22.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Ottubru 2010

dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal programmi nazzjonali ta’ Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta fis-settur tas-sajd għall-2010

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 6744)

(2010/630/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar (1), b’mod partikolari l-Artikolu 24(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 861/2006 jistipula l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jirċievu kontribuzzjoni mill-Unjoni Ewropea għan-nefqa mġarrba mill-programmi nazzjonali tagħhom għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta fis-settur tas-sajd.

(2)

Dawk il-programmi għandhom jitfasslu skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd u l-appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (PKS) (2) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 665/2008 (3) li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 199/2008.

(3)

Il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit ressqu l-programmi nazzjonali għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd għall-2009 u l-2010, kif hemm sitpulat fl-Artikoli 4(4) u 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008. Dawk il-programmi ġew approvati fl-2009 skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008.

(4)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/369/UE (4), il-Kummissjoni ddeċidiet fuq il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal dawk il-programmi nazzjonali għas-sena 2010, minbarra għal Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u r-Renju Unit.

(5)

Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u r-Renju Unit ressqu emendi għall-programmi nazzjonali tagħhom għas-sena 2010, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008. Dawk l-emendi kienu approvati mill-Kummissjoni fl-2010 skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008.

(6)

Dawk l-Istati Membri ressqu wkoll il-previżjonijiet baġitarji annwali għall-2010 skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1078/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 rigward in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri għall-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta bażika dwar is-sajd (5). Il-Kummissjoni evalwat il-previżjonijiet baġitarji annwali skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1078/2008, billi qieset l-emendi approvati għall-programmi nazzjonali.

(7)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1078/2008 jistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tapprova l-previżjonijiet baġitarji annwali u għandha tiddeċiedi fuq il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tal-Unjoni għal kull programm nazzjonali skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 u abbażi tar-rizultat tal-evalwazzjoni tal-previżjonijiet baġitarji annwali kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1078/2008.

(8)

L-Artikolu 24(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 jistabbilixxi li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiffissa r-rata tal-kontribuzzjoni finanzjarja. L-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament jistipula li miżuri finanzjarji tal-Unjoni fil-qasam tal-ġbir tad-dejta bażika ma għandhomx jaqbżu l-50 % tal-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri fit-twettiq tal-programm ta’ ġbir, ġestjoni u użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd. L-Artikolu 24(2) jistipula li għandha tingħata prijorità lill-azzjonijiet li l-aktar huma xierqa biex jittejjeb il-ġbir tad-dejta meħtieġa għall-Politika Komuni tas-Sajd.

(9)

Din id-Deċiżjoni għandha tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6).

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ammont massimu globali tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni li se jingħata lil Franza, lill-Pajjiżi l-Baxxi, lill-Isvezja u lir-Renju Unit għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd għall-2010, u r-rata tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kummissjoni

Maria DAMANAKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 160, 14.6.2006, p. 1.

(2)   ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1.

(3)   ĠU L 186, 15.7.2008, p. 3.

(4)   ĠU L 168, 2.7.2010, p. 19.

(5)   ĠU L 295, 4.11.2008, p. 24.

(6)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


ANNESS

PROGRAMMI NAZZJONALI 2009-2010

IN-NEFQA ELIĠIBBLI U L-KONTRIBUZZJONI MASSIMA KOMUNITARJA GĦALL-2010

(EUR)

Stat Membru

In-nefqa eliġibbli

Il-kontribuzzjoni massima Komunitarja

(Rata ta’ 50 %)

FRANZA

12 068 727,00

6 034 363,50

L-ISVEZJA

4 924 763,00

2 462 381,50

Il-PAJJIŻI L-BAXXI

4 569 446,00

2 284 723,00

IR-RENJU UNIT

9 458 117,00

4 729 058,50

TOTAL

31 021 053,00

15 510 526,50