30.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/22


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Settembru 2010

li tawtorizza lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi biex japplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(Il-verżjoni Olandiża biss hija awtentika)

(2010/580/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 291(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fid-29 ta’ Jannar 2010, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab awtorizzazzjoni biex japplika miżuri fiskali speċjali fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti kif awtorizzat preċedentement għal perijodu limitat mid-Deċiżjoni 2007/740/KE (2).

(2)

F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra datata l-25 ta’ Frar 2010 dwar it-talba li saret mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. B’ittra datata t-2 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

(3)

L-arranġament għandu jawtorizza lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi japplika skema, fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti, biex tgħaddi l-obbligu tas-sottokuntrattur li jħallas il-VAT lill-awtoritajiet fiskali mis-sottokuntrattur għal fuq l-intrapriża tal-ħwejjeġ (il-kuntrattur). L-iskema għandha tikkostitwixxi proċedura ta’ ħlas riversibbli ikkonfinata għal operazzjonijiet fil-bidu tal-katina kummerċjali, u għalhekk hija ma tkunx tapplika għal operaturi li jbiegħu lill-konsumatur finali. Il-proċedura għandha l-għan li tiġġieled kontra frodi ta’ natura speċifika fis-suq domestiku tal-manifattura.

(4)

Tali arranġamenti urew fil-passat li huma miżura effettiva ta’ prevenzjoni f’settur li fih il-ġbir tal-VAT huwa diffiċli minħabba l-problemi ta’ identifikar u sorveljanza tal-attivitajiet tas-sottokuntratturi. Il-miżura mitluba għalhekk għandha titqies bħala miżura biex twaqqaf ċerti tipi ta’ evażjoni u evitar tat-taxxa fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti.

(5)

Il-post li fih issir il-manifattura tal-ħwejjeġ lesti huwa influwenzat minn spejjeż baxxi ta’ xogħol u s-sottokuntratturi jistgħu jirrilokaw b’mod faċli minn pajjiż għal ieħor. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2007/740/KE irrikjediet li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jissorvelja u jivvaluta l-impatt ta’ dawk il-fatturi fuq l-effettività tad-deroga u jippreżenta rapport lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Lulju 2009.

(6)

Dak ir-rapport kien jindika li l-inċidenza tal-frodi naqset b’mod konsiderevoli u li l-għadd ta’ intrapriżi tal-ħwejjeġ lesti li kienu jikkwalifikaw għall-proċedura ta’ ħlas riversibbli taħt id-Deċiżjoni 2007/740/KE naqas b’ritmu kostanti b’riżultat tal-miżura ta’ deroga u l-iżvilupp tas-swieq internazzjonali. Konsegwentement, fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi qed terġa’ tinkiseb l-istabbiltà fis-settur tal-ħwejjeġ lesti.

(7)

Sabiex jintemm dak il-proċess, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab li l-miżura tkun estiża għall-perjodu limitat u ħabbar, fl-istess waqt, li fl-2011 trid tittieħed deċiżjoni finali dwar l-abolizzjoni possibli tal-miżura. Hu għalhekk xieraq li d-deroga tkompli tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(8)

Fil-każ li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkunsidra estensjoni oħra tal-miżura ta’ deroga lil hinn mill-2012, għandu jintbagħat rapport ġdid ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni flimkien ma’ dik it-talba għal estensjoni mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2012.

(9)

Id-deroga ma għandhiex ikollha effett ħażin fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea li jiġu mit-taxxa tal-valur miżjud u lanqas ma taffettwa l-ammont tal-VAT impost fl-aħħar stadju tal-konsum.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa b’dan awtorizzat li japplika skema sal-31 ta’ Diċembru 2012 fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti biex tgħaddi l-obbligi tas-sottokuntratturi li jħallsu l-VAT lill-awtoritajiet fiskali, mis-sottokuntrattur għal fuq l-intrapriża tal-ħwejjeġ (il-kuntrattur).

Artikolu 2

Kwalunkwe talba biex tiġi estiża l-miżura lil hinn mill-2012 għandha tkun akkumpanjata mill-preżentazzjoni ta’ rapport lill-Kummissjoni mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, partikolarment fir-rigward tal-effettività tal-miżura u kwalunkwe evidenza tar- rilokazzjoni ta’ sottokuntratturi fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti lejn pajjiżi oħrajn, u għandu jintbagħat sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2012.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

K. PEETERS


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 li tawtorizza lir-Renju tal-Olanda biex japplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, (ĠU L 300, 17.11.2007, p. 71).