuri interrelatati li flimkien jagħtu definizzjoni tal-istrateġija ta’ sigurtà kontra n-nar li ser tiġi żviluppata b’modi differenti fl-Istati Membri. |
|
(3) |
Id-dokument interpretattiv Nru 2 jidentifika waħda minn dawk il-miżuri bħala l-limitazzjoni tal-bidu u tal-firxa tan-nar u d-duħħan f’żona partikolari billi jiġi limitat il-potenzjal tal-prodotti tal-bini li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sħiħ tan-nirien. |
|
(4) |
Il-livell ta’ din il-limitazzjoni jista’ jiġi espress biss f’termini tal-livelli differenti ta’ reazzjoni għan-nar tal-prodotti fl-applikazzjoni aħħarija tagħhom. |
|
(5) |
Għal soluzzjoni armonizzata, ġiet adottata sistema ta’ klassijiet bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/147/KE tat-8 ta’ Frar 2000 li timplementa d-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE fir-rigward tal-klassifikazzjoni tar-reazzjoni għan-nar tal-prodotti tal-bini (3). |
|
(6) |
Fil-każ tal-forom tal-ġibs mill-ġibsum fibruż jeħtieġ li tintuża l-klassifikazzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni 2000/147/KE. |
|
(7) |
Il-prestazzjoni tar-reazzjoni għan-nirien ta’ ħafna mill-prodotti u/jew materjali għall-bini, skont il-klassifikazzjoni stipulata fid-Deċiżjoni 2000/147/KE, hija stabbilita sewwa u magħrufa biżżejjed mir-regolaturi tan-nirien fl-Istati Membri, tant li ma jeħtieġu l-ebda testijiet għal din il-karatteristika partikolari ta’ prestazzjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-prodotti u/jew il-materjali għall-kostruzzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-karatteristika tal-kapaċità “reazzjoni għan-nar” mingħajr ħtieġa ta’ aktar testijiet huma elenkati fl-Anness.
Artikolu 2
Il-klassijiet speċifiċi li għandhom jiġu applikati għal prodotti u/jew materjali differenti għall-bini, skont il-klassifikazzjoni tar-reazzjonijiet għan-nirien adottata fid-Deċiżjoni 2000/147/KE, huma stipulati fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Il-prodotti għandhom jiġu kkunsidrati f’rabta mal-applikazzjoni tal-użu aħħari tagħhom, fejn rilevanti.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2010.
Għall-Kummissjoni
Antonio TAJANI
Viċi-President
ANNESS
It-tabella stabbilita f’dan l-Anness telenka prodotti u/jew materjali għall-kostruzzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-karatteristika ta’ kapaċità ta’ reazzjoni għan-nar mingħajr ħtieġa ta’ testijiet.
Tabella
Klassijiet ta’ kapaċità ta’ reazzjoni għan-nar għall-forom tal-ġibs mill-ġibsum fibruż imsaħħaħ b’fibri tas-sisal jew tal-ġuta
|
Prodott |
Dettalji tal-prodott |
Densità minima (Kg/m3) |
Klassi (1) |
|
Forom tal-ġibs mill-ġipsum fibruż |
Prodott skont EN 13815, magħmul mill-fużjoni tal-ġibs imħallat mal-ilma u msaħħaħ b’fibri tas-sisal jew tal-ġuta mxerrdin b’mod uniformi b’rata ta’ mhux aktar minn 2,5 % bil-massa. |
1 000 |
A1 |
(1) Il-Klassi kif prevista fit-Tabella 1 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2000/147/KE.