23.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/35


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2010

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim dwar Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali

(2010/702/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 79(2)(b), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 47 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), jipprevedi li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu b’deċiżjoni jadotta d-dispożizzjonijiet adatti li jimplimentaw l-objettivi stabbiliti f’dan l-Artikolu.

(2)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, annessa għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(3)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhumiex marbutin biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċizjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

J. MILQUET


(1)  ĠU L 26, 28.1.2005, p. 3.



23.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/36


Abbozz

DEĊIŻJONI Nru …/… TAL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI

stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra.

ta’ …

fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali li jinsabu fil-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

IL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 47 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 47 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) jipprevedi l-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Kroazja u l-Istati Membri u jistabbilixxi l-prinċipji din il-koordinazzjoni.

(2)

L-Artikolu 47 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jadotta Deċiżjoni bil-fini tal-implimentazzjoni tal-objettivi stabbiliti f’dak l-Artikolu.

(3)

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, din id-Deċiżjoni m’għandha tagħti l-ebda drittijiet addizzjonali li jirriżultaw minn ċerti fatti jew avvenimenti li jseħħu fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, fejn tali fatti jew avvenimenti ma jittieħdux f’konsiderazzjoni taħt il-leġislazzjoni tal-ewwel Parti Kontraenti, ħlief għad-dritt tal-esportazzjoni ta’ ċerti benefiċji.

(4)

Fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, id-dritt tal-ħaddiema Kroati għal benefiċċji familjari għandu jkun suġġett għall-kondizzjoni li l-membri tal-familja tagħhom jirresjedu legalment ma’ dawn il-ħaddiema fl-Istat Membru fejn il-ħaddiema huma impjegati. Din id-Deċiżjoni m’għandha tagħti l-ebda dritt għall-benefiċċji familjari fir-rigward tal-membri tal-familji tagħhom li jirresjedu fi stat ieħor, pereżempju l-Kroazja.

(5)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 (2) diġà jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom. Ir-Regolament Nru 859/2003 diġà jkopri l-prinċipju tal-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni miksuba mill-ħaddiema Kroati fid-diversi Stati Membri rigward id-dritt għal ċerti benefiċċji, kif ġie stabbilit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 47(1) tal-Ftehim.

(6)

Jista’ jkun meħtieġ li jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali li jikkorrispondu għall-karatteristiċi speċifiċi tal-leġislazzjoni tal-Kroazja, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli tal-koordinazzjoni.

(7)

Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla problemi tal-koordinament tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri u tal-Kroazja, huwa meħtieġ li jiġu previsti dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kroazja kif ukoll bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjoni tal-istat kompetenti.

(8)

Għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet transitorji biex jiġu protetti l-persuni koperti minn dan ir-Regolament u biex jiġi żgurat li ma jitilfux id-drittijiet b’riżultat tad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

PARTI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

“Ftehim” ifisser il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra;

(b)

“Regolament” tfisser ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (3) kif japplikaw fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

(c)

“Regolament ta’ implimentazzjoni” tfisser ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (4);

(d)

“Stat Membru” ifisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

(e)

“ħaddiem” tfisser,

(i)

għall-finijiet tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, persuna li tkun qiegħda twettaq attività bħala persuna impjegata fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1 (a) tar-Regolament;

(ii)

għall-finijiet tal-leġislazzjoni tal-Kroazja, persuna li tkun qiegħda twettaq attività bħala persuna impjegata fit-tifsira ta’ dik il-leġislazzjoni;

(f)

“membru tal-familja” tfisser,

(i)

għall-finijiet tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, membru tal-familja fit-tifsira tal-Artikolu 1(i) tar-Regolament;

(ii)

għall-finijiet tal-leġislazzjoni tal-Kroazja, membru tal-familja fit-tifsira ta’ dik il-leġislazzjoni;

(g)

“leġislazzjoni” tfisser,

(i)

fir-rigward tal-Istati Membri, leġislazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1(l) tar-Regolament kif applikabbli għall-benefiċċji koperti minn din id-Deċiżjoni;

(ii)

fir-rigward tal-Kroazja, il-leġislazzjoni rilevanti kif applikabbli fil-Kroazja fir-rigward tal-benefiċċji koperti minn din id-Deċiżjoni;

(h)

“benefiċċji” tfisser,

il-pensjonijiet tax-xjuħija,

il-pensjonijiet tas-superstiti,

il-pensjonijiet fir-rigward ta’ inċidenti fil-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol,

il-pensjonijiet tal-invalidità marbutin ma’ inċidenti fil-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol,

l-allowances għall-familja;

(i)

“benefiċċji esportabbli” tfisser,

(i)

fir-rigward tal-Istati Membri:

il-pensjonijiet tax-xjuħija,

il-pensjonijiet tas-superstiti,

il-pensjonijiet fir-rigward ta’ inċidenti fil-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol,

il-pensjonijiet tal-invalidità marbutin ma’ inċidenti fil-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol,

fit-tifsira tar-Regolament, bl-eċċezzjoni ta’ benefiċċji speċjali mhux kontributorji fi flus kif elenkati fl-Anness X għar-Regolament;

(ii)

fir-rigward tal-Kroazja, il-benefiċċji korrispondenti previsti fil-leġislazzjoni tal-Kroazja, bl-eċċezzjoni ta’ benefiċċji speċjali mhux kontributorji fi flus kif stabbilit fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni;

2.   Termini oħrajn użati f’din id-Deċiżjoni għandu jkollhom it-tifsira mogħtija lilhom:

(a)

fir-rigward tal-Istati Membri, fir-Regolament u fir-Regolament ta’ implimentazzjoni;

(b)

fir-rigward tal-Kroazja, il-leġislazzjoni rilevanti kif applikabbli fil-Kroazja.

Artikolu 2

Persuni koperti

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika:

(a)

għall-ħaddiema li huma ċittadini Kroati u li huma jew kienu impjegati legalment fit-territorju tal-Istati Membri u li huma jew kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew iktar, u s-superstiti tagħhom;

(b)

għall-membri tal-familja tal-ħaddiema msemmija fil-punt (a) bil-kondizzjoni li dawn il-membri tal-familja ikunu jew kienu residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat waqt li l-ħaddiem ikun imjegat fi Stat Membru;

(c)

għall-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru li huma jew li kienu impjegati legalment fit-territorju tal-Kroazja u li huma jew kienu soġġetti għal-leġislazzjoni tal-Kroazja, u s-superstiti tagħhom; u

(d)

għall-membri tal-familja tal-ħaddiema msemmija fil-punt (c) bil-kondizzjoni li dawn il-membri tal-familja jkunu jew kienu residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat waqt li l-ħaddiem ikun impjegat fil-Kroazja.

Artikolu 3

Trattament ugwali

1.   Il-ħaddiema li huma ċittadini Kroati u li huma impjegati legalment fi Stat Membru, u kwalunkwe membru tal-familja tagħhom li jirresjedi legalment magħhom, għandhom igawdu, fir-rigward tal-benefiċċji fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(h), trattament ħieles minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza b’relazzjoni maċ-ċittadini tal-Istati Membri li fihom dawn il-ħaddiema huma impjegati.

2.   Il-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru li huma impjegati legalment fil-Kroazja, u kwalunkwe membru tal-familja tagħhom li jirresjedi legalment magħhom, għandhom igawdu, fir-rigward tal-benefiċċji fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(h), trattament ħieles minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza b’relazzjoni maċ-ċittadini Kroati.

PARTI II

RELAZZJONIJIET BEJN L-ISTATI MEMBRI U L-KROAZJA

Artikolu 4

Revoka ta’ Klawsoli ta’ Residenza

1.   Il-benefiċċji esportabbli fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i), li għalihom għandhom dritt il-persuni msemmija fl-Artikolu 2(a) u (c), m’għandhom ikunu soġġetti għal ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, irtirar jew konfiska minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jkun qiegħed jirresjedi,

(i)

għall-fini ta’ benefiċċju skont il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, fi ħdan it-territorju tal-Kroazja; jew

(ii)

għall-fini tal-benefiċċju skont il-leġislazzjoni tal-Kroazja, fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru.

2.   Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem kif imsemmi fl-Artikolu 2(b) huma intitolati għall-benefiċċji esportabbli fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i) bl-istess mod bħall-membri tal-familja ta’ ħaddiem li huwa ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat meta dawn tal-aħħar jirresjedu fit-territorju tal-Kroazja,

3.   Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem kif imsemmi fl-Artikolu 2(d) huma intitolati għall-benefiċċji esportabbli fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i) bl-istess mod bħall-membri tal-familja ta’ ħaddiem li huwa ċittadin tal-Kroazja meta dawn il-membri tal-familja jirresjedu fit-territorju ta’ Stat Membru.

PARTI III

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 5

Kooperazzjoni

1.   L-Istati Membri u l-Kroazja għandhom jikkomunikaw lil xulxin kwalunkwe informazzjoni rigward tibdil fil-leġislazzjoni tagħhom li jistgħu jolqtu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċizjoni.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u l-Kroazja għandhom joffru l-bon uffiċċji tagħhom lil xulxin u għandhom jaġixxu daqs li kieku qegħdin jimplimentaw l-leġislazzjoni tagħhom stess. Bħala regola, l-għajnuna amministrattiva mogħtija minn dawn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet għandha tkun mingħajr ħlas. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kroazja jistgħu jaqblu li ċerti spejjeż jiġu rimborsati.

3.   L-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Kroazja jistgħu, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, jikkomunikaw direttament ma’ xulxin u mal-persuni involuti jew mar-rappreżentanti tagħhom.

4.   L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom id-dmir ta’ informazzjoni u kooperazzjoni reċiproċi biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta ta’ din id-Deċiżjoni.

5.   Il-persuni kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-istituzzjonijiet tal-Istat Membru kompetenti jew tal-Kroazja, fejn din tal-aħħar tkun l-Istat kompetenti, jew tal-Istat Membru ta’ residenza jew il-Kroazja, fejn din tal-aħħar tkun l-istat tar-residenza, mill-aktar fis possibbli bi kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni personali jew familjari tagħhom li taffettwa d-dritt tagħhom għal benefiċċji skont din id-Deċiżjoni.

6.   In-nuqqas ta’ rispett tal-obbligu ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 jista’ jwassal għall-applikazzjoni ta’ miżuri proporzjonati f’konformità mal-liġi nazzjonali. Madankollu, dawn il-miżuri għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli f’sitwazzjonijiet simili taħt il-liġi domestika u m’għandhomx jagħmluha impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika għal dawk li jagħmlu t-talba li jeżerċitaw id-drittijiet li tagħtihom din id-Deċiżjoni.

7.   L-Istati Membri u l-Kroazja jistgħu jipprevedu dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-verifika tad-dritt għall-benefiċċji biex jittieħed kont tal-fatt li l-benefiċjarji joqogħdu jew jirresjedu ‘l barra mit-territorju tal-Istat fejn tinsab l-istituzzjoni debitriċi. Tali dispożizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati, ħielsa minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza u f’konformità mal-prinċipji ta’ din id-Deċiżjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu notifikati lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u Stabbilizzazzjoni.

Artikolu 6

Verifiki Amministrattivi u Eżamijiet Mediċi

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-persuni kif imsemmija fl-Artikolu 2 u li jirċievu benefiċċji esportabbli msemmija fl-Artikolu 1(1)(i), kif ukoll għall-istituzzjonijiet inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Fejn benefiċjarju jew applikant għal benefiċċji, jew membru tal-familja tiegħu, ikun qed joqgħod jew jirresjedi fit-territorju ta’ Stat Membru meta l-istituzzjoni debitriċi tinsab fil-Kroazja, jew fil-Kroazja meta l-istituzzjoni debitriċi tinsab fi Stat Membru, l-eżami mediku għandu jsir, fuq it-talba ta’ dik l-istituzzjoni, mill-istituzzjoni tal-post tas-soġġorn jew ta’ residenza tal-benefiċjarju f’konformità mal-proċeduri stabbiliti mil-leġislazzjoni applikata minn dik l-istituzzjoni.

L-istituzzjoni debitriċi għandha tinforma lill-istituzzjoni tal-post tas-soġġorn jew ta’ residenza dwar kwalunkwe rekwiżit speċjali, jekk meħtieġ, għandu jiġi segwit bil-punti li jridu jiġu koperti mill-eżami l-eżamijiet mediċi.

L-istituzzjoni tal-post tas-soġġorn jew ta’ residenza għandha tgħaddi rapport lill-istituzzjoni debitriċi li talbet l-eżami mediku.

L-istituzzjoni debitriċi għandha tirriserva d-dritt li titlob li l-benefiċjarju jiġi eżaminat minn tabib magħżul minnha, jew fit-territorju fejn il-benefiċjarju jew l-applikant għall-benefiċċji qed joqgħod jew jirresjedi jew fil-pajjiż fejn tinsab l-istituzzjoni debitriċi. Madankollu, il-benefiċjarju jista’ jintalab li jirritorna fl-Istat tal-istituzzjoni debitriċi biss jekk huwa jista’ jagħmel il-vjaġġ mingħajr preġudizzju għal saħħtu u jekk l-ispiża tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni titħallas mill-istituzzjoni debitriċi.

3.   Meta benefiċjarju jew applikant għal benefiċċji, jew membru tal-familja tiegħu, ikun qed joqgħod jew jirresjedi fit-territorju ta’ Stat Membru meta l-istituzzjoni debitriċi tinsab fil-Kroazja, jew fil-Kroazja meta l-istituzzjoni debitriċi tinsab fi Stat Membru, il-verifika amministrattiva għandha ssir, fuq it-talba tal-istituzzjoni debitriċi, mill-istituzzjoni tal-post tas-soġġorn jew ta’ residenza tal-benefiċjarju.

L-istituzzjoni tal-post fejn ikun qed joqgħod jew jirresjedi l-benefiċjarju għandha tibgħat rapport lill-istituzzjoni debitriċi li talbet il-verifika amministrattiva.

L-istituzzjoni debitriċi għandha żżomm id-dritt li titlob li s-sitwazzjoni tal-benefiċjarju tiġi eżaminata minn professjonista tal-għażla tagħha. Madankollu, il-benefiċjarju jista’ jintalab li jirritorna fl-Istat tal-istituzzjoni debitriċi biss jekk huwa jista’ jagħmel il-vjaġġ mingħajr preġudizzju għal saħħtu u jekk l-ispiża tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni titħallas mill-istituzzjoni debitriċi.

4.   Stat Membru wieħed jew iktar u l-Kroazja jistgħu jaqblu dwar dispożizzjonijiet amministrattivi oħrajn, soġġett għal li jinfurmaw b’dan lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

5.   Bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ assistenza amministrattiva reċiproka mingħajr ħlas stabbilit fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-Deċiżjoni, l-ammont effettiv tal-ispejjeż tal-verifiki msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jitħallas lura lill-istituzzjoni li ntalbet twettaqhom mill-istituzzjoni debitriċi li talbithom.

Artikolu 7

Applikazzjoni tal-Artikolu 120 tal-Ftehim

L-Artikolu 120 tal-Ftehim għandu japplika f’każ li waħda mill-Partijiet tqis li l-Parti l-oħra ma kkonformatx mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Kroazja

Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’, jekk meħtieġ, jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Kroazja fl-Anness II.

Artikolu 9

Proċeduri amministrattivi minn ftehimiet bilaterali eżistenti

Il-proċeduri amministrattivi li jinsabu fi ftehimiet bilaterali eżistenti bejn Stat Membru u l-Kroazja jistgħu jkomplu japplikaw dment li dawn il-proċeduri ma jaffettwawx b’mod negattiv id-drittijiet jew l-obbligi tal-persuni kkonċernati stabbiliti b’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Ftehimiet li jissupplimentaw il-proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni

Stat Membru wieħed jew aktar u l-Kroazja jistgħu jikkonkludu ftehimiet imfassla biex jissupplementaw il-proċeduri amministrattivi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, speċjalment fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi u l-iżbalji.

PARTI IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet transitorji

1.   L-ebda dritt ma’ jista’ jinkiseb taħt din id-Deċiżjoni għall-perijodu ta’ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

2.   Bla ħsara għall-paragrafu 1, dritt għandu jinkiseb skont din id-Deċiżjoni anke jekk dan ikun relatat ma’ kontinġenza li tkun qamet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

3.   Kwalunkwe benefiċċju li ma jkunx ingħata jew li kien ġie sospiż minħabba ċ-ċittadinanza jew il-post ta’ residenza tal-persuna kkonċernata għandu, fuq talba ta’ din il-persuna, jingħata jew jitkompla b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, dment li d-drittijiet li għalihom kienu ngħataw benefiċċji qabel ma jkunux taw lok għal xi ħlas ta’ somma waħda f’daqqa.

4.   Jekk talba kif msemmija fil-paragrafu 3 tiġi ppreżentata wara li jiskadi l-perijodu ta’ sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, id-drittijiet miksuba skont din id-Deċiżjoni għandu jkollhom effett mid-data data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, u l-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru jew tal-Kroazja li tikkonċerna t-telf jew il-preskrizzjoni ta’ drittijiet ma tistax tiġi invokata kontra l-persuni kkonċernati.

5.   Jekk tintbagħat talba kif imsemmija fil-paragrafu 3 tiġi ppreżentata wara li jiskadi l-perijodu ta’ sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, drittijiet li ma jkunux intilfu jew li ma jkunux preskritti għandu jkollhom effett mid-data ta’ meta tkun intbagħtet it-talba, bla preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoniċ aktar favorevoli taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru jew tal-Kroazja.

Artikolu 12

Annessi għal din id-Deċiżjoni

1.   L-Annessi għal din id-Deċiżjoni huma parti integrali minnha.

2.   Fuq talba tal-Kroazja, ll-Annessi msemmija jistgħu jkunu emendati b’deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi …, …

Għall-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Il-President


(1)  ĠU L 26, 28.1.2005, p. 3.

(2)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 1.

(3)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.


ANNESS I

LISTA TA’ BENEFIĊĊJI SPEĊJALI MHUX KONTRIBUTORJI FI FLUS TAL-KROAZJA


ANNESS II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI GĦALL-APPLIKAZZJONI TAL-LEĠISLAZZJONI TAL-KROAZJA