|
30.9.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 256/29 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
tas-27 ta’ Settembru 2010
li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
(2010/584/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 291(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) (“id-Direttiva dwar il-VAT”), u partikolarment l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
B’ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fis-17 ta’ Frar 2010, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni għal miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287(10) tad-Direttiva dwar il-VAT sabiex teżenta persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 50 000 (“il-miżura”). Tali deroga teħles lil dawk il-persuni taxxabbli minn ċerti obbligazzjonijiet, jew mill-obbligazzjonijiet kollha, relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”), imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva dwar il-VAT. |
|
(2) |
B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra datata l-4 ta’ Mejju 2010 bit-talba li saret mil-Latvja. Permezz ta’ ittra datata s-7 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tqis it-talba. |
|
(3) |
Diġà hemm skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar bħala għażla disponibbli għall-Istati Membri taħt it-Titolu XII tad-Direttiva dwar il-VAT. Il-miżura tidderoga mit-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT sa fejn biss il-limitu għall-iskema speċjali tal-fatturat annwali tal-persuna taxxabbli jkun ogħla minn dak preżentement permess għal-Latvja taħt l-Artikolu 287(10) tad-Direttiva dwar il-VAT, li huwa EUR 17 200. |
|
(4) |
Limitu ogħla għall-iskema speċjali jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT tal-iżgħar negozji, filwaqt li dik l-iskema speċjali hija fakoltattiva għall-persuni taxxabbli u tippermetti lin-negozji li jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT. |
|
(5) |
Fil-proposta tagħha għal Direttiva li tissimplifika l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud tad-29 ta’ Ottubru 2004 (2), il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri jistabbilixxu l-limitu massimu tal-fatturat annwali għall-iskema ta’ eżenzjoni mill-VAT sa EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali, bil-possibbiltà li dan l-ammont ikun aġġornat kull sena. It-talba ppreżentata mil-Latvja hi konformi ma’ din il-proposta. |
|
(6) |
Id-deroga ma jkollhiex impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikolu 287(10) tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Latvja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom m’huwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali ta’ EUR 50 000 bir-rata ta’ konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.
Hija għandha tiskadi jew fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva li temenda l-ammonti tal-limiti massimi ta’ fatturat annwali li taħthom il-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT jonkella fil-31 ta’ Diċembru 2013, skont liema data sseħħ l-ewwel.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
K. PEETERS