6.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 290/39


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Novembru 2010

li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta’ proġetti kummerċjali ta’ dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta’ CO2, f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli, fl-ambitu tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 7499)

(2010/670/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2008 appella lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista’ jkun tistabbilixxi mekkaniżmu bħala inċentiv għall-investimenti tal-Istati Membri u tas-settur privat biex sal-2015 jiġu żgurati l-bini u l-operazzjoni ta’ sa 12-il impjant ta’ dimostrazzjoni tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju (“CCS”).

(2)

L-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE jistabbilixxi mekkaniżmu għall-finanzjament ta’ proġetti kummerċjali ta’ dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta’ CO2, f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-ambjent (minn hawn ‘il quddiem, “proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS”), kif ukoll ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli (minn hawn ‘il quddiem, “proġetti ta’ dimostrazzjoni RES”). Sabiex jiġi żgurat li dan il-mekkaniżmu jiffunzjona bla xkiel, jeħtieġ li jiġu stabbiliti kemm ir-regoli u l-kriterji għall-għażla u l-implimentazzjoni ta’ dawk il-proġetti kif ukoll il-prinċipji bażiċi għall-konverżjoni tal-kwoti f’valur monetarju u għall-ġestjoni tad-dħul.

(3)

Fis-7 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni intitolata “L-Investiment fl-Iżvilupp ta’ Teknoloġiji b’livell baxx ta’ Karbonju” (2), li tenfasizza r-rwol tal-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni biex jiġi implimentat il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (il-Pjan SET) fir-rigward tal-proġetti ta’ dimostrazzjoni meħtieġa.

(4)

Il-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe element ta’ għajnuna mill-Istat tal-kontribuzzjoni finanzjarja globali minn sorsi pubbliċi skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat bil-għan li jiġi żgurat li l-finanzjament ikun fil-limitu meħtieġ għall-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-proġett, b’kunsiderazzjoni għall-effetti negattivi possibbli għall-kompetittività. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe finanzjament li jinvolvi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat sabiex tkun tista’ ssir il-koordinazzjoni tal-proċedura tal-għażla fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni mal-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

(5)

Il-finanzjament li jingħata fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni ma jagħmilx parti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant jista’ jiġi kkombinat ma’ finanzjament minn strumenti oħra, inklużi l-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni u l-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR). Jista’ jiġi kkombinat ukoll ma’ finanzjament ta’ self li jingħata fl-ambitu tal-Faċilità Finanzjarja tal-Qsim tar-Riskju (RSFF) stabbilita mill-Unjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

(6)

Sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni abbażi tas-sussidji bejn l-Istati Membri, il-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni għandu jiġi ffissat bħala l-50 % tal-ispejjeż rilevanti, sakemm l-ammont totali tal-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni ma jkunx ogħla mil-limitu ta’ 15 % tal-kwoti totali disponibbli, kif imsemmi fid-Direttiva 2003/87/KE, f’liema każ il-finanzjament għandu jiġi limitat għal 15 % tal-kwoti totali disponibbli. Il-finanzjament għandu jkun kumplementari għal kofinanzjament sostanzjali mill-operatur. Sabiex ma jingħatax trattament preferenzjali lill-proġetti ffinanzjati fl-ambitu tal-EEPR, mill-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni għandu jitnaqqas l-ammont ta’ finanzjament li jingħata mill-EEPR.

(7)

L-għan li jiġi stabbilit programm ta’ dimostrazzjoni tal-UE li jinkludi l-aħjar proġetti possibbli ta’ firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji f’lokalitajiet b’mod ekwilibrat mil-lat ġeografiku fit-territorju tal-Istati Membri, iż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom u l-pjattaformi kontinentali tagħhom, ma jistax jintlaħaq jekk l-għażla tal-proġetti ssir fuq livell nazzjonali. Għalhekk, l-għażla għandha ssir fuq livell tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza mal-proċeduri nazzjonali għall-għażla u l-finanzjament, l-Istati Membri għandhom jassumu r-responsabbiltà għall-ġbir tal-applikazzjonijiet għal finanzjament mill-isponsors u għall-valutazzjoni tal-proġetti abbażi tal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Peress li l-biċċa l-kbira tal-proġetti ffinanzjati fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni se jkunu kofinanzjati mill-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jiddeċiedu liema proġetti jixtiequ jappoġġaw, u liema applikazzjonijiet jixtiequ jissottomettu għall-proċess tal-għażla tal-Unjoni. F’każijiet fejn il-finanzjament ikollu komponent ta’ għajnuna mill-Istat, is-sottomissjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet mhijiex intiża li tieħu post in-notifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat. Ir-rwol tal-Istati Membri għandu jiġi msaħħaħ aktar billi l-Istati Membri rilevanti jerġgħu jiġu kkonsultati biex jikkonfermaw, meta jkun xieraq, il-valur u l-istruttura tal-kontribut totali tal-finanzjament pubbliku, u billi jippreżentaw l-abbozz tal-lista ta’ proġetti magħżula lill-Kumitat tat-Tibdil fil-Klima, inkluż dwar il-kwalità tal-proġetti, qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament.

(8)

Fid-dawl tal-għarfien li l-BEI għandu fl-għażla u l-finanzjament ta’ proġetti, il-Kummissjoni fittxet li tinvolvih fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-BEI qabel li, fuq talba tal-Kummissjoni, f’isimha u għaliha, għandu jwettaq xi impenji relatati mal-għażla ta’ proġetti, il-konverżjoni tal-kwoti f’valur monetarju u l-ġestjoni tad-dħul. It-termini u kundizzjonijiet speċifiċi tal-kooperazzjoni, inkluża r-rimunerazzjoni tal-BEI, għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-Kummissjoni u l-BEI, suġġett għall-approvazzjoni tal-entitajiet tal-BEI li huma responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-BEI għandu jingħata rimbors għat-twettiq ta’ dawk l-impenji mill-flus li jinkisbu permezz tal-ġestjoni tad-dħul.

(9)

Id-dħul disponibbli mit-300 miljun kwota għandu jiġi allokat permezz ta’ żewġ serje ta’ sejħiet għal proposti biex jippermetti, min-naħa waħda, li l-proġetti li jkunu fi stadju avvanzat jirċievu finanzjament sa mill-ewwel serje, u min-naħa l-oħra, li fit-tieni serje jkun hemm il-possibbiltà li jiġi aġġustat kwalunkwe żbilanċ ta’ natura teknika jew ġeografika. Meta, fl-ewwel serje jkun hemm nuqqas ta’ kompetizzjoni f’xi subkategorija partikolari ta’ proġetti, id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament għandhom jiġu posposti għat-tieni serje, biex jiġu użati kemm jista’ jkun il-fondi li jingħataw fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

Il-finanzjament li jingħata fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni għandu jingħata biss għal proġetti li fihom jintużaw teknoloġiji li huma innovattivi fir-rigward tas-subkategoriji prinċipali li jkunu attwalment fi stadju l-aktar avvanzat għal kull teknoloġija. Dawn it-teknoloġiji jridu jkunu għadhom mhux disponibbli fis-suq, iżda żviluppati biżżejjed li jkunu jistgħu jintwerew qabel ma jitqiegħdu fis-suq. Dawn it-teknoloġiji għandu jkollhom prospetti tajbin ta’ dimostrazzjoni b’suċċess, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li r-riskji teknoloġiċi huma inevitabbli, u l-iskala ta’ dimostrazzjoni proposta għandha tkun tali li t-tkabbir fl-iskala ma għandu jwassal għal ebda problema sinifikanti addizzjonali. Dawn it-teknoloġiji għandu jkollhom ukoll potenzjal għoli biex jiġu replikati, u b’hekk joffru prospetti sinifikanti għat-tnaqqis tas-CO2 b’mod kost-effettiv kemm fl-Unjoni kif ukoll globalment. Għalhekk, huma biss dawk il-proġetti li jaqgħu f’kategoriji speċifiċi ta’ proġetti u li jkunu konformi ma’ rekwiżiti speċifiċi stabbiliti f’din id-Deċiżjoni li jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli għall-finanzjament.

(11)

Sabiex tiġi żgurata d-diversità teknoloġika, għandhom jiġu ffinanzjati 8 proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS (b’tal-anqas proġett wieħed iżda mhux aktar minn tliet proġetti f’kull kategorija ta’ proġetti, b’tal-anqas tlieta bil-ħżin f’depożiti ta’ idrokarburi u tal-anqas tlieta bil-ħżin f’akwifer tal-ilma mielaħ) fl-ewwel serje ta’ sejħiet għal proposti, u għandu jiġi ffinanzjat proġett wieħed f’kull waħda mis-subkategoriji tal-proġetti RES fl-ewwel serje ta’ sejħiet ta’ proposti. Jekk ikun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għandhom jiġu ffinanzjati aktar proġetti, filwaqt li jinżamm il-bilanċ bejn proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS u dawk RES. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat il-bilanċ mil-lat ġeografiku, għandhom jiġu ffinanzjati tal-anqas proġett wieħed iżda mhux aktar minn tliet proġetti fi kwalunkwe Stat Membru. Minħabba n-natura tagħhom, Il-proġetti li jkunu intiżi li jitwettqu fit-territorju ta’ diversi Stati Membri ma għandhomx ikunu limitati permezz ta’ dawn il-kriterji.

(12)

Fil-prinċipju, għandhom jiġu magħżula proġetti li jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar l-għadd ta’ proġetti għal kull kategorija bl-aktar mod kost-effettiv.

(13)

Sabiex jiġi żgurat li l-proġetti magħżula jibdew jaħdmu kif ippjanat u li l-fondi jintużaw b’mod effiċjenti, id-deċiżjonijiet favur l-għoti ta’ finanzjament għandhom isiru bil-kundizzjoni li jinħarġu l-permessi nazzjonali rilevanti kollha skont ir-rekwiżiti rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u li d-deċiżjonijiet finali min-naħa tal-isponsors dwar l-investiment jittieħdu f’perjodu ta’ żmien speċifiku minn meta jingħataw id-deċiżjonijiet favur l-għoti ta’ finanzjament.

(14)

L-Istati Membri għandhom iqassmu d-dħul għal proġetti abbażi ta’ strumenti legali vinkolanti. Kif teżiġi d-Direttiva 2003/87/KE, dan it-tqassim għandu jsir kull sena, abbażi tal-ammont ta’ CO2 maħżun għal proġetti ta’ dimostrazzjoni CSS kif rappurtat, monitorjat u vverifikat skont id-Direttiva 2003/87/KE, u abbażi tal-ammont ta’ enerġija prodotta għall-proġetti RES. Madankollu, meta l-Istati Membri jiggarantixxu li jirritornaw kwalunkwe finanzjament eċċessiv, għandu jkun possibbli li jitqassam parti mill-finanzjament jew il-finanzjament kollu għal proġett qabel ma dak il-proġett jibda jitħaddem. Fid-dawl tal-importanza partikolari li l-qsim tal-għarfien għandu fil-kuntest ta’ programm ta’ dimostrazzjoni, il-fondi għandhom jitqassmu biss jekk ir-rekwiżiti tal-qsim tal-għarfien jiġu sodisfatti.

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli u l-kriterji għal:

(1)

l-għażla ta’ proġetti kummerċjali ta’ dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta’ CO2, f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-ambjent (“proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS”), u proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli (“proġetti ta’ dimostrazzjoni RES”) imsemmija fid-Direttiva 2003/87/KE;

(2)

il-konverżjoni f’valur monetarju tal-kwoti msemmija fid-Direttiva 2003/87/KE għall-appoġġ ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS u RES, u l-ġestjoni tad-dħul relatat;

(3)

it-tqassim ta’ dħul u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS u RES.

Din id-Deċiżjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-konverżjoni tal-kwoti f’valur monetarju, għandha tkun bla ħsara għal atti ta’ implimentazzjoni oħra adottati skont id-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 2

Prinċipji

1.   L-għadd ta’ kwoti fir-riżerva tal-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq imsemmija fl-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jkun 300 miljun.

2.   L-għażla ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS u RES għall-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni għandha sseħħ f’żewġ serje ta’ sejħiet għal proposti li jiġu organizzati mill-Kummissjoni u indirizzati lill-Istati Membri, li jkopru l-ekwivalenti ta’ 200 miljun kwota għall-ewwel serje ta’ sejħiet għal proposti, u l-ekwivalenti ta’ 100 miljun kwota flimkien mal-kwoti li jifdal mill-ewwel serje ta’ sejħiet għal proposti għat-tieni serje ta’ sejħiet għal proposti.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-raba’ sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun 50 % tal-ispejjeż rilevanti. Meta t-total tal-finanzjament pubbliku rikjest ikun inqas minn 50 % tal-ispejjeż rilevanti, it-total tal-finanzjament pubbliku rikjest għandu jiġi ffinanzjat fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni.

Madankollu, meta l-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni jiġi kkombinat ma’ finanzjament mill-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR), il-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni għandu jitnaqqas bl-ammont ta’ finanzjament li jkun ġej mill-EEPR.

Artikolu 3

Spejjeż rilevanti

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 2(3), għandhom japplikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-ispejjeż rilevanti ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS għandhom ikunu dawk l-ispejjeż ta’ investiment li l-proġett iġarrab minħabba l-applikazzjoni tas-CCS, netti mill-valur nett attwali tal-aħjar stima tal-ispejjeż u l-benefiċċji tat-tħaddim derivati mill-applikazzjoni tas-CCS matul l-ewwel għaxar snin ta’ tħaddim.

3.   L-ispejjeż rilevanti ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni RES għandhom ikunu dawk l-ispejjeż ta’ investiment addizzjonali li l-proġett iġarrab b’riżultat tal-applikazzjoni ta’ teknoloġija innovattiva ta’ enerġija rinnovabbli, netti mill-valur nett attwali tal-aħjar stima tal-ispejjeż u l-benefiċċji tat-tħaddim derivati matul l-ewwel ħames snin, imqabbla ma’ produzzjoni konvenzjonali tal-istess kapaċità, f’termini ta’ produzzjoni effettiva ta’ enerġija.

4.   L-ispejjeż ta’ investiment imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom ikopru l-ispejjeż ta’ investiment f’artijiet, impjanti u tagħmir.

L-ispejjeż ta’ investiment jistgħu jirreferu wkoll għal investiment fi trasferiment ta’ teknoloġija u liċenzji tat-tħaddim ta’ knowhow (minn hawn ‘il quddiem, “assi intanġibbli”), meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-assi intanġibbli jista’ jitqies bħala assi deprezzabbli;

(b)

l-assi intanġibbli jinxtara b’kundizzjonijiet tas-suq bl-aktar prezz baxx possibbli;

(c)

l-assi intanġibbli jibqa’ fl-istabbilment tal-benefiċjarju għal mill-inqas ħames snin.

Jekk l-assi intanġibbli jinbiegħ qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu, ir-rendiment tal-bejgħ għandu jitnaqqas mill-ispejjeż rilevanti.

5.   L-ispejjeż u benefiċċji netti tat-tħaddim imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar stima tal-ispejjeż tat-tħaddim imġarrba mill-proġett fir-rigward tal-ispejjeż tal-produzzjoni u jqisu l-benefiċċji addizzjonali kollha derivati minn skemi ta’ appoġġ anke jekk ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, l-ispejjeż evitati u l-miżuri ta’ inċentiva fiskali eżistenti.

Artikolu 4

Rwol tal-BEI

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandu jwettaq l-impenji tiegħu fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni fuq talba ta’, f’isem u għall-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli fil-konfront ta’ partijiet terzi.

Il-BEI għandu jingħata rimbors għat-twettiq ta’ dawk l-impenji mill-flus li jinkisbu permezz tal-ġestjoni tad-dħul.

Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jidħlu fi ftehim li jistabbilixxi t-termini u kundizzjonijiet speċifiċi li l-BEI għandu jirrispetta fit-twettiq tal-impenji tiegħu.

Artikolu 5

Proċedura tal-għażla

1.   Is-sejħiet għal proposti għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Istati Membri għandhom jiġbru l-applikazzjonijiet għall-finanzjament tal-proġetti li huma mistennija li jitwettqu fit-territorju tagħhom.

Madankollu, fil-każ li proġett ikun intiż li jitwettaq fit-territorju ta’ diversi Stati Membri (minn hawn ‘il quddiem, “proġett transkonfinali”), l-Istat Membru li jirċievi l-applikazzjoni għall-finanzjament għandu jinforma b’dan lill-Istati Membri l-oħra konċernati u għandu jikkoopera mal-Istati Membri l-oħra sabiex tintlaħaq deċiżjoni komuni dwar is-sottomissjoni tal-proġett mill-Istat Membru li jirċievi l-applikazzjoni għall-finanzjament.

3.   L-Istati Membri għandhom jivvalutaw jekk proġett jissodisfax il-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 6. Meta dan ikun il-każ u meta l-Istat Membru jappoġġa l-proġett, dak l-Istat Membru għandu jissottometti l-proposta lill-BEI u jinforma lill-Kummissjoni dwarha.

Meta jissottometti proposti għall-finanzjament, l-Istat Membru għandu jipprovdi l-informazzjoni segwenti għal kull proġett:

(a)

l-ispejjeż rilevanti, f’euro, imsemmija fl-Artikolu 2(3);

(b)

it-total ta’ finanzjament pubbliku rikjest, f’euro, li huwa l-ispejjeż rilevanti wara li minnhom jitnaqqas kwalunkwe kontribut tal-operatur għal dawk l-ispejjeż;

(c)

l-aħjar stima tal-valur nett attwali tal-benefiċċji addizzjonali derivati minn skemi ta’ appoġġ kif ikkalkulat skont l-Artikolu 3(5);

(d)

għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS, l-ammont totali previst ta’ CO2 maħżun fl-ewwel għaxar snin ta’ tħaddim, jew, għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni RES, l-ammont totali previst ta’ enerġija prodotta fl-ewwel ħames snin ta’ tħaddim.

L-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe finanzjament għall-proġett li jinvolvi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat sabiex tkun tista’ ssir il-koordinazzjoni tal-proċedura tal-għażla mal-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

4.   Abbażi tal-proposti sottomessi skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-BEI għandu jwettaq valutazzjoni tal-vijabbiltà finanzjarja u teknika (id-diliġenza finanzjarja u teknika dovuta) tal-proġett skont l-Artikolu 7.

Meta din il-valutazzjoni titlesta b’riżultat pożittiv, skont l-Artikolu 8 l-BEI għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet, lill-Kummissjoni, għad-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament.

5.   Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4, wara li l-Istati Membri rilevanti jerġgħu jiġu kkonsultati biex jikkonfermaw, meta jkun xieraq, il-valur u l-istruttura tal-kontribut totali tal-finanzjament pubbliku, u wara li tingħata l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tibdil fil-Klima skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (3), il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament indirizzati lill-Istati Membri rilevanti, fejn tindika l-finanzjament, f’euro, li jingħata lill-proġġetti konċernati.

Artikolu 6

Kriterji ta’ eliġibbiltà

1.   Proġett għandu jkun eliġibbli għall-finanzjament, meta jiġu sodisfatti dawn il-kriterji:

(a)

il-proġett għandu jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji stipulati fil-Parti A tal-Anness I;

(b)

il-proġett għandu jkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-Parti B tal-Anness I;

(c)

il-proġetti elenkati fil-Parti A.II tal-Anness I għandhom ikunu ta’ natura innovattiva. Teknoloġiji eżistenti u rikonoxxuti mhumiex eliġibbli.

2.   Meta Stat Membru ma jkunx f’pożizzjoni li jissottometti lill-BEI skont l-Artikolu 5(3) proposti għal proġetti li jaqgħu taħt xi waħda mis-subkategoriji speċifikati fil-Parti A.II tal-Anness I li jissodisfaw il-limiti rilevanti, dak l-Istat Membru jista’ jissottometti proposti għal proġetti li ma jilħqux il-limiti rilevanti għal xi waħda mis-subkategoriji kkonċernati u dawn jitqiesu bħala eliġibbli għall-finanzjament b’deroga mill-paragrafu 1.

Artikolu 7

Diliġenza finanzjarja u teknika dovuta

Il-BEI għandu jwettaq il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta ta’ kwalunkwe proġett propost skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fis-sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 5(1), li mill-inqas għandha tkopri l-aspetti li ġejjin:

(1)

ambitu tekniku;

(2)

spejjeż;

(3)

finanzjament;

(4)

implimentazzjoni;

(5)

tħaddim;

(6)

impatt fuq l-ambjent;

(7)

proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti.

Artikolu 8

Għażla tal-proġetti

1.   Għandhom jiġu ffinanzjati tmien proġetti li jaqgħu taħt il-Parti A.I tal-Anness I u proġett wieħed f’kull waħda mis-subkategoriji tal-proġetti speċifikati fil-Parti A.II tal-Anness I.

Madankollu, meta jkun hemm biżżejjed riżorsi, jistgħu jiġu ffinanzjati aktar proġetti, filwaqt li jinżamm il-bilanċ bejn proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS u dawk RES.

Meta, f’subkategorija partikolari, jitressqu mhux aktar minn żewġ proposti, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-impatt possibbli tan-numru limitat ta’ proposti fuq il-kompetizzjoni għall-għażla fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni, u tista’, fejn ikun xieraq, tiddeċiedi li tipposponi d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament fis-subkategorija rilevanti għat-tieni serje ta’ sejħiet għal proposti.

2.   Il-proġetti għandhom jiġu kklassifikati f’ordni tal-ispiża tagħhom għal kull unità ta’ rendiment, mill-inqas għall-ogħla. Il-proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS għandhom jiġu kklassifikati bħala grupp wieħed. Il-proġetti ta’ dimostrazzjoni RES għandhom jiġu kklassifikati f’kull waħda mis-subkategoriji speċifikati fil-Parti A.II tal-Anness I.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-ispiża għal kull unità ta’ rendiment għandha tiġi kkalkulata bħala t-total tal-ammonti speċifikati fl-Artikolu 5(3)(b) u (c), diviż bl-ammont totali previst ta’ CO2 maħżun fl-ewwel għaxar snin ta’ tħaddim għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS, jew, l-ammont totali previst ta’ enerġija prodotta fl-ewwel ħames snin ta’ tħaddim għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni RES.

Meta l-Istati Membri rilevanti jikkonfermaw, skont l-Artikolu 5(5), li hemm finanzjament pubbliku suffiċjenti għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS, għandhom jintgħażlu l-proġetti kklassifikati bħala l-ogħla fl-ordni ta’ klassifikazzjoni tagħhom, sakemm jiġu sodisfatti l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

f’kull kategorija ta’ proġetti jintgħażlu tal-anqas proġett wieħed iżda mhux aktar minn tliet proġetti;

(b)

jintgħażlu tal-anqas tliet proġetti bil-ħżin f’depożiti ta’ idrokarburi; u

(c)

jintgħażlu tal-anqas tliet proġetti bil-ħżin f’akwifer tal-ilma mielaħ.

Meta dawk il-kriterji ma jiġux sodisfatti, il-proġett li jkun qed jitqies għall-għażla ma għandux jintagħżel, u għandu jitqies għall-għażla l-proġett ikklassifikat warajh. Din il-proċedura għandha tiġi ripetuta sakemm jintgħażlu tmien proġetti.

Meta l-Istati Membri rilevanti jikkonfermaw, skont l-Artikolu 5(5), li hemm finanzjament pubbliku suffiċjenti għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni RES, għandu jintagħżel il-proġett ikklassifikat bħala l-ogħla f’kull waħda mis-subkategoriji. Meta f’ebda waħda miż-żewġ serje ta’ sejħiet għal proposti ma jkun hemm proġetti eliġibbli u li jkunu finanzjarment u teknikament vijabbli f’waħda jew aktar mis-subkategoriji ta’ proġetti, għandu jiġi ffinanzjat għadd korrispondenti ta’ proġetti addizzjonali f’subkategoriji oħra tal-istess kategorija ta’ proġett. Id-dettalji għandhom jiġu speċifikati fis-sejħa għalproposti skont l-Artikolu 5(1).

Il-proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS magħżula għandhom jikkostitwixxu kollettivament “il-grupp CCS” u l-proġetti ta’ dimostrazzjoni RES magħżula għandhom jikkostitwixxu kollettivament “il-grupp RES”.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, meta t-talba totali għall-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni tkun ogħla mill-fondi disponibbli, l-għadd ta’ proġetti magħżula għandu jitnaqqas sabiex it-talba għall-finanzjament tonqos bl-istess proporzjon f’kull wieħed mill-gruppi msemmija fit-tielet u fil-ħames subparagrafi tal-paragrafu 2.

Għal kull wieħed mill-gruppi, għandu jitneħħa mill-għażla l-ewwel dak il-proġett li jkun jirrappreżenta l-ogħla spiża għal kull unità ta’ rendiment, filwaqt li wara għandu jitneħħa mill-għażla dak il-proġett li jkun jirrappreżenta l-ogħla spiża għal kull unità ta’ rendiment f’kategorija oħra. Il-proċedura għandha tiġi ripetuta sakemm il-finanzjament rikjest ikun kopert mill-fondi disponibbli.

4.   Suġġett għad-disponibbiltà tal-proposti sottomessi lill-BEI skont l-Artikolu 5(3) u rakkomandati mill-BEI lill-Kummissjoni għal deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament skont l-Artikolu 5(4), għandhom jiġu ffinanzjati tal-anqas proġett wieħed iżda mhux aktar minn tliet proġetti fi kwalunkwe Stat Membru.

Madankollu, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-proġetti transkonfinali.

Artikolu 9

Deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament

Id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament għandhom isiru bil-kundizzjoni li jinħarġu l-permessi nazzjonali rilevanti kollha skont ir-rekwiżiti rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li tinkiseb l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ proġett, u li jittieħdu d-deċiżjonijiet finali ta’ investiment min-naħa tal-isponsors, fi żmien 24 xahar mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament.

Fir-rigward ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS, bil-ħżin f’akwifer tal-ilma mielaħ, id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament għandhom isiru bil-kundizzjoni li jinħarġu l-permessi nazzjonali rilevanti kollha skont ir-rekwiżiti rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li tinkiseb l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ proġett, u li jittieħdu d-deċiżjonijiet finali ta’ investiment min-naħa tal-isponsors, fi żmien 36 xahar mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament.

F’każ li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel jew fit-tieni paragrafi ma jiġux sodisfatti, id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament ma jibqax ikollhom effett legali.

Artikolu 10

Konverżjoni tal-kwoti f’valur monetarju u ġestjoni tad-dħul

1.   Għall-finijiet tal-konverżjoni tal-kwoti f’valur monetarju u l-ġestjoni tad-dħul, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’isem l-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li t-300 miljun kwota msemmija fl-Artikolu 2(1) jiġu ttrasferiti lill-BEI sabiex dan iwettaq il-konverżjoni tagħhom f’valur monetarju u l-ġestjoni tad-dħul.

3.   Il-BEI għandu jbigħ il-kwoti għall-ewwel serje ta’ sejħiet għal proposti qabel ma jiġu adottati d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament mill-Kummissjoni għal kull serje ta’ sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 5(1).

Il-BEI għandu jiġġestixxi d-dħul u jgħaddih lill-Istati Membri kif meħtieġ għat-tqassim skont l-Artikolu 11.

Artikolu 11

Tqassim tad-dħul u użu ta’ dħul mhux imqassam

1.   L-Istati Membri għandhom iqassmu d-dħul lill-isponsors ta’ proġetti abbażi ta’ strumenti legalment vinkolanti li mill-inqas, għandhom jistipulaw l-elementi li ġejjin:

(a)

il-proġett u l-finanzjament mogħti f’euro;

(b)

id-data ta’ meta jibda t-tħaddim;

(c)

ir-rekwiżiti għall-qsim tal-għarfien skont l-Artikolu 12;

(d)

ir-rekwiżiti li jikkonċernaw it-tqassim tad-dħul skont il-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu;

(e)

ir-rekwiżiti ta’ rappurtar skont l-Artikolu 13;

(f)

l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 9.

Għall-ewwel serje ta’ sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 5(1), id-data ta’ meta jibda t-tħaddim imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tkun mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015 ħlief meta d-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ finanzjament rispettiva tkun adottata wara l-31 ta’ Diċembru 2011, f’liema każ id-data ta’ meta jibda t-tħaddim għandha tkun mhux aktar tard minn erba’ snin mid-data tad-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ finanzjament.

2.   It-tqassim għandu jsir kull sena. L-ammont li jitqassam għandu jkun, għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS, l-ammont ta’ CO2 maħżun fis-sena rilevanti kif immonitorjat, irrappurtat u vverifikat skont l-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2003/87/KE mmultiplikat bir-rata tal-finanzjament, u għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni RES, l-ammont ta’ enerġija prodotta mmultiplikat bir-rata tal-finanzjament.

Ir-rata tal-finanzjament għandha tiġi kkalkulata billi l-finanzjament mogħti jiġi diviż b’75 % tal-ammont totali previst ta’ CO2 maħżun fl-ewwel għaxar snin ta’ tħaddim fil-każ ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS, jew, b’75 % tal-ammont totali previst ta’ enerġija prodotta fl-ewwel ħames snin ta’ tħaddim fil-każ ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni RES.

3.   It-tqassim għal sena partikolari għandu jsir biss meta, għal dik is-sena, ir-rekwiżiti għall-qsim tal-għarfien ikunu ġew sodisfatti.

4.   It-tqassim għandu jiġi limitat għal perjodu ta’ għaxar snin mid-data msemmija fil-paragrafu 1(b) fil-każ ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS, u għal perjodu ta’ ħames snin minn dik id-data fil-każ ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni RES. It-total tal-fondi mqassma ma għandux jeċċedi l-finanzjament mogħti msemmi fil-paragrafu 1(a).

5.   Meta l-Istat Membru konċernat jiggarantixxi li kwalunkwe finanzjament li jeċċedi l-finanzjament stabbilit skont il-paragrafi 2, 3 u 4 jkun se jingħata lura lill-BEI, parti mill-finanzjament għal proġett jew il-finanzjament kollu għalih jista’ jitqassam qabel ma dak il-proġett jibda jitħaddem skont l-ispeċifikazzjonijiet stipulati fid-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ finanzjament.

6.   Mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 4, id-dħul li ma jitqassamx lill-proġetti u l-flus li jinkisbu mill-ġestjoni tad-dħul, għandhom jintużaw għall-kofinanzjament ta’ aktar proġetti ta’ dimostrazzjoni fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni sal-31 ta’ Diċembru 2015.

L-Istati Membri għandhom jagħtu lura lill-BEI kwalunkwe dħul li ma jkunx tqassam.

Wara l-31 ta’ Diċembru 2015, il-fondi kollha li jista’ jkun fadal għandhom jingħataw lill-Istati Membri skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 12

Qsim tal-għarfien

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi ta’ proġetti, il-membri ta’ konsorzji, il-fornituri u s-subappaltaturi kollha li jirċievu benefiċċji sostanzjali għall-iżvilupp tal-prodott jew servizz tagħhom permezz tal-finanzjament pubbliku pprovdut, jaqsmu l-informazzjoni dwar l-elementi stipulati fl-Anness II ma’ operaturi ta’ proġetti oħra, awtoritajiet pubbliċi, istituzzjonijiet tar-riċerka, organizzazzjonajiet mhux governattivi u l-pubbliku skont l-ispeċifikazzjonijiet supplementari stipulati fis-sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 5(1).

Il-qsim tal-informazzjoni għandu jseħħ fuq bażi annwali u għandu jinkludi l-informazzjoni kollha li tiġi ġġenerata u pproċessata f’sena partikolari.

Artikolu 13

Rappurtar mill-Istati Membri

Matul il-perjodi msemmija fl-Artikolu 11(4), l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, jissottomettu rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti lill-Kummissjoni.

Għal kull proġett, dawn ir-rapporti għandhom jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(1)

l-ammont ta’ CO2 maħżun jew ta’ enerġija nadifa prodotta;

(2)

il-fondi mqassma;

(3)

kwalunkwe problemi sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-proġett.

Artikolu 14

Rappurtar mill-Kummissjoni

Wara li titlesta l-ewwel serje ta’ sejħiet għal proposti, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kumitat tat-Tibdil fil-Klima dwar l-implimentazzjoni ta’ dik is-serje ta’ sejħiet għal proposti, fejn tindika jekk tkunx meħtieġa xi emenda għal din id-Deċiżjoni bl-għan li jiġi żgurat bilanċ mil-lat ġeografiku u dak tekniku fit-tieni serje ta’ sejħiet għal proposti.

Artikolu 15

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Connie HEDEGAARD

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  COM(2009) 519 finali.

(3)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


ANNESS I

KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

A.   KATEGORIJI TAL-PROĠETTI

I.   Kategoriji ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS (b’limiti minimi ta’ kapaċità  (1) )

il-produzzjoni tal-enerġija: qabel il-kombustjoni 250 MW;

il-produzzjoni tal-enerġija: wara l-kombustjoni 250 MW;

il-produzzjoni tal-enerġija: oxyfuel 250 MW;

applikazzjonijiet industrijali li jimplimentaw (a) it-teknoloġija CCS f’raffineriji b’500 kilotunnellati fis-sena (kt/y) ta’ CO2 maħżuna minn sors wieħed jew aktar ġewwa r-raffinerija; (b) l-applikazzjoni tat-teknoloġija CCS fi fran tas-siment b’500 kt/y ta’ CO2 maħżuna; (c) l-applikazzjoni tat-teknoloġija CCS għal metodi ta’ produzzjoni primarja ta’ ħadid u azzar, b’500 kt/y ta’ CO2 maħżuna; jew (d) l-applikazzjoni tat-teknoloġija CCS għal metodi ta’ produzzjoni primarja ta’ aluminju, b’500 kt/y ta’ CO2 maħżuna;

II.   Kategoriji ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni RES innovattivi (b’limiti minimi ta’ kapaċità)

Subkategoriji ta’ proġetti fis-settur tal-bijoenerġija:

Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’vetturi bijoenerġetiċi intermedji solidi, likwidi jew semilikwidi permezz ta’ piroliżi, b’kapaċità ta’ 40 kt/y tal-prodott finali;

Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’vetturi bijoenerġetiċi intermedji solidi, likwidi jew semilikwidi permezz ta’ torrefazzjoni, b’kapaċità ta’ 40 kt/y tal-prodott finali;

Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’Gass Naturali Sintetiku jew gass ta’ sinteżi u/jew f’enerġija permezz tal-gassifikazzjoni, b’kapaċità ta’ 40 miljuni ta’ metri kubi normali fis-sena (M Nm3/y) tal-prodott finali jew 100 GWh/y ta’ enerġija elettrika;

Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’bijofjuwils jew bijolikwidi u/jew f’enerġija inkluż permezz ta’ gassifikazzjoni b’tisħin dirett b’kapaċità ta’ 15-il miljun litru fis-sena (Ml/y) tal-prodott finali jew 100 GWh/y ta’ enerġija elettrika. Il-produzzjoni ta’ Gass Naturali Sintetiku hija eskluża minn din is-subkategorija;

Konverżjoni ta’ materja prima linjoċelluloża, bħalma huma likur iswed u/jew prodotti ta’ piroliżi jew torrefazzjoni, permezz ta’ gassifikazzjoni ta’ fluwidi li jġorru partikuli, fi kwalunkwe bijofjuwil b’kapaċità ta’ 40 Ml/y tal-prodott finali;

Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’enerġija elettrika b’effiċjenza ta’ 48 % abbażi ta’ valur kalorifiku inferjuri (umdità ta’ 50 %) b’kapaċità ta’ 40 MWe jew ogħla;

Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’etanol u alkoħols superjuri permezz ta’ proċessi kimiċi u bijoloġiċi, b’kapaċità ta’ 40 Ml/y tal-prodott finali;

Konverżjoni ta’ linjoċelluloża u/jew ta’ skart tad-djar f’bijogass, f’bijofjuwils jew bijolikwidi permezz ta’ proċessi kimiċi u bijoloġiċi, b’kapaċità ta’ 6 MNm3/y ta’ Metanu jew 10 Ml/y tal-prodott finali

Konverżjoni ta’ alka u/jew mikro-organiżmi f’bijofjuwils u bijolikwidi permezz ta’ proċessi kimiċi u/jew bijoloġiċi, b’kapaċità ta’ 40 Ml/y tal-prodott finali;

Nota: Għall-bijofjuwils u l-bijolikwidi skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (2), għandhom jiġu sodisfatti l-kriterji ta’ sostenibbiltà kif stipulati f’dik id-Direttiva.

Enerġija solari konċentrata – subkategoriji ta’ proġetti:

Sistema parabolika-ċilindrika jew sistema Fresnel li tuża mluħ imdewba jew likwidi oħra ta’ trasferiment tas-sħana li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, b’kapaċità nominali ta’ 30 MW;

Sistema parabolika-ċilindrika jew sistema Fresnel ibbażata fuq il-Produzzjoni Diretta ta’ Fwar, b’kapaċità nominali ta’ 30 MW. It-temperatura tal-fwar prodott direttament għandha tkun ogħla minn 500 °C;

Sistema ta’ torri li tuża ċiklu ta’ fwar b’temperatura għolja (jew sistema ta’ torrijiet multipli, jew taħlita ta’ kolletturi linjari u torri wieħed), b’kapaċità nominali ta’ 50 MW;

Sistema ta’ torri li tuża l-arja miżmuma fi pressjoni atmosferika ogħla minn dik ambjentali b’temperatura ogħla minn 750 °C u turbina ibrida solari u tal-gass, b’kapaċità nominali ta’ 30 MW;

Impjanti tal-enerġija ta’ daqs kbir b’dixx Stirling b’effiċjenza ta’ konverżjoni tal-enerġija solari f’enerġija elettrika ta’ aktar minn 20 % u b’kapaċità nominali ta’ mill-inqas 25 MW;

Nota: L-impjanti ta’ dimostrazzjoni jistgħu jinkludu sistemi ta’ dry cooling u sistemi ibridi, kif ukoll sistemi (avvanzati) ta’ ħżin tas-sħana.

Subkategoriji ta’ proġetti fis-settur fotovoltajku:

Impjanti tal-enerġija fotovoltajka ta’ daqs kbir, b’kapaċità nominali ta’ 20 MW;

Impjanti tal-enerġija fotovoltajka ta’ daqs kbir li jużaw multi-junction Si-thin-film, b’kapaċità nominali ta’ 40 MW;

Impjanti tal-enerġija fotovoltajka ta’ daqs kbir li jużaw ċelloli tal-Copper indium gallium (di)selenide (CIGS), b’kapaċità nominali ta’ 40 MW;

Subkategoriji ta’ proġetti fis-settur ġeotermiku:

Sistemi ġeotermiċi mtejba fil-qasam tas-stress tat-tensjoni, b’kapaċità nominali ta’ 5 Mwe;

Sistemi ġeotermiċi mtejba fil-qasam tas-stress tal-kompressjoni, b’kapaċità nominali ta’ 5 Mwe;

Sistemi ġeotermiċi mtejba f’żoni bi blat, sedimentarju u granit, kumpatt u fond u strutturi kristallini oħra, b’kapaċità nominali ta’ 5 Mwe;

Sistemi ġeotermiċi mtejba f’żoni ta’ ġebla franka fil-fond, b’kapaċità nominali ta’ 5 Mwe;

Nota: L-applikazzjonijiet ta’ Sħana u Enerġija Kombinata (CHP) bl-istess limiti ta’ enerġija elettrika huma eliġibbli wkoll

Subkategoriji ta’ proġetti fis-settur tal-enerġija mir-riħ:

Enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut (l-iżgħar daqs tat-turbini: 6 MW), b’kapaċità nominali ta’40 MW;

Enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut (l-iżgħar daqs tat-turbini: 8 MW), b’kapaċità nominali ta’ 40 MW;

Enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut (l-iżgħar daqs tat-turbini: 10 MW), b’kapaċità nominali ta’ 40 MW;

Sistemi ta’ enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut li jżommu f’wiċċ il-baħar, b’kapaċità nominali ta’ 25 MW;

Turbini tar-riħ fuq l-art adattati għall-aħjar użu fuq terreni kumplessi (bħalma huma terreni bl-imsaġar, żoni muntanjużi): b’kapaċità nominali ta’ 25 MW;

Turbini tar-riħ fuq l-art adattati għall-aħjar użu fi klima kiesħa (kumpatibbli ma’ kundizzjonijiet ta’ temperatura aktar baxxa minn – 30 °C u ma’ kundizzjonijiet ta’ silġ qawwi) b’kapaċità nominali ta’ 25 MW;

Subkategoriji ta’ proġetti fis-settur tal-enerġija oċeanika:

Mezzi li jużaw l-enerġija tal-mewġ, b’kapaċità nominali ta’ 5 MW;

Mezzi li jużaw l-enerġija tal-ibħra/tal-kurrent, b’kapaċità nominali ta’ 5 MW;

Konverżjoni ta’ enerġija termika (OTEC) b’kapaċità nominali ta’ 10 MW;

Subkategoriji ta’ proġetti fis-settur tal-enerġija idroelettrika:

Produzzjoni tal-enerġija permezz ta’ Ġeneraturi Superkondutturi ta’ Temperatura għolja: 20 MW;

Subkategoriji ta’ proġetti fis-settur tal-Ġestjoni Deċentralizzata ta’ Enerġiji Rinnovabbli (netwerks intelliġenti):

Ġestjoni ta’ enerġiji rinnovabbli u l-aħjar użu għall-Ġeneraturi Distribwiti fuq skala żgħira u medja f’żoni rurali, li l-enerġija li l-aktar jiġġeneraw hi dik solari: 20 MW fuq in-netwerk ta’ Vultaġġ Baxx + 50 MW fuq in-netwerk ta’ Vultaġġ Medju;

Ġestjoni ta’ enerġiji rinnovabbli u l-aħjar użu għall-Ġeneraturi Distribwiti fuq skala żgħira u medja f’żoni rurali, li l-enerġija li l-aktar jiġġeneraw hi dik mir-riħ: 20 MW fuq in-netwerk ta’ Vultaġġ Baxx + 50 MW fuq in-netwerk ta’ Vultaġġ Medju;

Ġestjoni ta’ enerġiji rinnovabbli u l-aħjar użu għall-Ġeneraturi Distribwiti fuq skala żgħira u medja f’żoni urbani: 20 MW fuq in-netwerk ta’ Vultaġġ Baxx + 50 MW fuq in-netwerk ta’ Vultaġġ Medju.

Nota: Ma għandux ikun eskluż l-użu ta’ tagħbijiet attivi (mezzi elettriċi ta’ tisħin/heat pumps, eċċ).

B.   REKWIŻITI GĦALL-PROĠETTI

I.   Rekwiżiti komuni:

Għandhom jiġu sodisfatti l-limiti tal-kapaċità stabbiliti fil-Parti A;

Fir-rigward tal-ewwel serje ta’ sejħiet għal proposti, il-proġetti jridu juru li għandhom aspettattiva raġonevoli li jibdew jitħaddmu sal-31 ta’ Diċembru 2015 abbażi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni rispettiva dwar l-għoti ta’ finanzjament sal-31 ta’ Diċembru 2011;

Għandhom jinħarġu l-permessi nazzjonali rilevanti kollha għall-proġett u jkunu konformi mar-rekwiżiti rilevanti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jew il-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi rilevanti għandhom ikunu għaddejjin u waslu fi stadju avvanzat biżżejjed biex jiġi żgurat li t-tħaddim kummerċjali tal-proġett ikun jista’ jibda jseħħ sal-31 ta’ Diċembru 2015, għall-ewwel fażi a bażi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni rispettiva dwar l-għoti ta’ finanzjament sal 31 ta’ Diċembru 2011;

L-operatur tal-proġett għandu jintrabat b’mod vinkolanti li jaqsam l-għarfien kif jeżiġu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12;

Il-proġetti għandhom jitwettqu f’siti ġewwa t-territorji tal-Istati Membri, fiż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom u fil-pjattaformi kontinentali tagħhom.

II.   Proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS:

Kull proġett għandu jimplimenta l-katina kollha (il-qbid, it-trasport, il-ħżin);

Kull proġett ta’ dimostrazzjoni għandu jimplimenta l-integrazzjoni termika għall-komponent tal-proċess li jirrigwarda l-qbid;

Ir-rata tal-qbid għandha tkun mill-inqas 85 % tas-CO2 mill-gassijiet ta’ kombustjoni li għalihom japplika l-qbid;

Kull proġett għandu jinkludi blokka ta’ riċerka indipendenti li tikkonċerna s-sikurezza tas-siti tal-ħżin u t-titjib tat-teknoloġiji tal-monitoraġġ, speċjalment fl-ambitu tal-migrazzjoni tal-ilma mielaħ, il-passaġġi possibbli tiegħu u l-impatti tiegħu.


(1)  Il-limiti ta’ enerġija CCS huma indikati bħala produzzjoni elettrika grossa qabel il-qbid.

(2)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.


ANNESS II

REKWIŻITI GĦALL-QSIM TAL-GĦARFIEN

A.   Struttura u rendiment tekniċi

affidabbiltà,

CO2 maqbud,

rendiment f’livelli differenti, inklużi differenzi bejn ir-rendiment mistenni u dak reali,

żieda fid-domanda għall-fjuwil; domanda għall-elettriku, tisħin u tkessiħ,

inputs u outputs ewlenin u disinn,

identifikazzjoni ta’ problemi ta’ Riċerka u Żvilupp fil-ġejjieni.

B.   Livell tal-ispejjeż

spejjeż kapitali u ta’ tħaddim,

spejjeż totali u spejjeż għal kull unità ta’ rendiment (tunnellata ta’ CO2 maħżun, MWh nadif prodott).

C.   Ġestjoni tal-proġett

leġiżlazzjoni/awtorizzazzjoni,

ġestjoni tal-partijiet interessati, inkluża l-interazzjoni mal-Gvernijiet,

pjanar,

organizzazzjoni tal-proġett.

D.   Impatt ambjentali

effikaċja: tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal kull unità ta’ enerġija,

impatti ambjentali oħra f’każ ta’ tħaddim mingħajr tfixkil.

E.   Saħħa u sikurezza

inċidenti li seħħew u li kważi seħħew (tħaddim imfixkel),

sistemi għall-monitoraġġ u s-soluzzjoni ta’ problemi ta’ sikurezza,

problemi tas-saħħa f’każ ta’ tħaddim mingħajr tfixkil.

F.   Rendiment tas-sit tal-ħżin CCS

mudelli u simulazzjonijiet (żvilupp ta’ plume ta’ CO2 – front ta’ pressjoni),

riżultati ta’ kollazzjoni fl-imgħoddi u aġġustamenti (valutazzjoni li trid issir: normali f’medda ta’ valuri ta’ devjazzjoni jew irregolarità sinifikanti li teħtieġ it-teħid ta’ azzjoni),

mġiba tal-ilma mielaħ spostat permezz ta’ injezzjoni ta’ CO2.