23.11.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 306/21 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta' Ottubru 2010
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali
(2010/700/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 79(2)(b), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 65 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), jipprevedi li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu b’deċiżjoni jadotta d-dispożizzjonijiet adatti li jimplimentaw l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 64 tal-Ftehim. |
(2) |
L-ewwel inċiż tal-Objettiv 2.3.3 tal-Pjan ta' Azzjoni bejn l-UE u l-Iżrael adottat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fil-11 ta' April 2005 jitlob l-adozzjoni ta' deċiżjoni li timplimenta l-Artikolu 65 tal-Ftehim |
(3) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, annessa għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(4) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhumiex marbutin biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 64 tal-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mehmuża ma' din id-Deċizjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
J. MILQUET
(1) ĠU L 147, 21.6.2000, p. 3.
23.11.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 306/22 |
Abbozz
DEĊIŻJONI Nru …/… TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI
stabbilit bil-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra,
ta'…
fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali li jinsabu fil-Ftehim Ewro-Mediterranju
IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 65 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 64 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), jipprevedi l-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali tal-Iżrael u l-Istati Membri u jistabbilixxi l-prinċipji għal din il-koordinazzjoni. |
(2) |
L-Artikolu 65 tal-Ftehim jipprevedi wkoll li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jadotta Deċiżjoni li timplimenta l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 64. |
(3) |
L-ewwel inċiż tal-Objettiv 2.3.3 tal-Pjan ta' Azzjoni bejn l-UE u l-Iżrael adottat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fil-11 ta' April 2005, jitlob l-adozzjoni ta' deċiżjoni li timplimenta l-Artikolu 65 tal-Ftehim. |
(4) |
Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni, din id-Deċiżjoni ma tagħti l-ebda drittijiet addizzjonali li jirriżultaw minn ċerti fatti jew avvenimenti li jseħħu fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, fejn tali fatti jew avvenimenti ma jittiħdux f'konsiderazzjoni taħt il-leġislazzjoni tal-ewwel Parti Kontraenti, ħlief għad-dritt tal-esportazzjoni ta' ċerti benefiċċji. |
(5) |
Fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, id-dritt tal-ħaddiema Iżraeljani għal benefiċċji familjari huwa soġġett għall-kondizzjoni li l-membri tal-familja tagħhom jirresjedu legalment ma' dawn il-ħaddiema fl-Istat Membru fejn il-ħaddiema jkunu impjegati. Din idd-Deċiżjoni m'għandha tagħti l-ebda dritt għall-benefiċċji familjari fir-rigward tal-membri tal-familja tagħhom li jirresjedu fi stat ieħor, pereżempju fl-Iżrael. |
(6) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 (2) diġà jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b'dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom. Ir-Regolament 859/2003 diġà jkopri l-prinċipju tal-aggregazzjoni tal-perijodi ta' assigurazzjoni miksuba mill-ħaddiema Iżraeljani fid-diversi Stati Membri rigward id-dritt għal ċerti benefiċċji, kif ġie stabbilit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 64(1) tal-Ftehim. |
(7) |
Jista' jkun meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali li jikkorrispondu għall-karatteristiċi speċjali tal-leġislazzjoni tal-Iżrael, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli ta' koordinazzjoni. |
(8) |
Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla problemi tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali tal-Istati Membri u l-Iżrael, huwa meħtieġ li jiġu previsti dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Iżrael kif ukoll bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjoni tal-istat kompetenti. |
(9) |
Għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet transitorji biex jiġu protetti l-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni u biex jiġi żgurat li ma jitilfux drittijiet b'riżultat tad-dħul fis-seħħ tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
PARTI I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:
(a) |
“Ftehim” tfisser il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra; |
(b) |
“Regolament” tfisser ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (3) kif japplikaw fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea; |
(c) |
“Regolament ta' implimentazzjoni” tfisser ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (4); |
(d) |
“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea; |
(e) |
“ħaddiem” tfisser,
|
(f) |
“membru tal-familja” tfisser,
|
(g) |
“leġislazzjoni” tfisser,
|
(h) |
“benefiċċji” tfisser,
|
(i) |
“benefiċċji esportabbli” tfisser,
|
2. Termini oħra użati f'din id-Deċiżjoni għandu jkollhom it-tifsira mogħtija lilhom:
(a) |
fir-rigward tal-Istati Membri, fir-Regolament u fir-Regolament ta' implimentazzjoni; |
(b) |
fir-rigward tal-Iżrael, fil-leġislazzjoni rilevanti kif applikabbli fl-Iżrael. |
Artikolu 2
Persuni koperti
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika:
(a) |
għall-ħaddiema li huma ċittadini Iżraeljani u li huma jew kienu impjegati legalment fit-territorju ta' Stat Membru u li huma jew li kienu soġġetti għal-leġislazzjoni ta' Stat Membru wieħed jew aktar, u s-superstiti tagħhom, |
(b) |
għall-membri tal-familja tal-ħaddiema msemmija fil-punt (a) bil-kondizzjoni li dawn il-membri tal-familja jkunu jew kienu residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat waqt li l-ħaddiem ikun impjegat fi Stat Membru, |
(c) |
għall-ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat Membru u li huma jew li kienu impjegati legalment fit-territorju tal-Iżrael u li huma jew li kienu soġġetti għal-leġislazzjoni tal-Iżrael, u s-superstiti tagħhom, u |
(d) |
għall-membri tal-familja tal-ħaddiema msemmija fil-punt (c) bil-kondizzjoni li dawn il-membri tal-familja jkunu jew li kienu residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat waqt li l-ħaddiem ikun impjegat f'Iżrael. |
Artikolu 3
Trattament ugwali
1. Il-ħaddiema li huma ċittadini Iżraeljani u li huma impjegati legalment fi Stat Membru u kwalunkwe membru tal-familja tagħhom li jirresjedi legalment magħhom għandhom igawdu, fir-rigward tal-benefiċċji fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(h), minn trattament ħieles minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza b'relazzjoni maċ-ċittadini tal-Istati Membri li fihom dawn il-ħaddiema huma impjegati.
2. Il-ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat Membru u li huma impjegati legalment fl-Iżrael, u kwalunkwe membru tal-familja tagħhom li jirresjedi legalment magħhom, għandhom igawdu, fir-rigward tal-benefiċċji fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(h), trattament ħieles minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza b'relazzjoni maċ-ċittadini Iżraeljani.
PARTI II
RELAZZJONIJIET BEJN L-ISTATI MEMBRI U L-IŻRAEL
Artikolu 4
Revoka ta' Klawsoli ta' Residenza
1. Il-benefiċċji esportabbli fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i) li għalihom il-persuni msemmija fl-Artikolu 2(a) u (c) huma intitolati m'għandhom ikunu soġġetti għal ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, irtirar jew konfiska minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jkun qiegħed jirresjedi,
(i) |
għall-finijiet ta' benefiċċju skont il-leġislazzjoni ta' Stat Membru, fit-territorju tal-Iżrael, jew |
(ii) |
għall-finijiet ta' benefiċċju skont il-leġislazzjoni tal-Iżrael, fit-territorju ta' Stat Membru. |
2. Il-membri tal-familja ta' ħaddiem kif imsemmi fl-Artikolu 2 (b) huma intitolati għall-benefiċċji esportabbli fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i) bl-istess mod bħall-membri tal-familja ta' ħaddiem li huwa ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat meta dawn il-membri tal-familja jirresjedu fit-territorju tal-Iżrael.
3. Il-membri tal-familja ta' ħaddiem kif imsemmi fl-Artikolu 2 (d) huma intitolati għall-benefiċċji esportabbli fit-tifsira tal-Artikolu 1(i) bl-istess mod bħall-membri tal-familja ta' ħaddiem li huwa ċittadin tal-Iżrael meta dawn il-membri tal-familja jirresjedu fit-territorju ta' Stat Membru.
PARTI III
DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI
Artikolu 5
Kooperazzjoni
1. L-Istati Membri u l-Iżrael għandhom jikkomunikaw lil xulxin kwalunkwe informazzjoni rigward tibdil fil-leġislazzjoni tagħhom li jista' jaffettwa l-implimentazzjoni ta' din id-Deċizjoni.
2. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Iżrael għandhom joffru l-bon uffiċji tagħhom lil xulxin u għandhom jaġixxu daqs li kieku qegħdin jimplimentaw il-leġislazzjoni tagħhom stess. Bħala regola, l-għajnuna amministrattiva mogħtija minn dawn l-awtoritajiet u istituzzjonijiet għandha tkun mingħajr ħlas. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tal-Iżrael jistgħu jaqblu li ċerti spejjeż jiġu rimborsati.
3. L-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Iżrael jistgħu, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, jikkomunikaw direttament ma' xulxin u mal-persuni involuti jew mar-rappreżentanti tagħhom.
4. L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom id-dmir ta' informazzjoni u kooperazzjoni reċiproċi biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta ta' din id-Deċiżjoni.
5. Il-persuni kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-istituzzjonijiet tal-Istat Membru kompetenti jew tal-Iżrael, fejn dan tal-aħħar ikun l-istat kompetenti, jew tal-Istat Membru ta' residenza jew tal-Iżrael, fejn dan tal-aħħar ikun l-istat ta' residenza, mill-aktar fis possibbli dwar kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni personali jew familjari tagħhom li taffettwa d-dritt tagħhom għall-benefiċċji skont din id-Deċiżjoni.
6. In-nuqqas ta' rispett tal-obbligu ta' imformazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 jista' jirriżulta fl-applikazzjoni ta' miżuri proporzjonati f'konformità mal-liġi nazzjonali. Madankollu, dawn il-miżuri għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli f'sitwazzjonijiet simili taħt il-liġi domestika u m'għan-dhomx jagħmluha impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika għall-applikanti li jeżerċitaw id-drittijiet li tagħtihom din id-Deċiżjoni.
7. L-Istati Membri u l-Iżrael jistgħu jipprevedu dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-verifika tad-dritt għall-benefiċċji biex jittieħed kont tal-fatt li l-benefiċjarji joqogħdu jew jirresjedu 'l barra mit-territorju tal-Istat fejn tinsab l-istituzzjoni debitriċi. Tali dispożizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati, ħielsa minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza u f'konformità mal-prinċipji ta' din id-Deċiżjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu notifikati lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.
Artikolu 6
Verifiki Amministrattivi u Eżamijiet Mediċi
1. Dan l-Artikolu għandu japplika għall-persuni kif imsemmija fl-Artikolu 2 u li jirċievu l-benefiċċji esportabbli kif imsemmija fl-Artikolu 1(1)(i), kif ukoll għall-istituzzjonijiet inkarigati mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
2. Fejn benefiċjarju jew applikant għal benefiċċji, jew membru tal-familja tiegħu, ikun qed joqogħod jew jirresjedi fit-territorju ta' Stat Membru filwaqt li l-istituzzjoni debitriċi tinsab fl-Iżrael, jew fl-Iżrael filwaqt li l-istituzzjoni debitriċi tinsab fi Stat Membru, l-eżami mediku għandu jsir, fuq it-talba ta' dik l-istituzzjoni, mill-istituzzjoni tal-post fejn ikun qed joqogħod jew jirresjedi l-benefiċjarju f'konformità mal-proċeduri stabbiliti mil-leġislazzjoni applikata minn dik l-istituzzjoni.
L-istituzzjoni debitriċi għandha tinforma lill-istituzzjoni tal-post tas-soġġorn jew ta' residenza dwar kwalunkwe rekwiżit speċjali li, jekk meħtieġ, għandu jiġi segwit u bil-punti li jridu jiġu koperti mill-eżami mediku.
L-istituzzjoni tal-post tas-soġġorn jew ta' residenza għandha tgħaddi rapport lill-istituzzjoni debitriċi li talbet l-eżami mediku.
L-istituzzjoni debitriċi għandha tirriserva d-dritt li l-benefiċjarju jiġi eżaminat minn tabib magħżul minnha, jew fit-territorju fejn il-benefiċjarju jew l-applikant għall-benefiċċju qed joqogħod jew jirresjedi jew fil-pajjiż fejn tinsab l-istituzzjoni debitriċi. Madankollu, il-benefiċjarju jista' jintalab li jirritorna fl-Istat tal-istituzzjoni debitriċi biss jekk huwa jista' jagħmel il-vjaġġ mingħajr preġudizzju għal saħħtu u jekk l-ispiża tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni titħallas mill-istituzzjoni debitriċi.
3. Meta benefiċjarju jew applikant għal benefiċċji, jew membru tal-familja tiegħu, ikun qed joqogħod jew jirresjedi fit-territorju ta' Stat Membru meta l-istituzzjoni debitriċi tinsab fl-Iżrael jew fl-Iżrael meta l-istituzzjoni debitriċi tinsab fi Stat Membru, il-verifika amministrattiva għandha ssir, fuq it-talba tal-istituzzjoni debitriċi, mill-istituzzjoni tal-post tas-soġġorn jew ta' residenza tal-benefiċjarju.
L-istituzzjoni tal-post tas-soġġorn jew ta' residenza għandha tibgħat rapport lill-istituzzjoni debitriċi li talbet il-verifika amministrattiva.
L-istituzzjoni debitriċi għandha żżomm id-dritt li s-sitwazzjoni tal-benefiċjarju tiġi eżaminata minn professjonista tal-għażla tagħha. Madankollu, il-benefiċjarju jista' jintalab li jirritorna fl-Istat tal-istituzzjoni debitriċi biss jekk huwa jista' jagħmel il-vjaġġ mingħajr preġudizzju għal saħħtu u jekk l-ispiża tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni titħallas mill-istituzzjoni debitriċi.
4. Stat Membru wieħed jew aktar u l-Iżrael jistgħujaqblu dwar dispożizzjonijiet amministrattivi oħrajn, soġġett għal li jinfurmaw b'dan lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni,.
5. Bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta' assistenza amministrattiva reċiproka mingħajr ħlas fl-Artikolu 5(2) ta' din id-Deċiżjoni, l-ammont effettiv tal-ispejjeż tal-verifiki msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandu jitħallas lura lill-istituzzjoni li ntalbet twettaqhom mill-istituzzjoni debitriċi li talbithom.
Artikolu 7
Applikazzjoni tal-Artikolu 79 tal-Ftehim
L-Artikolu 79 tal-Ftehim għandu japplika f'każ li waħda mill-Partijiet tqis li l-Parti l-oħra ma kkonformatx mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6.
Artikolu 8
Dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Iżrael
Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista', jekk meħtieġ, jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Iżrael fl-Anness II.
Artikolu 9
Proċeduri amministrattivi minn Ftehimiet bilaterali eżistenti
Il-proċeduri amministrattivi li jinsabu fi ftehimiet bilaterali eżistenti bejn Stat Membru u l-Iżrael jistgħu jkomplu japplikaw dment li dawk il-proċeduri ma jaffettwawx b'mod negattiv id-drittijiet jew l-obbligi tal-persuni kkonċernati stabbiliti b'din id-Deċiżjoni.
Artikolu 10
Ftehimiet li jissupplementaw il-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni
Stat Membru wieħed jew aktar u l-Iżrael jistgħu jikkonkludu ftehimiet imfassla biex jissupplementaw il-proċeduri amministrattivi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, speċjalment fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi u l-iżbalji.
PART IV
DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI
Artikolu 11
Disposizzjonijiet transitorji
1. L-ebda dritt ma jista' jinkiseb taħt din id-Deċiżjoni għall-perijodu ta' qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.
2. Bla ħsara għall-paragrafu 1, dritt għandu jinkiseb skont din id-Deċiżjoni anki jekk dan ikun relatat ma' kontinġenza li tkun qamet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.
3. Kwalunkwe benefiċċju li ma jkunx ingħata jew li ġie sospiż minħabba ċ-ċittadinanza jew il-post ta' residenza tal-persuna kkonċernata għandu, fuq talba ta' dik il-persuna, jingħata jew jitkompla b'effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, dment li d-drittijiet li għalihom kienu ngħataw benefiċċji qabel ma jkunux taw lok għal xi ħlas ta' somma waħda f'daqqa.
4. Jekk talba kif imsemmija fil-paragrafu 3 tiġi ppreżentata fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, id-drittijiet miksuba skont din id-Deċiżjoni u għandu jkollhom effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, u l-leġislazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru jew tal-Iżrael li tikkonċerna t-telf jew ir-restrizzjoni ta' drittijiet ma tistax tiġi invokata kontra l-persuni kkonċernati.
5. Jekk talba kif imsemmija fil-paragrafu 3 tiġi ppreżentata wara li jiskadi l-perijodu ta' sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, id-drittijiet li ma jkunux intilfu jew li ma jkunux preskritti għandu jkollhom effett minn dik id-data li fiha tkun ġiet ippreżentata t-talba, bla preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni aktar favorevoli taħt il-leġislazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru jew tal-Iżrael.
Artikolu 12
Annessi għal din id-Deċiżjoni
1. L-Annessi għal din id-Deċiżjoni huma parti integrali minnha.
2. Fuq talba tal-Iżrael, l-Annessi jistgħu jiġu emendati b'deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.
Artikolu 13
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi …, …
Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni
Il-President
(1) ĠU L 147, 21.6.2000, p. 3.
(2) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 1.
(3) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(4) ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.
ANNESS I
LISTA’ TAL-BENEFIĊĊJI SPEĊJALI FI FLUS TA’ KARATTRU MHUX KONTRIBUTORJU TAL-IŻRAEL
…
ANNESS II
DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI GĦALL-APPLIKAZZJONI TAL-LEĠISLAZZJONI TAL-IŻRAEL
…