24.11.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 308/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-3 ta’ Ġunju 2010
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi
(2010/706/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fis-27 ta’ Novembru 2008 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Ġeorġja dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”). In-negozjati ġew konklużi b’suċċess u l-Ftehim ġie inizjalat fil-25 ta’ Novembru 2009. |
(2) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (1); għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha. |
(3) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (2); għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-adozzjoni tagħha. |
(5) |
Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat suġġett għall-konklużjoni tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (3).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill b’dan huwa awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni suġġett għall-konklużjoni tiegħu.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta’ Ġunju 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
A. PÉREZ RUBALCABA
(1) ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.
(3) It-testi tal-Ftehim, tal-Protokoll u tad-Dikjarazzjonijiet se jiġu ppubblikati flimkien mad-Deċiżjoni dwar konklużjoni tal-Ftehim.