29.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/46


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Settembru 2010

dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw [jikklassifikaw] il-kreditu

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 6418)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/578/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-aġenziji li jiggradaw [jikklassifikaw] il-kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni tat mandat lill-Kumitat tar-Regolaturi ta’ Titoli Ewropej (KRTE) u talbet il-parir tekniku tiegħu dwar il-valutazzjoni teknika tal-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun rigward l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.

(2)

Fil-parir tiegħu mogħti fil-21 ta’ Mejju 2010, il-KRTE issuġġerixxa li l-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun rigward l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jista’ jitqies bħala ekwivalenti għar-Regolament.

(3)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, sabiex il-qafas legali u superviżorju ta’ pajjiż terz ikun ikkunsidrat ekwivalenti għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, jeħtieġ li jkun ivvalutat jekk ġewx osservati tliet kundizzjonijiet.

(4)

Skont l-ewwel kundizzjoni, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fil-pajjiż terz għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni jew għar-reġistrazzjoni u huma suġġetti għal superviżjoni u infurzar effikaċi fuq bażi kontinwa; il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jikkonsisti fl-Att dwar l-Istrumenti Finanzjarji u l-Borża (l-Att Nru 25 tal-1948) relatat mar-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu; l-Ordinanza tal-Gvern dwar in-Negozju fl-Istrumenti Finanzjarji (l-Ordinanza Nru 52 tat-2007) relatata mar-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu; l-Ordinanza tal-Gvern dwar Definizzjonijiet skont l-Artikolu 2 tal-Att dwar l-Istrumenti Finanzjarji u l-Borża (l-Ordinanza tal-Ministeru tal-Finanzi Nru 14 tal-1993) relatat mar-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu, kif ukoll il-Linji Gwida Komprensivi għas-Superviżjoni tal-Operaturi tan-Negozju fl-Istrumenti Finanzjarji (Suppliment) u l-Linji Gwida għas-Superviżjoni tal-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu. F’Ġunju 2009, il-Parlament Ġappuniż (id-Diet) għadda leġiżlazzjoni li tintroduċi qafas regolatorju ġdid għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li kien segwit mir-rilaxx f’Diċembru 2009 tal-Ordinanzi tal-Gvern li jistabbilixxu d-dettalji tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ dan il-qafas. Il-qafas, li daħal fis-seħħ f’April 2010, jesiġi li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jkunu rreġistrati mal-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji tal-Ġappun (JFSA) sabiex il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu tagħhom jintuzaw għal skopijiet regolatorji fil-Ġappun u jimponi obbligi legalment vinkolanti fuq l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u s-superviżjoni tagħhom fuq bażi kontinwa. Il-JFSA tgawdi minn firxa ta’ poteri wiesgħa u komprensiva u għandha s-setgħa li tieħu għadd ta’ miżuri, inklużi sanzjonijiet, kontra l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Istrumenti Finanzjarji u l-Borża relatat mar-Regolament tal-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu.

(5)

Skont it-tieni kundizzjoni, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fil-pajjiż terz għandhom ikunu suġġetti għar-regoli legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk stipulati mill-Artikoli 6 sa 12 u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Is-sistema Ġappuniża hija bbażata fuq: l-obbligu ta’ rieda tajba, l-obbligu li aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tistabbilixxi sistemi ta’ kontroll operazzjonali għall-prestazzjoni ġusta u xierqa tan-negozju tal-klassifikazzjoni tal-kreditu permezz ta’ għadd kbir ta’ rekwiżiti dettaljati u preskrittivi, dispożizzjonijiet estensivi relatati mal-evitar, l-immaniġġjar u d-divulgazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess u l-obbligu li tkun irrekordjata u divulgata informazzjoni kemm lill-JFSA kif ukoll lill-pubbliku. Il-qafas Ġappuniż jilħaq l-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 rigward l-immaniġġjar ta’ kunflitti ta’ interess, il-proċessi organizzazzjonali u l-proċeduri li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jeħtieġu li jkunu stabbilixxew, il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u l-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet, id-divulgazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, il-qafas Ġappuniż jipprovdi protezzjonijiet ekwivalenti f’termini ta’ integrità, trasparenza, governanza tajba tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u affidabbiltà tal-attivitajiet li jikklassifikaw il-kreditu.

(6)

Skont it-tielet kundizzjoni, l-iskema regolatorja fil-pajjiż terz għandha tevita l-indħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta’ dak il-pajjiż terz fil-kontenut tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u fil-metodoloġiji. F’dan ir-rigward, il-JFSA hija projbita bil-liġi milli tindaħal fil-kontenut tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u fil-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.

(7)

Fl-isfond tal-fatturi eżaminati, il-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jistgħu jitqiesu li kienu ssodisfati mill-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandu jitqies ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(8)

Il-miżuri provduti f’din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-iskopijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Michel BARNIER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.