10.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 292/40


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Novembru 2010

li tikkonċerna kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat dwar il-prevalenza tal-Listeria monocytogenes f’ċertu ikel lest biex jittiekel li jrid jitwettaq fl-Istati Membri

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 7516)

(2010/678/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u partikolarment l-Artikolu 66 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi, fost oħrajn, il-proċeduri li jirregolaw l-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni li jmexxu l-miżuri neċessarji biex tkun żgurata l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

(2)

Id-Direttiva 2003/99/KE tgħid li jistgħu jitwaqqfu programmi ta’ monitoraġġ ikkoordinati, speċjalment meta jiġu identifikati bżonnijiet speċjali, biex ikunu eżaminati r-riskji u jkunu stabbiliti valuri bażiċi relatati maż-żoonożi u mal-aġenti żoonotiċi.

(3)

Fl-2006 (3) u fl-2007 (4) l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ippubblikat rapporti (ir-rapporti tal-EFSA-ECDC) dwar xejriet u sorsi ta’ żoonożi, aġenti żoonotiċi u reżistenza antimikrobika fl-Unjoni. Skont dawk ir-rapporti, kien hemm reġistrat total ta’ 1 588 każ ta’ listerjożi (Listeria monocytogenes) fil-bnedmin fil-25 Stat Membru fl-2006. Barra minn hekk, 1 558 tali każ kienu reġistrati f’26 Stat Membru fl-2007. Ir-rapporti urew ukoll żieda sinifikattiva fl-inċidenza ta’ dawn il-każijiet fil-bnedmin fil-perjodu 2001-2006. Ta’ spiss il-mard kien aħrax u l-mortalità għolja.

(4)

Il-fatt li l-Listeria monocytogenes hi kapaċi timmultiplika f’ikel differenti f’temperaturi baxxi bħal minn 2 sa 4 °C jagħmel l-okkorrenza tal-Listeria monocytogenes fl-ikel lest biex jittiekel b’data ta’ skadenza relattivament twila ta’ tħassib partikolari.

(5)

F’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (5), l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jikkonformaw mal-kriterji tas-sigurtà tal-ikel tal-Listeria monocytogenes għall-ikel lest biex jittiekel fil-qafas tal-programmi ta’ prattiki ta’ iġjene tajba u analiżi tal-periklu tal-punti kritiċi ta’ kontroll (HACCP).

(6)

Ir-rapporti tal-EFSA-ECDC urew li l-ogħla proporzjonijiet ta’ nonkonformità mal-kriterji tal-Listeria monocytogenes kienu reġistrati fil-ġobon lest biex jittiekel u fil-ħut lest biex jittiekel u l-prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana.

(7)

L-espożizzjoni tal-bnedmin għal-Listeria monocytogenes ġejja prinċipalment mill-ikel. Għalhekk il-prevalenza u l-livell tal-kontaminazzjoni tal-Listeria monocytogenes fi prodotti tal-ħut, ġobon u prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana lesti biex jittieklu għandha tkun stmata b’mod armonizzat u komparabbli permezz ta’ programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat fil-livell tal-bejgħ bl-imnut fl-Istati Membri kollha.

(8)

It-tkabbir tal-Listeria monocytogenes fi prodotti lesti biex jittieklu huwa inflwenzat b’mod sinifikanti mill-pH, l-attività tal-ilma u t-temperatura tal-maħżen tal-prodott. Jista’ jintuza mudell għall-istima tat-tkabbir tal-Listeria monocytogenes fil-prodott lest biex jittiekel taħt kundizzjonijiet ta’ temperatura differenti.

(9)

Fejn m’hemmx l-ebda definizzjoni relevanti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, id-definizzjonijiet fl-Istandard Ġenerali għall-Ġobon tal-Codex (CODEX STAN 283-1978, l-emenda 2008) u l-Istandard għall-Ġobon li Mhux Misjur inkluż il-Ġobon Frisk tal-Grupp Codex (CODEX STAN 221-2001, l-emenda 2008) maħruġ mill-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius għandu jintuża bħala garanzija tal-approċċ armonizzat fid-definizzjoni tal-ġobon lest biex jittiekel.

(10)

F’Mejju 2009, it-Task Force dwar il-Monitoraġġ tal-Ġbir tad-Dejta taż-Żoonożi tal-EFSA addottat Rapport dwar speċifikazzjonijiet tekniċi proposti għal programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat għal-Listeria monocytogenes f’ċerti kategoriji tal-ikel RTE għall-bejgħ bl-imnut fl-UE (6).

(11)

Sabiex l-istadju ta’ teħid ta’ kampjuni jiġi armonizzat aktar, il-kampjuni għandhom jittieħdu f’livell tal-bejgħ bl-imnut billi jkopru l-ħwienet, is-supermarkets u stabbilimenti oħra simili li jbiegħu direttament lill-konsumatur aħħari.

(12)

Id-dejta miġbura fil-qafas tal-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat ma għandhiex tintuża għal għanijiet oħra għajr dan il-programm mingħajr ftehim minn qabel tal-Istati Membri biex tkun garantita l-kunfidenzjalità tad-dejta.

(13)

Minħabba l-importanza tal-ġbir tad-dejta komparabbli dwar il-prevalenza tal-Listeria monocytogenes fl-ikel lest biex jittiekel, għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni biex jitwettaq il-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat.

(14)

Sabiex it-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi fil-qafas tal-programm ikkoordinat ikunu jistgħu jsiru b’mod armonizzat iżda billi jitqiesu d-differenzi possibbli fiż-żmien bejn l-Istati Membri, huwa xieraq li jiġu determinati d-data tal-bidu kif ukoll it-tul ta’ żmien tal-programm.

(15)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandha tingħata sakemm il-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat jitwettaq skont din id-Deċiżjoni u sakemm l-awtoritajiet kompetenti jfornu t-tagħrif meħtieġ kollu fil-limiti ta’ żminijiet previsti f’din id-Deċiżjoni.

(16)

Minħabba raġunijiet ta’ effiċjenza amministrattiva, l-infiq kollu ppreżentat għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandu jintwera f’euro. Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (7), ir-rata ta’ konverżjoni għall-infiq f’munita għajr l-euro għandha tkun ir-rata stabbilita dan l-aħħar mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-ewwel ġurnata tax-xahar li fih tressqet l-applikazzjoni għar-rimborż mill-Istat Membru kkonċernat.

(17)

Id-Deċiżjoni preżenti tikkostitwixxi Deċiżjoni li tiffinanzja skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ir-Regolament Finanzjarju) (8), l-Artikolu 90 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju. u l-Artikolu 15 tar-Regoli Interni dwar l-Implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

(18)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat dwar il-prevalenza tal-Listeria monocytogenes f’ċerti kategoriji tal-ikel lest biex jittiekel previsti fl-Artikolu 2 fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u tistabbilixxi regoli dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tagħha.

Artikolu 2

L-ambitu u t-tul ta’ żmien tal-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat biex jeżaminaw il-prevalenza tal-Listeria monocytogenes fil-kategoriji tal-ikel lest biex jittiekel li ġejjin f’kampjuni magħżulin bl-addoċċ fil-livell tal-bejgħ bl-imnut:

(a)

ħut ippakkjat (mhux iffriżat) sħun jew kiesaħ affumikat jew gravad;

(b)

ġobon artab jew nofsu artab, minbarra l-ġobon frisk;

(c)

prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana ppakkjati.

2.   L-attivitajiet tat-teħid ta’ kampjuni fil-qafas tal-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat previsti fil-paragrafu 1 għandhom jibdew jitwettqu mill-2010 u jkopru mill-inqas 12-il xahar.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“ikel lest biex jittiekel” tfisser ikel lest biex jittiekel kif definit fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005.

2.

“ħajja fuq l-ixkaffa” tfisser ħajja fuq l-ixkaffa kif definit fl-Artikolu 2(f) tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005.

3.

“konsenja” tfisser konsenja kif definita fl-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005.

4.

“bejgħ bl-imnut” tfisser bejgħ bl-imnut kif definit fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (9); madankollu, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-bejgħ bl-imnut tkopri biss ħwienet, supermarkets u stabbilimenti oħra simili li jbigħu direttament lill-konsumatur finali; ma tinkludix terminali jew ċentri ta’ distribuzzjoni, operazzjonijiet tal-catering, catering istituzzjonali, messijiet tal-fabbriki, restoranti u operazzjonijiet tas-servizz tal-ikel simili u stabbilimenti ta’ bejgħ bl-ingrossa.

5.

“ipproċessar” tfisser l-ipproċessar kif definit fl-Artikolu 2(1)(m) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (10).

6.

“prodotti tal-laħam” tfisser prodotti tal-laħam kif definit fl-Artikolu 7.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (11).

7.

“pajjiż tal-produzzjoni” tfisser il-pajjiż indikat fuq il-marka tal-identifikazzjoni kif previst fil-punt 6 tal-parti B tat-Taqsima I tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

8.

“ikel ippakkjat” tfisser l-ikel li għandu l-wiċċ tiegħu kollu mgħotti sabiex ikun evitat kuntatt dirett tal-ikel mal-ambjent, jew b’tqartis permeabbli jew impermeabbli.

9.

“ikel ippakkjat f’atmosfera modifikata” tfisser l-ikel li kien ippakkjat u ermetikament issiġillat wara t-tneħħija tal-arja mill-pakkett u minflok l-arja ddaħħlet taħlita ta’ gass strettament ikkontrollat ta’ diossidu tal-karbonju, ossiġnu u/jew nitroġenu.

10.

“ikel ippakkjat ivvakumjat” tfisser ikel li kien ippakkjat u ermetikament issiġillat wara t-tneħħija tal-arja mill-pakkett.

11.

“ħut affumikat” tfisser ħut ikkurat bl-affumikar.

12.

“ħut gravad” tfisser ħut li kien ikkurat fil-melħ u z-zokkor mingħajr trattament termali.

13.

“ġobon misjur” tfisser il-ġobon li mhux lest għall-konsum eżatt wara li jkun manifatturat iżda li jinżamm għal tali ħin, f’tali temperatura u f’tali kundizzjonijiet oħra li jirriżulta fil-bidliet bijokimiċi u fiżiċi meħtieġa li jikkaratterizzaw il-ġobon ikkonċernat.

14.

“ġobon artab” tfisser il-ġobon b’persentaġġ niedi, fuq bażi ħieles mix-xaħam, ogħla minn 67 %.

15.

“ġobon nofsu artab” tfisser il-ġobon li għandu għamla li hija biss kemxejn aktar iebsa mill-kategorija tal-ġobon artab. Dan il-ġobon huwa b’persentaġġ niedi, abbażi ħieles mix-xaħam, bejn it-62 % u s-67 %. Ġobon nofsu artab huwa kkaratterizzat minn għamla soda imma elastika.

16.

“ġobon misjur bil-moffa” tfisser il-ġobon li s-sajran tiegħu jinkiseb prinċipalment bl-iżvilupp ta’ tkabbir ta’ moffa karatteristika fl-intern kollu u/jew fil-wiċċ tal-ġobon.

17.

“ġobon misjur bix-xaħam tiegħu stess” tfisser ġobon li fih waqt u wara s-sajran, il-qoxra tal-ġobon hija ttrattata u kolonizzata naturalment b’kultura mixtieqa ta’ mikroorganiżmi, pereżempju, Penicillium candidum jew Brevibacterium linens. Is-saff jew il-forom tax-xaħam li jirriżultaw huma parti mill-qoxra.

18.

“ġobon immaturat fis-salmura” tfisser ġobon immaturat u maħżun fis-salmura sakemm jinbigħ jew jiġi ppakkjat.

19.

“ġobon frisk” tfisser il-ġobon ta’ stil baqta li ma jgħaddix minn xi sajran, pereżempju l-cottage cheese, il-mozzarella, l-irkotta u l-quark. Ġobon frisk mhux inkluż f’dan il-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat.

Artikolu 4

Teħid ta kampjuni, analiżi u rekordjar tad-dejta tal-Istati Membri

1.   It-teħid ta’ kampjuni għandu jitwettaq mill-awtorità kompetenti jew taħt is-superviżjoni tagħha.

2.   Il-laboratorji nazzjonali ta’ referenza għal-Listeria monocytogenes għandhom iwettqu l-analiżi tal-Listeria monocytogenes, tal-pH u tal-attività tal-ilma.

3.   L-awtorità kompetenti tista’ tiddeżinja laboratorji oħra minbarra dawk il-laboratorji nazzjonali ta’ referenza li huma kkreditati għal u involuti f’kontrolli uffiċjali tal-Listeria monocytogenes biex iwettqu l-analiżi tal-Listeria monocytogenes, tal-pH u tal-attività tal-ilma.

4.   It-teħid tal-kampjun u l-analiżi previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3, kif ukoll l-irrekordjar tad-dejta relevanti kollha, għandhom jitwettqu skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness I.

5.   In-numru ta’ kampjuni li għandhom jittieħdu għal kull kategorija tal-ikel lest biex jttiekel f’kull Stat Membru huwa stabbilit fl-Anness II.

Artikolu 5

Ġbir, valutazzjoni, irrapurtar u l-użu tad-dejta fil-livell tal-Unjoni

1.   L-Istat Membru għandu jiġbor u jeżamina r-riżultati tal-kampjuni u tal-Listeria monocytogenes, tal-pH u tal-attività tal-ilma previsti fl-Artikolu 4(1), (2) u (3) ta’ din id-Deċiżjoni.

Dawk ir-riżultati u l-valutazzjoni tagħhom, flimkien mad-dejta rilevanti kollha, għandhom jiddaħħlu fir-rapport finali mat-tlestija tal-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat li għandu jkun trażmess lill-Kummissjoni qabel il-31 ta’ Mejju 2012.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sat-30 ta’ Novembru 2010 l-format tad-Dizzjunarju tad-Dejta u l-formoli tal-ġbir tad-dejta li jridu jintużaw fit-tfassil tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 mill-awtoritajiet kompetenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapporti finali previsti fil-paragrafu 1 lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), li għandha teżaminahom, tiżviluppa mudelli ta’ previżjoni għall-konformità mal-kriterji tas-sigurtà tal-ikel tal-Listeria monocytogenes u t-tkabbir mikrobiku f’kundizzjonijiet varji ta’ ħżin u toħroġ Rapport Sommarju fi żmien sitt xhur.

4.   Kull użu tad-dejta ppreżentata mill-Istati Membri għall-għan li mhuwiex il-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat għandu jkun soġġett għall-ftehim minn qabel mal-Istati Membri.

5.   Id-dejta nazzjonali u r-riżultati għandhom jitħabbru f’forma li tiżgura kunfidenzjalità tar-riżultati individwali.

Artikolu 6

Kondizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni ta’ ammont totali ta’ EUR 1 555 300 mil-linja tal-baġit 17 04 07 01 għall-ispejjeż tal-ġbir, il-valutazzjoni u r-rappurtar previsti fl-Artikolu 5(1) li huma marbuta mal-analiżi tal-Artikolu 4(2), għandha tingħata lill-Istati Membri sal-ammont totali massimu għall-kofinanzjament iffissat fl-Anness III.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha titħallas lill-Istati Membri sakemm il-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat jitwettaq skont id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar il-kompetizzjoni u dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u soġġetta għall-konformità mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

Ir-rapport finali dwar it-tlestija tal-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat għandu jkun ippreżentat lill-Kummissjoni qabel il-31 ta’ Mejju 2012; dak ir-rapport għandu jkollu:

(i)

l-informazzjoni kollha stabbilita fil-Parti D tal-Anness I.

(ii)

evidenza li tixhed l-ispejjeż li saru mill-Istati Membri għall-analiżi; l-evidenza talanqas għandha tkun magħmula mill-informazzjoni stabbilita fl-Anness IV.

3.   F’każ ta’ sottomissjoni tard tar-rapport finali msemmi fil-paragrafu 2, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandha titnaqqas b’25 % sal-1 ta’ Lulju 2012, 50 % sal-1 ta’ Awwissu 2012 u 100 % sal-1 ta’ Settembru 2012.

Artikolu 7

Ammonti massimi li għandhom jitħallsu lura

L-ammonti massimi tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-ispejjeż li għandhom jiġu rimborżati lill-Istati Membri għall-ġbir, il-valutazzjoni u r-rappurtar previsti fl-Artikolu 5(1) ma għandhomx jaqbżu dawn li ġejjin:

(a)

sa EUR 60 għal kull kampjun miġbur, ivvalutat u rrappurtat għad-detezzjoni tal-Listeria monocytogenes;

(b)

sa EUR 60 għal kull kampjun miġbur, ivvalutat u rrappurtat għall-enumerazzjoni tal-Listeria monocytogenes;

(c)

sa EUR 15 għal kull kampjun miġbur, ivvalutat u rrappurtat marbut mal-analiżi tal-livell ta’ pH;

(d)

sa EUR 20 għal kull kampjun miġbur, ivvalutat u rrappurtat għall-analiżi tal-attività tal-ilma (aw);

Artikolu 8

Rata tal-kambju għall-infiq

Meta n-nefqa ta’ Stat Membru tkun f’munita li mhijiex l-euro, l-Istat Membru kkonċernat għandhu jaqlibha għall-euro billi japplika l-aktar rata ta’ skambju riċenti stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-ewwel jum tax-xahar li fih l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mill-Istat Membru.

Artikolu 9

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)   ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.

(3)   Il-Ġurnal tal-EFSA (2007) 130.

(4)   Il-Ġurnal tal-EFSA (2009) 223.

(5)   ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1.

(6)   Il-Ġurnal tal-EFSA (2009) 300, 1.

(7)   ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(8)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(9)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(10)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(11)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.


ANNESS I

(imsemmija fl-Artikolu 4(4))

PARTI A

QAFAS GĦAT-TEĦID TA’ KAMPJUNI

1.   Il-prodotti li minnhom għandhom jittieħdu l-kampjuni

Għandhom jittieħdu kampjuni għall-kategoriji li ġejjin tal-ikel lest biex jittiekel fil-livell tal-bejgħ bl-imnut:

1.1.   Ħut ippakkjat (mhux iffriżat) sħun jew kiesaħ affumikat jew gravad

Prodotti li jaqgħu f’din il-kategorija għandhom ikunu ippakkjati bil-vakum jew ippakkjati f’atmosfera modifikata.

Il-ħuta tista’ tkun imqatta’ jew le. Il-pakkett jista’ jkollu ħuta sħiħa, nofsha jew parti minnha. Il-qoxra tal-ħuta tista’ tkun hemm jew le.

1.2.   Ġobon artab jew nofsu artab, eskluż il-ġobon frisk

Din il-kategorija għandha tinkludi ġobon minn ħalib nej, termizzat jew pastorizzat ta’ kwalunkwe speċi tal-annimali. Il-ġobon jista’ jkun misjur, misjur bix-xaħam tiegħu stess, misjur bil-moffa jew immaturat fis-salmura.

Il-ġobon jista’ jkun ippakkjat inkluż mqartas fil-musulina jew jista’ jkun spakkjat fil-bejgħ bl-imnut imma ppakkjat f’post għall-bejgħ għall-konsumatur.

1.3.   Prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana

1.3.1.

Il-prodotti li jaqgħu f’din il-kategorija għandhom jgħaddu minn trattament ta’ sħana u warajh għandhom ikunu ttrattati u ppakkjati jew bil-vakum jew f’atmosfera modifikata.

1.3.2.

Il-prodotti li jaqgħu f’din il-kategorija jkopru kemm il-prodotti tal-laħam esposti kif ukoll il-prodotti tal-laħam f’qoxra permeabbli li tqattgħu fi flieli jew ittrattati b’mod ieħor bejn it-trattament bis-sħana u l-ippakkjar. Prodotti jistgħu jkunu affumikati wara t-trattament bis-sħana.

Din il-kategorija tinkludi b’mod partikolari:

(a)

Prodotti tal-laħam imsajrin, kiesħa: Prodotti tal-laħam tipikament magħmulin minn partijiet sħaħ jew kbar ta’ strutturi anatomiċi jew riformati (bħalma huma il-perżut imqatta’ fi flieli msajjar u l-fillet tat-tiġieġ imsajjar);

(b)

zalzett;

(c)

pâtés.

1.3.3.

Din il-kategorija ma tinkludix:

(a)

prodotti tal-laħam imnixxfin wara trattament bis-sħana, bħalma huma l-prodotti jerky;

(b)

Prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana f’pakkett impermeabbli li ma kienux ittrattati aktar wara;

(c)

prodotti tal-laħam iffermentat inkluż zalzett iffermentat.

2.   Skema ta’ teħid ta’ kampjuni

Qiegħda tintuża skema ta’ kampjun stratifikat proporzjonat għall-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat fejn il-kampjuni huma allokati lil kull Stat Membru b’mod proporzjonat għad-daqs tal-popolazzjoni umana f’dak l-Istat Membru.

2.1.   Pjan tat-teħid tal-kampjun

2.1.1.

Kull Stat Membru għandu jkollu pjan ta’ teħid tal-kampjun ibbażat fuq skema ta’ multistage cluster:

(a)

l-ewwel livell huwa kompost mill-ibliet ewlenin li se jkunu inklużi fil-kampjun;

(b)

it-tieni livell huwa kompost mill-stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut li se jkunu inklużi fil-kampjun;

(c)

it-tielet livell hu kompost minn prodotti differenti tal-ikel fit-tliet kategoriji tal-ikel lest biex jittiekel li se jkunu inklużi fil-kampjun.

2.1.2.

Il-pjan tat-teħid tal-kampjun għandu jitfassal mill-awtorità kompetenti u għandu jinkludi dawn li ġejjin:

(a)

l-ibliet inklużi fil-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat;

(b)

it-tipi ta’ stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut u l-persentaġġ ta’ kampjuni meħuda minn kull kategorija;

(c)

l-iskedar ta’ żmien tat-teħid tal-kampjuni matul is-sena.

2.1.3.

Meta jkun hemm disponibbli dejta rilevanti dwar it-tqegħid fis-suq, il-pjan tat-teħid tal-kampjuni għandu jinkludi wkoll:

(a)

it-tipi ta’ prodotti li tagħhom irid jittieħed il-kampjun f’kull wieħed mit-tliet kategoriji tal-ikel lest biex jittiekel;

(b)

in-numru ta’ kampjuni li jridu jittieħdu minn kull tip ta’ prodott imsemmi f’(a).

2.1.4.

L-Istati Membri għandhom ifasslu pjan tat-teħid tal-kampjun filwaqt li jsegwu r-regoli deskritti hawn taħt u bbażati fuq l-aħjar dejta disponibbli dwar it-tqegħid fis-suq. Din id-dejta dwar it-tqegħid fis-suq, jew għajnuna dwar kif tinkiseb id-dejta, ħafna drabi tista’ tkun disponibbli minn assoċjazzjoni nazzjonali tal-kummerċ. Fl-assenza ta’ dejta dwar it-tqegħid fis-suq, għandha tintuża l-aħjar stima tal-ishma tas-suq biex il-pjan tat-teħid tal-kampjun fuq livell ċentrali jkun infurmat. Fl-assenza ta’ kwalunkwe informazzjoni affidabbli dwar it-tqegħid fis-suq, għandu mnejn ikun hemm bżonn li l-awtoritajiet kompetenti jgħaddu l-għażla tat-tip ta’ prodott lil kampjun f’kategorija lil dak li qed jieħu l-kampjuni f’dan il-qasam.

2.2.   Għażla tal-kategoriji ta’ stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut li jridu jkunu mmirati

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħżlu l-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut mil-liema jridu jittieħdu l-kampjuni. Tipi tipiċi ta’ stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut li għandhom ikunu inklużi fil-kampjuni huma: supermarkets, ħwienet żgħar, speciality delis u swieq tat-triq (bħalma huma s-swieqi tal-bdiewa jew tal-kampanja).

Jekk l-akbar kategorija ta’ stabbilimenti (pereżempju s-supermarkets) ifornu mill-inqas 80 % tas-suq ta’ kategorija tal-ikel lest biex jittiekel, allura l-kampjuni għandhom jittieħdu biss minn dawk l-istabbilimenti. Fejn dan mhux il-każ, it-tieni l-akbar kategorija ta’ stabbilimenti għandha tiżdied sakemm jiġi kopert ta’ millinqas 80 % tas-suq.

Meta jitwettaq it-teħid tal-kampjuni skont il-pjan tat-teħid tal-kampjuni, in-numru ta’ kampjuni li għandhom jittieħdu għal kull kategorija tal-ikel lest biex jittiekel minn kull tip ta’ stabbiliment tal-bejgħ bl-imnut għandu jkun proporzjonat għas-sehem mis-suq ta’ dak it-tip ta’ stabbiliment fit-tipi tal-istabbilimenti immirati.

2.3.   Għażla tal-ibliet li jridu jidħlu fil-kampjuni

It-teħid tal-kampjuni għandu jitwettaq fl-ibliet il-kbar. Ta’ millinqas żewġt ibliet f’Stat Membru għandhom jidħlu fil-kampjun.

L-ibliet li jidħlu fil-kampjun għandhom, magħdudin flimkien, ikopru ta’ millinqas 30 % tal-popolazzjoni umana fl-Istat Membru. Madankollu, jekk l-akbar tmien ibliet huma inklużi fil-pjan, il-kopertura tal-popolazzjoni umana tista’ tkun anqas minn 30 %.

2.4.   L-għażla tal-iskeda taż-żmien tal-kampjuni

Il-livell ta’ kontaminazzjoni tal-Listeria monocytogenes fl-ikel lest biex jittiekel jista’ jvarja matul is-sena. Sabiex ikunu żgurati riżultati preċiżi tal-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat, it-tul taż-żmien tiegħu nqasam fi 12-il perjodu ta’ xahar li fihom numri ugwali ta’ kampjuni għandhom jittieħdu.

2.5.   L-għażla tal-ikel lest biex jittiekel fit-tliet kategoriji ewlenin li jridu jidħlu fil-kampjun

L-ikel lest biex jittiekel fit-tliet kategoriji tal-ikel lest biex jittiekel li jridu jidħlu fil-kampjun għandhom jintgħażlu abbażi tad-dejta dwar it-tqegħid fis-suq u indikati fid-dettall fil-pjan ta’ teħid ta’ kampjuni.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħżlu li jitolbu lil dawk li se jieħdu l-kampjuni biex jagħżlu ġobon għall-kampjuni fuq il-bażi ta’ kontribuzzjoni stmata fis-sehem mis-suq, skont il-pjan nazzjonali tat-teħid tal-kampjuni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu wkoll xi direzzjoni dwar is-sehem approssimattiv mis-suq tat-tipi ewlenin tal-ikel fil-kategoriji għall-aħjar approċċ għall-kampjun rappreżentattiv tas-suq eż. ġobon tal-ħalib nej/pasturizzat.

PARTI B

ĠBIR TAL-KAMPJUN U T-TRASPORT

1.   Tip u dettall tal-kampjun

Il-kampjuni għandhom jittieħdu bl-addoċċ mill-vetrina tal-konsumatur u għandhom jiżnu ta’ millinqas 100 gramma kull wieħed. Huwa possibbli li jittieħed aktar minn kampjun wieħed minn kull wieħed mit-tliet kategoriji tal-ikel lest biex jittiekel waqt l-istess żjara fl-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut. Madankollu, mhux aktar minn ħames konsenji minn kull kategorija għandhom jittieħdu fl-istess żjara.

Pakketti ppakkjati u intatti (issiġġillati), ippakkjati mill-manifattur, għandhom jinġabru bħala kampjuni. Madankollu, fil-każ tal-ġobon u prodotti tal-laħam, prodotti ppakkjati fl-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut jistgħu jinġabru wkoll għat-teħid ta’ kampjuni.

Il-prodotti miġbura bħala kampjuni għandhom ikunu ittikkettjati sabiex ikun possibbli li tkun reġistrata l-informazzjoni li tikkonċerna l-prodott. L-informazzjoni fuq it-tikketta għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)

dettalji tal-pajjiż tal-produzzjoni;

(b)

in-numru tal-konsenja;

(c)

id-data kemm jiflaħ;

(d)

l-istruzzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tat-temperatura tal-ħżin, jekk disponibbli;

(e)

informazzjoni oħra li normalment tkun fuq it-tikketta tal-ikel lest biex jittiekel ippakkjat.

Jekk l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) ma tkunx kollha preżenti fuq it-tikketta, dak li jieħu l-kampjun għandu jistaqsi lis-sid jew il-maniġer tal-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut għall-informazzjoni nieqsa fuq il-prodott u d-dettalji tat-tikketta u/jew jirreferi għall-pakkett tal-ingrossa għal dik l-informazzjoni.

Jekk it-tikketta tal-ikel lest biex jittiekel mhix ċara jew danneġġata, allura l-prodott m’għandux jinġabar bħala kampjun. Għandhom jinġabru żewġ kampjuni minn kull konsenja ta’ ħut affumikat jew gravad inkluż bħala kampjun. L-informazzjoni fuq it-tikketta, bħalma huma n-numri tal-konsenja, id-data sa meta l-prodott jista’ jinbigħ, għandha tkun eżaminata biex ikun żgurat li ż-żewġ kampjuni huma mill-istess konsenja. Wieħed minn dawn iż-żewġ kampjuni għandhom ikunu analizzati fil-jum li jasal il-kampjun fil-laboratorju u l-ieħor fi tmiem tal-ħajja fuq l-ixkaffa.

Għall-ġobon artab u nofsu artab u l-prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana, għandu jittieħed kampjun wieħed biss minn konsenja li tiġi analizzata fi tmiem ħajjitha fuq l-ixkaffa.

Il-kampjuni għandhom jitqiegħdu f’borża separata tal-kampjuni u jintbagħtu immedjatament lil-laboratorju għall-analiżi.

Għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet fl-istadji kollha sabiex jiżguraw li t-tagħmir użat matul it-teħid ta’ kampjuni, it-trasport u l-ħażna ma jkunux ikkontaminati bil-Listeria monocytogenes.

2.   Tagħrif dwar il-kampjun

L-informazzjoni relevanti kollha disponibbli li tikkonċerna l-kampjun għandha tkun rikordjata fuq formola tal-kampjun, li l-mudell tiegħu għandu jitfassal mill-awtorità kompetenti. Il-formola tal-kampjun għandha takkumpanja il-kampjun f’kull ħin. Fil-każ tal-kampjuni tal-ġobon ippakkjati fl-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut, għandu mnejn ikun neċessarju li tintalab l-informazzjoni dwar il-prodott meħtieġ u d-dettalji tat-tikketta u/jew għall-pakkett bl-ingrossa għal din l-informazzjoni.

Meta l-kampjuni jinġabru, it-temperatura tal-wiċċ tal-kampjuni ppakkjati għandha titkejjel u u tiġi rreġistrata fuq fil-formola tal-kampjun.

Kull kampjun u l-formola ta’ kampjun tiegħu għandu jingħatalhom tikketta b’numru uniku li jrid jintuża mill-mument tat-teħid ta’ kampjuni sal-ittestjar. L-awtorità kompetenti għandha tuża għal dan l-iskop sistema ta’ enumerazzjoni unika.

3.   Trasport tal-kampjuni

Il-kampjuni għandhom ikun trasportati f’kontejners imkessħin u għandhom jinżammu bejn 2 u 8 °C u ħielsa mill-kontaminazzjoni interna waqt it-trasportazzjoni.

Il-kampjuni kollha tal-ikel lest biex jittiekel għandhom jaslu fil-laboratorju f’24 siegħa mill-ħin li ttieħed il-kampjun.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali il-ħin tat-trasportazzjoni jista’ jaqbeż l-24 siegħa. Madankollu, il-ħin tat-trasportazzjoni m’għandux jieħu aktar minn 48 siegħa u fl-ebda ċirkostanza m’għandu l-ittestjar isir wara d-data tal-bejgħ tal-proddott miġbur bħala kampjun.

PARTI C

PREPARAZZJONI TAL-KAMPJUN U METODI ANALITIĊI

1.   Wasla tal-kampjuni

1.1.   Regoli Ġenerali

Kif jaslulhom il-kampjuni, il-laboratorji għandhom jivverifikaw it-tagħrif irreġistrat minn dak li ħa l-kampjun fuq il-formola tal-kampjun u jimlew it-taqsimiet relevanti kollha tal-formola tal-kampjun. Il-kampjuni kollha li jaslu għandhom jiġu eżaminati sabiex jiġi żgurat li l-ippakkjar tat-trasport huwa intatt qabel tinbeda l-ħażna. Il-kampjuni li jaslu f’temperatura ogħla mit-8 °C m’għandhomx ikunu aċċettati sakemm it-temperatura fl-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut ma kinitx ogħla mit-8 °C.

Mingħajr ħsara għall-punt 1.2, il-kampjuni kollha għandhom jinżammu fi friġġ sa tmiem ħajjithom fuq l-ixkaffa.

F’każijiet fejn il-kampjuni għandhom jinħażnu sa tmiem ħajjithom fuq l-ixkaffa, għandhom jinżammu fi friġġ.

(a)

Fit-temperatura tal-ħżin indikata fuq it-tikketta tal-ippakkjar. Jekk it-tikketta tindika intervall ta’ temperatura, il-kampjun għandu jinħażen fl-ogħla limitu tal-intervall tat-temperatura;

(b)

Jekk m’hemmx indikata l-ebda temperatura tal-ħżin speċifika fuq it-tikketta tal-ippakkjar, il-kampjun għandu jinżamm fi:

(i)

It-temperaturi tat-tkessiħ massimi definiti mil-leġiżlazzjoni jew il-gwida fis-seħħ fl-Istat Membru fejn jinġabar il-kampjun, b’tolleranza ta’ ± 2 °C.

(ii)

8 °C (± 2 °C) fejn tali leġiżlazzjoni jew gwida ma teżistix.

Jekk il-ħajja fuq l-ixkaffa tal-prodott fil-kampjun tispiċċa matul il-weekend jew vaganza nazzjonali, il-kampjun għandu jkun analizzat fl-aħħar jum tax-xogħol qabel tmiem il-ħajja fuq l-ixkaffa.

1.2.   Regoli speċjali li jikkonċernaw il-ħut affumikat u gravad

Wieħed miż-żewġ kampjuni huwa analizzat f’24 siegħa mill-ħin tal-wasla fil-laboratorju. Jekk dak il-kampjun ma jkunx analizzat immedjatament mal-wasla, għandu jinżamm fil-friġġ f’3 °C (± 2 °C) fil-laboratorju qabel l-analiżi.

It-tieni kampjun għandu jinżamm fil-friġġ sa tmiem ħajtu fuq l-ixkaffa.

2.   Il-preparazzjoni tal-kampjun u l-preparazzjoni ta’ sospensjoni inizjali

Għandha tkun evitata kontaminazzjoni minn kampjun għall-ieħor u mill-ambjent tal-madwar fl-istadji kollha. Il-kampjuni jintremew hekk kif l-analiżi tal-laboratorji jinbdew. Jekk l-analiżi titwaqqaf, pereżempju minħabba ħafna devjazzjonijiet mhux aċċettabbli fl-analiżi, għandhom jinkisbu kampjuni ġodda.

Jew il-prodott kollu, jew porzjon rappreżentattiv tat-test ta’ 100 jew 150 g għandu jittieħed għad-dilwizzjoni inizjali. L-ikel għandu jiddaħħal fil-kampjun biex jinkludi uċuħ li jirriflettu l-proporzjon li se jkun kkonsmat (bħalma hija 20 % qoxra/wiċċ u 80 % ġewwieni). Meta prodott ippakkjat jitqatta’ fi flieli, il-kampjun rispettiv jittieħed minn aktar minn qatgħa waħda tal-prodott. Il-porzjon tat-test għandu jinqata’ f’biċċiet żgħar u mqiegħed f’borża tal-istomacher filwaqt li jintuża strument sterili u teknika asettika. Minn dik it-taħlita, għandu jittieħed porzjon tat-test ta’ 10 g għall-enumerazzjoni u porzjon tat-test ta’ 25 g għad-detezzjoni.

Mal-volum tal-porzjon tat-test (10 g), jiżdiedu 9 volumi (90 ml) tad-dilwent u wara t-taħlita tiġi omogenizzata bl-użu tal-istomacher jew pulsifier għal minuta jew tnejn.

Buffered peptone water, kif deskritt f’EN ISO 11290-2 ‘Microbiology of food and animal feeding stuffs – Horizontal method for detection and enumeration of Listeria monocytogenes - Part 2: Colony-count technique’, jista’ jiġi applikat bħala dilwent għall-użu ġenerali.

Għad-dilwizzjoni tal-ġobon, għandha tintuża soluzzjoni taċ-ċitrat tas-sodju, kif deskritt f’EN ISO 6887-5 “Microbiology of food and animal feeding stuffs – Preparation of test samples, initial suspension and decimal dilutions for microbiological examination – Part 5: Regoli speċifiċ għall-preparazzjoni tal-ħalib u l-prodotti” tal-ħalib jistgħu jintużaw minflok il-buffered peptone water.

Id-detezzjoni u l-analiżi tal-enumerazzjoni tal-Listeria monocytogenes għandhom jitwettqu skont dawn li ġejjin:

(a)

għall-kampjuni tal-ħut affumikat u gravad żewġ għandhom jitwettqu settijiet ta’ analiżi:

(i)

immedjatament wara l-ġbir tal-kampjun fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u

(ii)

fi tmiem il-ħajja fuq l-ixkaffa;

(b)

għall-kampjuni tal-ġobon artab u nofsu artab u l-prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana, l-analiżi għandhom jitwettqu fi tmiem il-ħajja fuq l-ixkaffa.

2.1.   Id-detezzjoni tal-Listeria monocytogenes

Id-detezzjoni tal-Listeria monocytogenes għandha titwettaq skont il-verżjoni emendata tal-EN ISO 11290-1:1996 “Microbiology of food and animal feeding stuffs – Horizontal method for the detection and enumeration of Listeria monocytogenes – Part 1: Detection method”.

2.2.   L-enumerazzjoni tal-Listeria monocytogenes

L-enumerazzjoni tal-Listeria monocytogenes għandha titwettaq skont l-EN ISO 11290-2:1998 “Microbiology of food and animal feeding stuffs – Horizontal method for the detection and enumeration of Listeria monocytogenes – Part 2: Enumeration method” u l-modifika tagħha EN ISO 11290-2:1998/Amd 1:2004 “Modification of the enumeration medium”.

Jekk il-kampjun jinstab li jkun ikkontaminat, wieħed jista’ jassumi li l-maġġoranza tal-prodotti se jkun fihom livelli baxxi ta’ kontaminazzjoni tal-Listeria monocytogenes. Biex tkun possibbli l-istima ta’ numri żgħar fil-kampjuni (bejn l-10 u l-100 cfu/g), għandu jiġi ttestjat 1 ml mill-ewwel dilwizzjoni f’darbtejn kif indikat fl-EN ISO 11290-2:1998/Amd 1:2004:

(a)

ferrex fuq il-wiċċ ta’ tliet platti ta’ dijametru ta’ 90 mm, jew

(b)

ferrex fuq il-wiċċ ta’ platt wieħed ta’ dijametru ta’ 140 mm.

Minħabba l-possibbiltà ta’ livelli ogħla ta’ kontaminazzjoni tal-Listeria monocytogenes, għandu jitferrex 0.1 ml tad-dilwizzjoni primarja fuq il-wiċċ ta’ platt wieħed biex ikun hemm enumerazzjoni sa massimu ta’ 1.5 × 104 cfu/g. Dan ix-xogħol fuq il-platt għandu jitwettaq f’singlu kif previst fl-ISO 7218:2007 “Microbiology of food and animal feeding stuffs — General requirements and guidance for microbiological examinations”.

3.   L-analiżi tal-pH u tal-attività tal-ilma (aw) tal-ħut affumikat u gravad

3.1.   Determinazzjoni tal-pH

Id-determinazzjoni tal-pH tal-kampjun għandha titwettaq skont l-EN ISO 2917:1999 “Meat and meat products – Measurement of pH – Reference method”.

L-analiżi għandha titwettaq fuq kampjun ittestjat mal-wasla fil-laboratorju. It-teknika mhux distruttiva elenkata fil-metodu ISO hija rrakkomandata għall-kejl tal-pH tal-kampjun.

Ir-riżultat għandu jiġi rreġistrat sal-eqreb 0,05 unità tal-pH.

3.2.   Determinazzjoni tal-attività tal-ilma (aw)

Id-determinazzjoni tal-attività tal-ilma (aw) tal-kampjun għandha titwettaq skont l-EN ISO 21807:2004 “Microbiology of food and animal feeding stuffs – Determination of water activity”.

L-analiżi għandha titwettaq fuq kampjun ittestjat mal-wasla fil-laboratorju. Il-metodu għandu jkun kapaċi jopera fil-firxa ta’ 0,999 sa 0,9000 u l-limitu ta’ repetizzjoni għandu jikkorrispondi mad-devjazzjoni standard ta’ 0,002.

Il-valur irrapurtat għandu jkollu millinaqas żewġ ċifri sinifikanti.

4.   Ħażna ta’ iżolati

Għandha tinħażen razza waħda kkonfermata tal-Listeria monocytogenes għal kull kampjun pożittiv għal aktar studji tipiċi possibbli. Jekk jinġabru razez tal-Listeria monocytogenes kemm mill-metodu tad-detezzjoni kif ukoll mill-enumerazzjoni, għandhom jinħażnu biss l-iżolati mill-metodu tal-enumerazzjoni.

L-iżolati għandhom jinħażnu fil-laboratorji nazzjonali ta’ referenza bl-użu tal-metodu xieraq għall-ġbir tal-kultura sakemm dan jiżgura l-vijabilità tar-razez għal minimu ta’ sentejn.

PARTI D

RAPPURTAR

1.   Dispożizzjonijiet Ġenerali

L-informazzjoni li trid tkun irrapurtata mill-Istati Membri, sakemm hija disponibbli jew aċċessibbli, tikkonsisti f’żewġ kategoriji wesgħin:

(a)

ħarsa ġenerali tal-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat u r-riżultati; il-ħarsa ġenerali għadha tieħu l-forma ta’ rakkont testwali;

(b)

Dejta dettaljata individwali għal kull kampjun ittestjat bħala parti mill-pjan tat-teħid tal-kampjun; Din l-informazzjoni għandha tkun ippreżentata bħala dejta raffa billi jintuża d-Dizzjunarju tad-Dejta u l-formoli tal-ġbir tad-dejta previsti fl-Artikolu 5(2).

2.   L-Informazzjoni li trid tiddaħħal fil-ħarsa ġenerali tal-programm ikkoordinat ta’ monitoraġġ u r-riżultati

(a)

L-isem tal-Istat Membru;

(b)

Id-data tal-bidu u tat-tmiem tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi;

(c)

In-numru ta’ kampjuni ta’ ikel lest biex jittiekel miġbura u analizzati mill-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut.

(i)

ġobon artab u nofsu-artab,

(ii)

ħut ippakkjat affumikat u gravad,

(iii)

prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana;

(d)

Ir-riżultati globali:

il-prevalenza u l-proporzjon tal-kampjuni li jaqbżu l-limitu ta’ 100 cfu/g tal-Listeria monocytogenes fil-ġobon artab jew nofsu artab, il-ħut affumikat u gravad kif ukoll il-prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana koperti mill-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat.

(e)

Id-deskrizzjoni tas-swieq tal-ġobon artab u nofsu artab, il-ħut affumikat jew gravad kif ukoll l-prodotti ttrattati bis-sħana fl-Istat Membru:

(i)

daqs tas-suq assolut globali (jekk disponibbli),

(ii)

is-sehem mis-suq tat-tipi differenti tal-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut, ħwienet żgħar, speciality delis, swieq tat-triq (jekk disponibbli),

(iii)

is-sehem mis-suq tal-importazzjoni (il-kummerċ fl-Unjoni u importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u produzzjoni domestika (jekk disponibbli),

(iv)

is-sehem mis-suq tat-tipi differenti ta’ prodotti (jekk disponibbli);

(f)

Stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut fil-kampjun:

tip tal-kategoriji ta’ stabbilimenti koperti: eż. supermarkets, ħwienet żgħar eċċ.;

(g)

Distribuzzjoni ġeografika tat-teħid tal-kampjuni – bliet koperti (% tal-popolazzjoni umana koperta);

(h)

Deskrizzjoni tal-proċedura tal-kampjuni magħżula bl-addoċċ għall-bejgħ bl-imnut:

l-għażla bl-addoċċ tax-xahar;

(i)

Kumment dwar ir-rappreżentanza globali tal-programm tat-teħid tal-kampjuni;

(j)

Preparazzjoni tal-kampjun tat-test użat għall-kejl tal-pH;

(k)

Il-metodu analitiku użat għad-determinazzjoni tal-attività tal-ilma (aw).

3.   L-Informazzjoni li trid tkun inkluża fid-dejta dettaljata individwali għal kull kampjun

(a)

Tip ta’ kampjun:

(i)

ġobon artab u nofsu artab ippakkjat,

(ii)

ħut ippakkjat affumikat u gravad,

(iii)

prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana;

(b)

Sottotip tal-kampjun:

(i)

ġobon magħmul minn ħalib nej/termizzat/pastorizzat,

(ii)

ġobon magħmul minn ħalib imħallat tal-baqra/tan-nagħaġ/tal-mogħoż/tal-buflu,

(iii)

ġobon misjur bix-xaħam tiegħu stess, misjur bil-moffa, immaturat fis-salmura jew misjur ieħor,

(iv)

prodotti imqattgħin fi flieli jew mhux imqattgħin,

(v)

ħut affumikat jew gravad kiesaħ/sħun,

(vi)

l-ispeċi tal-ħut;

(c)

Preservattivi użati fil-ħut affumikat jew gravad (kif indikat fuq it-tikketta);

(d)

Il-qoxra tal-ġobon inkluża fl-analiżi tal-kampjun (iva/le, jekk iva allura l-proporzjon ukoll, jekk disponibbli);

(e)

Data tal-ġabra tal-kampjuni;

(f)

Id-data ta’ skadenza tal-prodott użat għall-kampjun;

(g)

Produzzjoni/id-data tal-ippakkjar (jekk disponibbli);

(h)

It-temperatura tal-wiċċ tal-kampjun fl-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut;

(i)

It-temperatura tal-ħżin fil-laboratorju sa tmiem il-ħajja fuq l-ixkaffa;

(j)

L-analiżi immedjatament wara t-teħid tal-kampjun (għall-ħut affumikat jew gravad biss)/tmiem il-ħajja fuq l-ixkaffa;

(k)

Id-data tal-bidu tal-analiżi fil-laboratorju;

(l)

Id-detezzjoni tal-Listeria monocytogenes:

riżultati kwalitattivi (assenza/presenza f25 g);

(m)

Il-kwantifikazzjoni tal-Listeria monocytogenes:

ir-riżultati kwantitattivi (cfu/g);

(n)

pH (ħut affumikat u gravad biss);

(o)

L-attività tal-ilma (aw) (ħut affumikat u gravad biss);

(p)

Kodiċi tal-belt;

(q)

Kodiċi tal-istabbiliment;

(r)

Tip ta’ bejjiegħ bl-imnut:

(i)

supermarket,

(ii)

ħanut żgħir/bejjiegħ bl-imnut indipendenti,

(iii)

speciality delis,

(iv)

suq tat-triq/suq tal-bdiewa;

(s)

Pajjiż tal-produzzjoni:

kif aċċertat b’referenza tal-marka ta’ identifikazzjoni fuq l-pakkett u d-dokumentazzjoni kummerċjali;

(t)

Pre-ippakkjat:

(i)

ippakkjat f’atmosfera modifikata,

(ii)

ippakkjat bil-vakum,

(iii)

ippakkjat fil-livell tal-bejgħ bl-imnut (għall-ġobon u l-prodotti tal-laħam biss);

(u)

Il-kwalità organolettika tal-kampjun.


ANNESS II

Numru ta’ kampjuni li għandhom jittieħdu għal kull kategorija ta’ ikel lest biex jittiekel fl-Istati Membri

(imsemmija fl-Artikolu 4(5))

Stat Membru

Popolazzjoni fl-1.1.2008

(dejta tal-Eurostat)

Daqs tal-kampjun stratifikat armonizzat

N

(Miljun)

%

Għal kull kategorija tal-ikel u stadju tal-analiżi (*1)

Daqs totali tal-kampjun

Il-Belġju - BE

10,7

2,1

60

240

Il-Bulgarija – BG

7,6

1,5

60

240

Ir-Repubblika Ċeka – CZ

10,4

2,1

60

240

Id-Danimarka – DK

5,576

1,1

60

240

Il-Ġermanja – DE

82,2

16,5

400

1 600

L-Estonja – EE

1,3

0,3

30

120

L-Irlanda – IE

4,4

0,9

30

120

Il-Greċja – EL

11,2

2,3

60

240

Spanja – ES

45,3

9,1

200

800

Franza – FR

63,8

12,8

400

1 600

L-Italja – IT

59,6

12,0

400

1 600

Ċipru – CY

0,8

0,2

30

120

Il-Latvja – LV

2,3

0,5

30

120

Il-Litwanja – LT

3,4

0,7

30

120

Il-Lussemburgu – LU

0,5

0,1

30

120

L-Ungerija – HU

10,0

2,0

60

240

Malta – MT

0,4

0,1

30

120

Il-Pajjiżi l-Baxxi – NL

16,4

3,3

60

240

L-Awstrija – AT

8,3

1,7

60

240

Il-Polonja – PL

38,1

7,7

200

800

Il-Portugall – PT

10,6

2,1

60

240

Ir-Rumanija – RO

21,5

4,3

60

240

Is-Slovenja – SI

2,0

0,4

30

120

Is-Slovakkja – SK

5,4

1,1

60

240

Il-Finlandja – FI

5,3

1,1

60

240

L-Isvezja – SE

9,2

1,8

60

240

Ir-Renju Unit – UK

61,2

12,3

400

1 600

Total UE

497,5

100,0

3 020

12 080


(*1)  Għall-ħut affumikat u gravad: żewġ kampjuni jinġabru mill-istess konsenja. Wieħed minn dawn iż-żewġ kampjuni ikunu analizzati fil-jum li jkunu wasal fil-laboratorju u l-ieħor fit-tmiem tal-ħajja fuq l-ixkaffa. (ara l-punt 1.2 tal-Parti C tal-Anness I)


ANNESS III

Kontribuzzjoni finanzjarja massima mill-Unjoni lill-Istati Membri

(f’EUR)

Stat Membru

Ammont totali massimu għal kofinanzjament ta’

Detezzjoni tal-Listeria mono- cytogenes

Enumerazzjoni tal-Listeria mono- cytogenes

pH

Attività tal-ilma

Total

Il-Belġju - BE

14 400

14 400

900

1 200

30 900

Il-Bulgarija – BG

14 400

14 400

900

1 200

30 900

Ir-Repubblika Ċeka – CZ

14 400

14 400

900

1 200

30 900

Id-Danimarka – DK

14 400

14 400

900

1 200

30 900

Il-Ġermanja – DE

96 000

96 000

6 000

8 000

206 000

L-Estonja – EE

7 200

7 200

450

600

15 450

L-Irlanda – IE

7 200

7 200

450

600

15 450

Il-Greċja – EL

14 400

14 400

900

1 200

30 900

Spanja – ES

48 000

48 000

3 000

4 000

103 000

Franza – FR

96 000

96 000

6 000

8 000

206 000

L-Italja – IT

96 000

96 000

6 000

8 000

206 000

Ċipru – CY

7 200

7 200

450

600

15 450

Il-Latvja – LV

7 200

7 200

450

600

15 450

Il-Litwanja – LT

7 200

7 200

450

600

15 450

Il-Lussemburgu – LU

7 200

7 200

450

600

15 450

L-Ungerija – HU

14 400

14 400

900

1 200

30 900

Malta – MT

7 200

7 200

450

600

15 450

Il-Pajjiżi l-Baxxi – NL

14 400

14 400

900

1 200

30 900

L-Awstrija – AT

14 400

14 400

900

1 200

30 900

Il-Polonja – PL

48 000

48 000

3 000

4 000

103 000

Il-Portugall – PT

14 400

14 400

900

1 200

30 900

Ir-Rumanija – RO

14 400

14 400

900

1 200

30 900

Is-Slovenja – SI

7 200

7 200

450

600

15 450

Is-Slovakkja – SK

14 400

14 400

900

1 200

30 900

Il-Finlandja – FI

14 400

14 400

900

1 200

30 900

L-Isvezja – SE

14 400

14 400

900

1 200

30 900

Ir-Renju Unit – UK

96 000

96 000

6 000

8 000

206 000

Total UE

724 800

724 800

45 300

60 400

1 555 300


ANNESS IV

Rapport finanzjarju ċċertifikat dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat tal-Listeria monocytogenes f’kategoriji magħżulin tal-ikel lest biex jittiekel

Perjodu tar-rapport … sa …

Dikjarazzjoni fuq l-ispejjez imġarrba fil-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat u eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarju mill-Unjoni

In-numru tar-referenza tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni: …

Spejjeż imġarrba marbuta ma’

Għadd ta’ testijiet

Total ta’ spejjeż imġarrba matul il-perjodu tar-rappurtar (munita nazzjonali)

Total ta’ spejjeż eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni

Detezzjoni tal-Listeria monocytogenes

 

 

 

Enumerazzjoni tal-Listeria monocytogenes

 

 

 

Determinazzjoni tal-pH

 

 

 

Attività tal-ilma (aw)

 

 

 

Dikjarazzjoni mill-benefiċjarju

Jiena niddikjara li

l-ispejjeż tal-Kummissjoni ta’ hawn fuq huma ġenwini u ntefqu għat-twettiq tal-kompiti stipulati f’din id-Deċiżjoni 2010/678/UE u kienu essenzjali għat-twettiq xieraq ta’ dawn il-kompiti,

id-dokumenti kollha li jsostnu dawn l-ispejjeż huma disponibbli għal skopijiet ta’ verifika,

l-ebda kontribuzzjoni oħra mill-Unjoni ma ntalbet għal dan il-programm ta’ monitoraġġ ikkoordinat,

Skont l-Artikolu 109.2 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002), din l-għotja ma ġġeneratx profitt għall-Istat Membru.

Data: …

Persuna responsabbli għall-finanzi: …

Firma: …