30.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/20


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Settembru 2010

li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu biex japplikaw miżura b’deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2010/579/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 291(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittri rreġistrati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fil-15 ta’ Ottubru u t-18 ta’ Novembru 2009 rispettivament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu talbu awtorizzazzjoni biex japplikaw miżura b’deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni ta’ pont bejn il-fruntieri.

(2)

Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni, b’ittra bid-data tal-25 ta’ Frar 2010, informat lill-Istati Membri l-oħra dwar it-talbiet magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu. B’ittra bid-data tat-2 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu li kellha l-informazzjoni kollha neċessarja biex tikkunsidra t-talbiet.

(3)

L-għan tal-miżura huwa, għall-provvista ta’ oġġetti u servizzi, akkwisti intra-Komunitarji ta’ oġġetti u importazzjonijiet ta’ oġġetti maħsuba għar-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni sussegwenti ta’ pont bejn il-fruntieri fuq il-Mosel, li l-pont u s-sit ta’ kostruzzjoni jiġu kkunsidrati bħala interament fuq it-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu skont ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi.

(4)

Fin-nuqqas ta’ tali miżura, ikun neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-post ta’ tassazzjoni kienx ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew il-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Xogħol li jsir fuq pont tal-fruntiera fuq territorju Ġermaniż għandu jkun suġġett għal taxxa fuq il-valur miżjud fil-Ġermanja waqt li x-xogħol li jsir fuq territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jkun suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud fil-Lussemburgu. B’żieda ma’ dan, il-pont jaqsam territorju ta’ ġestjoni konġunta (condominium) u x-xogħol f’din iż-żona ma jistax jiġi attribwit esklussivament għat-territorju ta’ wieħed miż-żewġ Stati Membri fir-rigward ta’ determinazzjoni ta’ post uniku ta’ provvista.

(5)

Għalhekk, l-għan ta’ din il-miżura huwa li jissimplifika l-proċedura għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq ir-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni tal-pont ikkonċernat.

(6)

Din id-deroga mhux se jkollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni pprovduti mit-taxxa fuq il-valur miżjud,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu huma b’dan awtorizzati, fir-rigward tal-pont eżistenti bejn il-fruntieri fuq ix-xmara Mosel li jorbot it-toroq B 419 fil-Ġermanja u l-N1 fil-Lussemburgu bejn Wellen u Grevenmacher, jikkunsidraw dak il-pont u s-sit ta’ kostruzzjoni tiegħu bħala interament fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-iskopijiet ta’ provvista ta’ oġġetti u servizzi, akkwisti intra-Komunitarji ta’ oġġetti u importazzjonijiet ta’ oġġetti maħsuba għar-rinnovazzjoni jew manutenzjoni sussegwenti ta’ dak il-pont.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

K. PEETERS


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1