17.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/45


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta’ Novembru 2010

li tirrikonoxxi l-karattru operattiv kompletament tad-dejtabejż Latvjana għall-annimali bovini

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 7782)

(It-test Latvjan biss hu awtentiku)

(2010/692/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 (“ir-Regolament”) jistipula li l-Istati Membri li għandhom dejtabejż kompjuterizzata li l-Kummissjoni tqis li hija operattiva kompletament, jistgħu jiddeterminaw li passaport irid jinħareġ biss għal annimali intiżi għall-kummerċ ġol-Unjoni u li dawk l-annimali għandhom ikunu akkumpanjati mill-passaporti tagħhom biss meta jiġu ttrasportati minn territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal territorju ta’ Stat Membru ieħor.

(2)

Il-Latvja ppreżentat lill-Kummissjoni talba għar-rikonoxximent tal-karattru kompletament operattiv tad-dejtabejż li tifforma parti mis-sistema Latvjana għall-identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-annimali bovini, skont ir-Regolament. L-awtoritajiet Latvjani issottomettew lill-Kummissjoni l-informazzjoni xierqa li tikkonċerna l-kompatibilità tad-dejtabejż mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talba abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Latvjani u wara spezzjoni kkunsidrat li din it-talba kienet sostanzjata b’mod suffiċjenti kif inhu xieraq ħlief għal ċerti adattamenti li l-awtoritajiet Latvjani wegħdu li jlestu sat-30 ta’ Settembru 2010.

(4)

Qabel l-1 ta’ Ottubru 2010, l-awtoritajiet Latvjani kkonfermaw li ġew implimentati miżuri addizzjonali biex ikun żgurat ir-rispett tal-iskadenzi stabbiliti fir-Regolament għan-notifika ta’ ġrajjiet, l-annimali fi tranżitu jinstabu u jkunu segwiti u l-passaporti li jakkumpanjaw l-annimali minn Stati Membri oħra jitħallew f’idejn l-awtorità kompetenti hekk kif jaslu.

(5)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa xieraq li jiġi rikonoxxut il-karattru kompletament operattiv tad-dejtabejż Latvjana għall-annimali bovini mill-1 ta’ Ottubru 2010,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-dejtabejż Latvjana għall-annimali bovini hi rikonoxxuta bħala operattiva kompletament mill-1 ta’ Ottubru 2010.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1.