|
8.10.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 265/17 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-6 ta’ Ottubru 2010
dwar l-allokazzjoni mill-ġdid ta’ jiem addizzjonali fuq il-baħar fid-Diviżjonijiet VIIIc u IXa tal-ICES, bl-eċċezzjoni tal-Golf ta’ Cadiz, lill-Portugall
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 6735)
(It-test bil-Portugiż biss huwa awtentiku)
(2010/604/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 53/2010 tal-14 ta’ Jannar 2010 li jistabbilixxi għall-2010 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tal-UE f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1359/2008, (KE) Nru 754/2009, (KE) Nru 1226/2009 u (KE) Nru 1287/2009 (1), u b’mod partikolari l-punt 7.5 tal-Anness IIB tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-punt 5.1 tal-Anness IIB għar-Regolament (UE) Nru 53/2010 jispeċifika l-għadd massimu ta’ jiem li fihom bastimenti tal-UE ta’ tul totali ta’ 10 metri jew aktar u li għandhom abbord xbieki tat-tkarkir, tartaruni Daniżi u rkaptu simili b’malji ta’ 32 mm jew aktar u għeżula b’malji ta’ 60 mm jew aktar u konzijiet tal-qiegħ jistgħu jkunu preżenti fit-Diviżjonijiet VIIIc u IXa tal-ICES, bl-eċċezzjoni tal-Golf ta’ Cadiz, mill-1 ta’ Frar 2010 sal-31 ta’ Jannar 2011. |
|
(2) |
Il-punt 7.5 tal-Anness IIB jawtorizza lill-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni dwar il-valutazzjoni mill-ġdid tal-għadd ta’ jiem addizzjonali fuq il-baħar li jirriżulta minn waqfien permanenti ta’ attività ta’ sajd li kien allokat qabel mill-Kummissjoni. |
|
(3) |
Il-valutazzjoni mill-ġdid ta’ jiem addizzjonali fuq il-baħar li kienu allokati qabel mill-Kummissjoni għandha tqis il-metodu ta’ kalkolu previst fit-tieni paragrafu tal-punt 7.1 tal-Anness IIB u tinħadem abbażi tat-tipi ta’ rkapti u tal-limiti ta’ jiem fuq il-baħar attwali. |
|
(4) |
Fit-8 ta’ Frar, it-23 ta’ Frar, il-25 ta’ Marzu u t-22 ta’ April 2010, il-Portugall ippreżenta dejta lill-Kummissjoni u talabha biex tagħmel valutazzjoni mill-ġdid tal-għadd ta’ jiem addizzjonali fuq il-baħar li kienu allokati qabel mill-Kummissjoni. |
|
(5) |
B’kunsiderazzjoni għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2007/474/KE tal-4 ta’ Lulju 2007 dwar l-allokazzjoni ta’ jiem addizzjonali fuq il-baħar fid-Diviżjonijiet VIIIc u IXa tal-ICES bl-eċċezzjoni tal-Golf ta’ Cadiz (2), lill-Portugall, u abbażi tat-tipi ta’ rkapti u tal-limiti ta’ jiem fuq il-baħar attwali, il-Portugall għandu jingħata erbatax-il jum addizzjonali fuq il-baħar għall-bastimenti li għandhom abbord l-irkaptu tas-sajd speċifikat fil-punt 2 (a) tal-Anness IIB għar-Regolament (UE) Nru 53/2010 għall-perjodu mill-1 ta’ Frar 2010 sal-31 ta’ Jannar 2011. |
|
(6) |
B’kunsiderazzjoni għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2010/415/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar l-allokazzjoni ta’ jiem addizzjonali fuq il-baħar fid-Diviżjonijiet VIIIc u IXa tal-ICES bl-eċċezzjoni tal-Golf ta’ Cadiz, lill-Portugall (3), u abbażi tat-tipi ta’ rkapti u tal-limiti ta’ jiem fuq il-baħar attwali, il-Portugall għandu jingħata dsatax-il jum addizzjonali fuq il-baħar għall-bastimenti li għandhom abbord l-irkaptu tas-sajd speċifikat fil-punt 2 (a) tal-Anness IIB għar-Regolament (UE) Nru 53/2010 għall-perjodu mill-1 ta’ Frar 2010 sal-31 ta’ Jannar 2011, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għadd massimu ta’ jiem li fihom bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tal-Portugall u li għandu abbord irkaptu tas-sajd imsemmi fil-punt 2 (a) tal-Anness IIB għar-Regolament (UE) Nru 53/2010 u li ma hu suġġett għall-ebda waħda mill-kundizzjonijiet speċjali elenkati fil-punt 5.2 ta’ dak l-Anness jista’ jkun preżenti fid-Diviżjonijiet VIIIc u IXa tal-ICES, bl-eċċezzjoni tal-Golf ta’ Cadiz, kif stipulat fit-Tabella I ta’ dak l-Anness, għandu jiġi emendat għal 191 jum fis-sena.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Portugall.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ottubru 2010.
Għall-Kummissjoni
Maria DAMANAKI
Membru tal-Kummissjoni