29.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/33


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/576/PESK

tat-23 ta’ Settembru 2010

dwar il-missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28 u 43(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Ġunju 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK (1) li tistabbilixxi missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea mwettqa fil-qafas tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “EUPOL RD Congo” jew “il-Missjoni”).

(2)

Fit-23 ta' Ġunju 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/485/PESK (2) li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK sat-30 ta' Ġunju 2009.

(3)

Fil-15 ta' Ġunju 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/466/PESK (3) li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK sat-30 ta' Ġunju 2010.

(4)

Fl-14 ta' Ġunju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/329/PESK (4) li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK sat-30 ta' Settembru 2010.

(5)

EUPOL RD CONGO għandha titkompla għal sena oħra sat-30 ta' Settembru 2011.

(6)

L-istruttura ta' kmand u kontroll tal-Missjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà kontraenti tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni.

(7)

Il-Kapaċità tal-Għassa stabbilita fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandha tiġi attivata għall-Missjoni.

(8)

Il-Missjoni ser titwettaq fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Missjoni

1.   Il-Missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea mwettqa fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (minn hawn ' il-quddiem imsejħa “EUPOL RD Congo” jew “il-Missjoni”), stabbilita bl-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK, għandha tiġi estiża għall-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2010 sat-30 ta' Settembru 2011.

2.   EUPOL RD Congo għandha topera konformement mad-dikjarazzjoni tal-Missjoni stipulata fl-Artikolu 2 u għandha twettaq il-kompiti stipulati fl-Artikolu 3. Hija għandha topera mingħajr preġudizzju għall-appartenenza mir-RDK tar-RSS.

Artikolu 2

Dikjarazzjoni tal-Missjoni

1.   Sabiex jitjiebu l-maturità u s-sostenibbiltà tal-proċess ta' riforma tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża (PNK), l-EUPOL RD Congo għandha tassisti lill-awtoritajiet Kongoliżi fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Pulizija, billi tkopri l-prijoritajiet tal-Proċess ta' Riforma tal-Pulizija għall-perijodu 2010-2012, u billi tibni fuq il-linji gwida tal-Qafas Strateġiku. EUPOL RD Congo għandha tiffoka fuq attivitajiet u proġetti konkreti biex tiġi sostnuta l-azzjoni tagħha fil-livell strateġiku tal-proċess ta' riforma, fuq il-bini ta' kapaċità u fuq it-tisħiħ tal-interazzjoni bejn il-PNK u s-sistema usa' tal-ġustizzja kriminali bil-għan ta' appoġġ aħjar għall-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u l-impunità. L-EUPOL RD Congo għandha taħdem b'koordinazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib ma' donaturi oħra tal-Unjoni, internazzjonali u bilaterali, bil-għan li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi.

2.   L-objettivi partikolari tal-Missjoni għandhom ikunu:

(a)

l-appoġġ għall-proċess RSS sħiħ fil-livell strateġiku fir-REpubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) b'enfasi partikolari fuq ir-riforma tal-PNK u l-interazzjoni tagħha mal-ġudikatura;

(b)

l-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riforma tal-Pulizija u t-titjib tal-kapaċità operattiva u l-affidabbiltà tal-PNK permezz ta' attivitajiet ta' iggwidar, monitoraġġ u l-għoti ta' konsulenza;

(c)

it-titjib tal-għarfien u l-kapaċità tal-uffiċjali anzjani, il-ħarrieġa u s-sistemi ta' taħriġ tal-PNK, inkluż permezz tal-għoti ta' korsijiet ta' taħriġ strateġiku;

(d)

l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-impunità fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza sesswali.

3.   Il-Missjoni għandu jkollha Ċellula ta' Riċerka għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-missjoni għandha tagħti konsulenza lill-Istati Membri u lil Stati terzi u għandha tikkoordina u tiffaċilita, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom fl-oqsma li huma ta' interess għall-Missjoni u fit-twettiq tal-objettivi tagħha.

Artikolu 3

Kompiti tal-missjoni

Sabiex jiġu sodisfatti l-objettivi tagħha, il-kompiti tal-EUPOL RD Congo għandhom ikunu kif ġej:

1)

l-appoġġ għall-proċess RSS sħiħ fil-livell strateġiku fir-RFK b'enfasi partikolari fuq ir-riforma tal-PNK u l-interazzjoni tagħha mal-ġudikatura:

billi tappoġġa l-ħidma u l-evoluzzjoni tal-Kumitat ta' Monitoraġġ tar-Riforma tal-Pulizija (CSRP) u l-Gruppi ta' Ħidma tiegħu, inkluż billi tipprovdi assistenza fit-tħejjija tal-qafas legali u sotto-legali rilevanti tar-Riforma tal-Pulizija biex tikkontribwixxi għall-finalizzazzjoni tal-ħidma ta' konċepiment;

billi ikkontribwixxi għal u tagħti konsulenza dwar l-istabbiliment u l-iżvilupp tal-korpi li għandhom jinħolqu għar-Riforma tal-Pulizija; billi tikkontribwixxi għall-attivitajiet ta' dawn il-korpi permezz tal-għoti ta' kompetenza esperta fl-oqsma l-aktar rilevanti għall-implimentazzjoni tar-Riforma tal-Pulizija;

billi tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-Ministeru tal-Intern u l-Ministeru tal-Ġustizzja bil-għan li jiżdiedu l-livelli ta' kooperazzjoni u fehim bejn iż-żewġ Ministeri;

billi tipparteċipa fl-attivitajiet tal-Kumitat Imħallat tal-Ġustizzja (Comité Mixte de Suivi du Programme Cadre de la Justice) u tassisti, kif adatt, fir-reviżjoni tal-qafas legali kriminali, filwaqt li l-Kumitat Imħallat tad-Difiża jiġi appoġġat, kif adatt, bil-għan li tappoġġa l-koerenza u l-konsistenza fost il-pilastri differenti tar-RSS;

billi tingħaqad mal- fiisforzi usa' tal-Unjoni għall-appoġġ tal-koordinazzjoni u l-koerenza interministerjali.

2)

l-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riforma tal-Pulizija u t-titjib tal-kapaċità operattiva u l-affidabbiltà tal-PNK permezz ta' attivitajiet ta' iggwidar, monitoraġġ u l-għoti ta' konsulenza:

billi tagħti konsulenza dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' struttura organizzattiva adegwata għall-PNK u billi tappoġġa l-attivitajiet ta' ġbir tad-data sabiex jiġi stabbilit ċensiment komplet tal-uffiċjali tal-pulizija;

billi tiggwida, tagħmel monitoraġġ u tagħti konsulenza lill-persunal, inkluż permezz ta' ko-lokazzjoni jekk adatt, fid-direttorati tekniċi fl-Ispettorat tal-PNK u fil-Kwartieri Ġenerali biex jingħataw konsulenza u assistenza fl-implimentazzjoni tal-proċess ta' riforma u fl-integrazzjoni tas-servizzi kollha tal-pulizija fi ħdan istituzzjoni unika. Dan il-kompitu jeħtieġ li jkun ikkoordinat mill-qrib mal-operazzjoni UN MONUSCO, b'kont meħud tal-iskjerament tagħhom fit-territorju Kongoliż kollu;

billi tappoġġa l-integrazzjoni rapida tal-pulizija kriminali (Police Judiciaire des Parquets) fil-PNK, sabiex tgħin fl-istabbiliment ta' interface effettiv bejn il-pulizija kriminali u s-servizz tal-prosekuzzjoni. Il-Missjoni ser taħdem f'din id-direzzjoni billi tagħti konsulenza, kif adatt, lil atturi ewlenin fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-programmi tal-imsieħba;

billi tappoġġa s-servizz ta' verifika tal-pulizija li għadu kif inħoloq (Inspection Générale d'Audit) permezz ta' sforzi biex tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali u operattiva tagħha sabiex tipprovdi liċ-ċittadini u lill-awtoritajiet bi strument ewlieni ta' kontroll demokratiku fuq il-forza tal-pulizija;

billi tagħti konsulenza u gwida lill-pulizija kriminali f'Kinshasa, speċjalment permezz tal-Police de Recherche et d’Intervention, fit-titjib tal-istandards tagħha u l-kapaċità tagħha li b'mod effettiv timpedixxi u tinvestiga r-reati;

billi tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Pulizija biex il-PNK tkun tista' jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, safejn l-aktar ikun possibbli, l-istrumenti, il-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u l-mezzi biex tiġi ggarantita ż-żamma korretta tal-ordni pubblika, b'rispett sħiħ tal-libertajiet fundamentali mogħtija fil-Kostituzzjoni kif ukoll l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

billi tgħin biex il-PNK taġġorna l-koordinazzjoni, il-koerenza u l-flessibbiltà tal-proċess tagħha ta' teħid tad-deċiżjonijiet billi tappoġġa r-rinfurzar taċ-Ċentru ta' Kmand u Kontroll kif ukoll iċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet f'Kinshasa, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' msieħba oħra li diġà qed jaħdmu f'dan il-qasam;

billi tikkontribwixxi għall-finalizzazzjoni ta' kunċett ta' Pulizija Komunitarja (police de proximité) u billi tipparteċipa fil-proġett pilota tal-Commissariat de Référence, bil-għan li tissaħħaħ fiduċja bejn il-popolazjoni u l-pulizija u li titjieb is-sigurtàkemm f'termini oġġettivi kif ukoll fil-perċezzjoni tal-pubbliku.

3)

it-titjib tal-għarfien u l-kapaċità tal-uffiċjali anzjani, il-ħarrieġa u s-sistemi ta' taħriġ tal-PNK, inkluż permezz tal-għoti ta' korsijiet ta' taħriġ strateġiku:

billi tassisti fit-titjib tal-kapaċitajiet ta' taħriġ fl-Iskola għall-Uffiċjali tal-Pulizija Kriminali f'Kinshasa;

billi tappoġġa l-istabbiliment u t-tħaddim tal-Akkademja tal-Pulizija f'Kasapa, Lubumbashi, inklużi l-loġistika u t-tagħmir;

billi tappoġġa l-iżvilupp professjonali tal-uffiċjali anzjani tal-PNK bil-għan li jitjiebu l-ħiliet ta' tmexxija u ta' ġestjoni;

billi twettaq valutazzjoni tal-ħtiġijiet u r-riżorsi tat-taħriġ attwali tal-PNK;

billi ikkontribwixxi għad-definizzjoni tal-qafas regolatorju u edukattiv għall-bidu u t-tħaddim tal-Akkademja tal-Pulizija;

billi tiżviluppa u tintroduċi manwali ta' taħriġ tal-PNK għat-taħriġ bażiku u speċifiku;

billi tikkontribwixxi għall-istituzzjonalizzazzjoni tal-kunċett ta' Pulizija Komunitarja (Police de proximité) mat-taħriġ;

billi tipparteċipa fis-selezzjoni u t-taħriġ tal-ħarrieġa tal-pulizija;

billi tipprovdi taħriġ speċjalizzat fl-oqsma li jappoġġaw il-kisba tal-objettivi tal-Missjoni.

4)

l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-impunità fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza sesswali:

billi tassisti lill-gruppi rilevanti tas-CSRP u tal-korpi implimentattivi tar-Riforma tal-Pulizija;

billi tappoġġa l-iżvilupp ta' politika koerenti għall-PNK u l-Inspection Générale d'Audit kontra l-vjolenza sesswali;

billi tgħin fil-ħolqien u billi tagħmel monitoraġġ u tiggwida l-unitajiet speċjalizzati fil-pulizija fil-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali, ir-reati relatati mat-tfal kif ukoll l-impunità, u ż-żieda fl-operazzjonalizzazzjoni permezz tal-attivitajiet ta' iggwidar, monitoraġġ u l-għoti ta' konsulenza;

billi tappoġġa l-organizzazzjoni ta' azzjonijiet immirati biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-uffiċjali tal-pulizija tal-problema tal-vjolenza sesswali u l-impunità;

billi tagħmel monitoraġġ u sssegwi l-attivitajiet tal-PNK u dawk ġudizzjarji f'dan il-qasam, billi tagħti konsulenza, kif adatt, lil rappreżentanti rilevanti tas-servizzi ta' prosekuzzjoni, ta' qrati militari u tal-pulizija kriminali, f'koordinazzjoni ma' atturi ewlenin oħra nazzjonali u internazzjonali.

5)

Kompiti oħra / Ċellula ta' Riċerka:

l-appoġġ lill-Kummissjoni kif meħtieġ, speċjalment fil-proġetti tagħha għal sistema integrata għall-ġestjoni tar-riżorsi umani u għaċ-ċensiment tal-pulizija;

l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti permezz taċ-Ċellula ta' Riċerka biex jiġi żgurat l-użu korrett ta' fondi assenjati mill-baġit tal-PESK għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-persunal taċ-Ċellula ta' Riċerka jista' wkoll jappoġġa lill-Istati Membri u lil Stati terzi fuq talba tagħhom stess, fil-limitu tal-mezzi u l-kapaċitajiet tal-Missjoni, billi jipprovdi koordinazzjoni u assistenza teknika msaħħa għall-proġetti tagħom stess u taħt ir-responsabbilità tagħhom stess. L-attivitajiet kollha taċ-Ċellula ta' Riċerka għandhom jitwettqu fi ħdan il-mandat tal-Missjoni u biex jitlestew l-attivitajiet imwettqa mill-EUPOL RD Congo.

Artikolu 4

Struttura tal-Missjoni

1.   L-EUPOL RD Congo għandha tkun strutturata kif ġej:

(a)

Kwartieri Ġenerali f'Kinshasa. Il-Kwartieri Ġenerali għandhom jikkonsistu mill-Uffiċċju tal-Kap tal-Missjoni u tal-Persunal tal-Kwartieri Ġenerali, li jipprovdu l-funzjonijiet kollha meħtieġa biex jingħataw konsulenza fil-livell strateġiku u operattiv, ta' kmand u kontroll, kif ukoll appoġġ tal-missjoni u dak amministrattiv;

(b)

Uffiċċju Lokali. Uffiċċju Lokali għandu jiġi stabbilit f'Goma. L-implikazzjonijiet fuq il-livell nazzjonali kollu tal-mandat tal-Missjoni jistgħu wkoll jeħtieġu azzjonijiet fil-pajjiż u possibbilment preżenza temporanja (ukoll għal terminu aktar twil) ta' esperti f'postijiet oħra, dejjem soġġetti għal konsiderazzonijiet ta' sigurtà.

2.   L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu soġġetti għal aktar arranġamenti dettaljati fil-Pjan Operattiv (OPLAN).

Artikolu 5

Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUPOL RD Congo.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u t-tmexxija strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPOL RD Congo fil-livell strateġiku.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, anke bil-ħruġ ta' istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u billi jagħtih konsulenza u appoġġ tekniku.

4.   Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat tal-oriġini jew tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

5.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament.

6.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar kwistjonijiet tar-RSS u ta' appoġġ fil-livell Reġjonali kollu, kif meħtieġ.

Artikolu 6

Kap tal-Missjoni

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà għall-missjoni fil-livell operattiv fuq il-post u jeżerċita kmand u kontroll tagħha.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita l-OPCON fuq il-persunal minn Stati kontribuwenti kif assenjati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika, inkluż fuq l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni mqegħdin għad-dispożizzjoni tal-Missjoni.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-Missjoni għat-twettiq effikaċi tal-EUPOL RD Congo fil-post tal-operazzjoni, jassumi l-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta' kuljum tagħha, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mall-Kummissjoni.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità kkonċernata nazzjonali jew tal-Unjoni.

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lill-EUPOL RD Congo fiż-żona tal-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adatta tal-Missjoni.

7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif adatt, l-azzjonijiet tal-EUPOL RD Congo ma' atturi oħrajn tal-Unjoni fuq il-post. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali dwar il-kwistjonijiet tar-RSS u ta' appoġġ fil-livell Reġjonali kollu mir-RSUE.

Artikolu 7

Persunal

1.   L-EUPOL RD Congo għandha tikkonsisti primarjament minn persunal sekondat mill-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Kull Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni għandhom jerfgħu l-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe membru tal-persunal sekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-iskjerament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances minbarra allowances tal-ġurnata applikabbli, kif ukoll allowances għat-tbatija u għar-riskju.

2.   Il-persunal ċivili internazzjonali u l-persunal lokali għandhom jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali mill-Missjoni jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux ipprovduti mill-persunal issekondat mill-Istati Membri. B'mod eċċezzjonali, f'każijiet debitament ġustifikati, fejn m'hemm disponibbli l-ebda applikazzjoni kwalifikata mill-Istati Membri, ċittadini minn Stati terzi parteċipanti jistgħu jiġu rreklutati fuq bażi kontrattwali, kif adatt.

3.   Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-istandards operattivi minimi ta' sigurtà speċifiċi għall-Missjoni u l-pjan ta' sigurtà tal-Missjoni li jappoġġa l-politika tal-Unjoni ta' sigurtà fuq il-post. Fir-rigward tal-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE li l-membri tal-persunal ikunu fdati biha waqt li jwettqu dmirijiethom, il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji u l-istandards minimi tas-sigurtà stabbiliti mir-Regolamenti ta' Sigurtà tal-Kunsill (5).

Artikolu 8

Status tal-Missjoni u tal-persunal tagħha

1.   L-istatus tal-Missjoni u tal-persunal tagħha, inklużi fejn adatt il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-Missjoni, għandhom jiġu miftiehma konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tat-Trattat.

2.   L-Istat jew l-istituzzjoni tal-Unjoni li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu għal kwalunkwe azzjoni marbuta mas-sekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernati għandhom ikunu responsabbli għall-introduzzjoni ta' kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.

3.   Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal.

Artikolu 9

Linja ta' kmand

1.   EUPOL RD Congo għandu jkollha linja ta' kmand unifikata, bħala operazzjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet.

2.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u t-tmexxija strateġika tal-EUPOL RD Congo.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u t-tmexxija strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPOL RD Congo fil-livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ struzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita il-kmand u l-kontroll fuq l-EUPOL RD Congo fuq il-post tal-operazzjoni u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

Artikolu 10

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u sabiex jiġu emendati il-CONOPS u l-OPLAN. Is-setgħat deċiżjonali fir-rigward tal-objettivi u t-tmiem tal-Missjoni għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirraporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 11

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għall-Missjoni, bil-kondizzjoni li dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta' sussistenza ta' kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mir-RDK, u li jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta' tħaddim tal-Missjoni, kif adatt.

2.   Stati terzi li jikkontribwixxu għall-Missjoni għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' ġestjoni ta' kuljum tal-Missjoni daqs l-Istati Membri.

3.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u biex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri.

4.   L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 tat-Trattat u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat terz f'operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar ta' kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-Missjoni.

Artikolu 12

Sigurtà

1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, f'koordinazzjoni mal-Uffiċċju ta' Sigurtà tal-Kunsill, għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta' sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tagħhom għall-EUPOL RD Congo skont l-Artikoli 5 u 9.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-Missjoni u biex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta' sigurtà applikabbli għall-Missjoni, konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, u l-istrumenti li jappoġġawha.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Anzjan tas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mal-Uffiċċju ta' Sigurtà tal-Kunsill.

4.   Il-persunal tal-EUPOL RD Congo għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta' sigurtà qabel ma jibda jwettaq dmirijietu, konformement mal-OPLAN. Huwa għandu jingħata taħriġ regolari ta' aġġornament fuq il-post, organizzat mill-SMSO.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE konformement mar-Regolamenti ta' Sigurtà tal-Kunsill.

Artikolu 13

Kapaċità tal-Għassa

Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUPOL RD Congo.

Artikolu 14

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni għall-perijodu bejn l-1 ta' Ottubru 2010 sat-30 ta' Settembru 2011 għandu jkun ta' EUR 6 430 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita konformement mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta totalment lill-Kummissjoni u jiġi ssorveljat minnha rigward l-attivitajiet imwettqin fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

4.   Ċittadini ta’ Pajjiżi terzi għandhom jkunu jistgħu jippreżentaw offerti għal kuntratti. Soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista' jikkonkludi arranġamenti tekniċi ma' Stati Membri, Stati terzi parteċipanti u ma' atturi internazzjonali oħra fir-rigward tal-provvista ta' tagħmir, servizzi u siti lill-EUPOL RD Congo.

5.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti operattivi tal-Missjoni, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-iskwadri tal-Missjoni.

6.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 15

Koordinazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f'koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjoni tal-Unjoni u l-EUSEC RD Congo biex tkun żgurta l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni b'appoġġ tar-RDK.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Kapijiet tal-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina ma' atturi internazzjonali oħra preżenti fil-pajjiż, u jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mal-UN MONUSCO.

Artikolu 16

Rilaxx ta' informazzjoni klassifikata

1.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat biex jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, kif adatt u konformement mal-ħtiġijiet tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, konformement mar-Regolamenti ta' Sigurtà tal-Kunsill.

2.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-NU u lill-OSKE, konformement mal-ħtiġijiet operattivi tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, konformement mar-Regolamenti ta' Sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jitfasslu arranġamenti lokali għal dan il-għan.

3.   Fil-każ ta' ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, konformement mar-Regolamenti ta' Sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħra kollha, din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti għandhom jiġu rrilaxxati lill-Istat ospitanti konformement mal-proċeduri applikabbli għall-kooperazzjoni mill-Istat ospitanti mal-Unjoni.

4.   Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, id-dokumenti mhux klassifikati tal-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-Missjoni u li jkunu koperti mill-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (6).

Artikolu 17

Reviżjoni tal-Missjoni

Reviżjoni tal-Missjoni għandha tiġi ppreżentata lill-KPS kull sitt xhur, abbażi ta' rapport mill-Kap tal-Missjoni.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ u tul ta' żmien

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2011.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

S. VANACKERE


(1)  ĠU L 151, 13.6.2007, p. 46.

(2)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 44.

(3)  ĠU L 151, 16.6.2009, p. 40.

(4)  ĠU L 149, 15.6.2010, p. 11.

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/263/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).