26.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/60


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Ottubru 2010

li tawtorizza metodu għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjal fil-Greċja

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 7230)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(2010/642/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikolu 43(m), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-punt B.IV, il-paragrafu 1, tal-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi tal-majjal, il-kontenut ta’ laħam dgħif għandu jiġi vvalutat permezz ta’ metodi ta’ klassifikazzjoni awtorizzati mill-Kummissjoni, u dawn il-metodi jistgħu jkunu biss metodi ta’ valutazzjoni pprovati statistikament ibbażati fuq il-qies fiżiku ta’ parti anatomika waħda jew iktar tal-karkassa tal-majjal. L-awtorizzazzjoni tal-metodi ta’ klassifikazzjoni hija soġġetta għall-konformità b’tolleranza massima għall-iżbalji statistiċi fil-valutazzjoni. Definizzjoni ta’ din it-tolleranza tinsab fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1249/2008 tal-10 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-iskali tal-Komunità għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal, u tal-laħam tan-nagħaġ u r-rapportar tal-prezzijiet tagħhom (2).

(2)

Il-Greċja talbet lill-Kummissjoni tawtorizza metodu wieħed għall-klassifikazzjoni tal-karkassi misluħa tal-majjal. Dan l-Istat Membru ppreżenta deskrizzjoni dettaljata tal-mod uniformi tas-sliħ tal-karkassi f’parti numru wieħed tal-protokoll ipprovdut fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 1249/2008 u r-riżultati tal-prova tad-dissezzjoni tiegħu fil-parti numru tnejn tal-protokoll. Iż-żewġ protokolli ġew ippreżentati lill-Istati Membri l-oħra fil-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-organizzazzjoni tas-suq komuni għall-prodotti agrikoli fl-2008, l-2009 u l-2010.

(3)

L-eżaminazzjoni ta’ din it-talba żvelat li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ klassifikazzjoni huma ssodisfati. Għalhekk, dan il-metodu ta’ klassifikazzjoni għandu jiġi awtorizzat fil-Greċja.

(4)

Skont it-tieni paragrafu tal-punt B.III tal-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-Istati Membri jistgħu jiġu awtorizzati jipprovdu preżentazzjoni ta’ karkassi tal-majjal differenti mill-preżentazzjoni standard definita fl-ewwel paragrafu ta’ dak il-punt, inter alia, meta l-prattika kummerċjali normali fit-territorju tagħhom tkun differenti mill-preżentazzjoni standard.

(5)

Il-Greċja speċifikat lill-Kummissjoni li f’xi biċċeriji fil-Greċja, il-prattika kummerċjali titlob ukoll it-tneħħija tal-ġilda mill-karkassi tal-majjal, flimkien mat-tneħħija tal-ilsien, il-lanżita, id-dwiefer, l-organi ġenitali, ix-xaħam impaħpaħ, il-kliewi u d-dijaframma kif mitlub b’dak l-ewwel paragrafu. Din il-preżentazzjoni li hija differenti mill-preżentazzjoni standard għandha għalhekk tiġi awtorizzata fil-Greċja.

(6)

L-ebda modifikazzjoni fl-apparat jew fil-metodu ta’ klassifikazzjoni ma tista’ tiġi awtorizzata ħlief permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni ġdida adottata fid-dawl tal-esperjenza miksuba. Għal din ir-raġuni, din l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi mħassra.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-użu tal-metodu li ġej huwa b’dan awtorizzat għall-klassifikazzjoni tal-karkassi misluħa tal-majjal bil-ġilda mneħħija skont il-punt B.IV, il-paragrafu 1 tal-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 fil-Greċja: l-apparat imsejjaħ “Hennessy Grading Probe (HGP 4)” u l-metodu ta’ valutazzjoni marbut miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fl-Anness,

Artikolu 2

Minkejja l-preżentazzjoni standard stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-punt B.III tal-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-karkassi tal-majjal fil-Greċja tista’ titneħħielhom il-ġilda b’mod uniformi qabel ma jintiżnu u jiġu kklassifikati. Sabiex jiġu stabbiliti kwotazzjonijiet għall-karkassi tal-majjal fuq bażi komparabbli, il-piż irreġistrat tal-karkassi sħan għandu jiġi rranġat skont il-formula li ġejja:

il-piż tal-karkassa sħuna = 1,05232 × il-piż tal-karkassa bil-ġilda mneħħija

Artikolu 3

Ma għandhomx jiġu awtorizzati modifikazzjonijiet fl-apparat jew fil-metodu ta’ valutazzjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kummissjoni

Dacian CIOLOŞ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 337, 16.12.2008, p. 3.


ANNESS

METODU GĦALL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-KARKASSI TAL-MAJJAL FIL-GREĊJA

1.

Il-klassifikazzjoni tal-karkassi misluħa tal-majjal għandha ssir bl-użu tal-apparat bl-isem “Hennessy Grading Probe (HGP 4)”.

2.

L-apparat għandu jkun mgħammar b’sonda b’dijametru ta’ 5,95 millimetri (u ta’ 6,3 millimetri fix-xafra fil-quċċata tas-sonda) li jkun fiha photodiode (Siemens LED tat-tip LYU 260-EO) u photodetector tat-tip Silonex SLCD-61N1 u li jkollha distanza operattiva ta’ bejn 0 u 120 millimetru. Ir-riżultati tal-kejl għandhom jiġu kkonvertiti f’kontenut ta’ laħam dgħif stmat permezz tal-HGP 4 innifsu jew permezz ta’ kompjuter imqabbad miegħu.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

Ŷ = 62,400 – 0,495Χ1 – 0,559Χ2 + 0,129Χ3

fejn:

Ŷ

=

il-perċentwali tal-laħam dgħif stmat fil-karkassa,

Χ1

=

il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (mingħajr il-ġilda ta’ barra) f’millimetri, imkejla 8 ċentimetri ‘l bogħod mil-linja tan-nofs tal-karkassa fil-livell tal-aħħar kustilja,

Χ2

=

il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (mingħajr il-ġilda ta’ barra) f’millimetri, imkejla 6 ċentimetri ‘l bogħod mil-linja tan-nofs tal-karkassa bejn it-tielet u r-raba’ kustilja tal-aħħar

Χ3

=

il-ħxuna tal-muskolu dorsali f’millimetri, imkejla fl-istess ħin u fl-istess post bħal għal X2.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kilogramma.