24.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/23


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ Ġunju 2010

dwar l-għajnuniet fiskali mogħtija minn Franza lill-Fond ta’ Prevenzjoni tar-Riskji tas-Sajd u lill-impriżi tas-sajd (Għajnuna mill-Istat C 24/08, (ex NN 38/07))

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 3938)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/569/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108 (2) (1) tiegħu (1),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 62 (1) (a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom (3) skont l-Artikoli msemmija,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-għajnuniet mogħtija lill-Fond ta’ Prevenzjoni tar-Riskji tas-sajd (Fonds de prévention des aléas pêche - iktar ‘il quddiem l-“FPAP”) u lill-impriżi tas-sajd, li wasslu għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/936/KE (4), il-Kummissjoni kienet infurmata dwar l-eżistenza ta’ sistema fiskali speċifika favur l-FPAP u l-membri tiegħu.

(2)

Din is-sistema fiskali ma kinitx ġiet eżaminata matul il-proċedura li wasslet għad-Deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2008, minħabba li dan kien fatt ġdid li l-Kummissjoni ma kinitx taf bih meta bdiet il-proċedura formali ta’ investigazzjoni. (5)

(3)

Billi, madankollu, hija kellha elementi ċari biżżejjed sabiex tikkonkludi li kien hemm għajnuniet illegali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi bl-investigazzjoni preliminari ta’ dawn l-għajnuniet fiskali (6). Wara din l-analiżi, permezz ta’ Deċiżjoni adottata wkoll fl-20 ta’ Mejju 2008 (7), hija bdiet il-proċedura formali ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-għajnuniet imsemmija.

(4)

Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni. Ma waslet l-ebda osservazzjoni mingħand partijiet terzi interessati.

(5)

Franza ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-bidu tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Settembru 2008.

(6)

Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2008 bħala parti mill-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuniet li kienu s-suġġett tad-Deċiżjoni 2008/936/KE, Franza kkomunikat l-informazzjoni li l-FPAP ġie xolt fis-27 ta’ Frar 2008 u li l-bilanċ tal-ħlasijiet bil-quddiem li rċieva mingħand l-Istat ġie mħallas lura.

2.   DESKRIZZJONI TAL-GĦAJNUNIET

(7)

Għal deskrizzjoni ddettaljata tal-operat u l-azzjonijiet tal-FPAP, il-Kummissjoni tirreferi għad-Deċiżjoni 2008/936/KE.

(8)

Is-sistema fiskali speċifika li kienet teżisti favur l-FPAP u l-membri tiegħu hija deskritta f’żewġ ittri, mibgħuta mill-Ministeru Franċiż responsabbli mill-baġit, li kienu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni wara l-pubblikazzjoni tal-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni li wasslet għad-Deċiżjoni 2008/936/KE. (8)

(9)

L-ewwel ittra, tal-5 ta’ Frar 2004, taqa’ taħt il-kuntest tal-ħolqien tal-FPAP li l-abbozz tal-istatut tiegħu kien ġie approvat mil-laqgħa ta’ fondazzjoni li saret fl-10 ta’ Frar 2004. Din l-ittra tindika li:

“—

il-fond imwaqqaf bħala assoċjazzjoni professjonali m’għandux ikun soġġett għat-taxxa tal-kumpaniji fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mis-sajjieda li jaħdmu għal rashom u l-prodotti finanzjarji mill-investiment ta’ flus,

il-kontribuzzjonijiet imħallsa għandhom jitnaqqsu mid-dħul taxxabbli tas-sajjieda li jaħdmu għal rashom fis-sena li jitħallsu. B’mod eċċezzjonali, l-ewwel kontribuzzjonijiet imħallsa sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Marzu 2004 għandhom jitnaqqsu mid-dħul tal-2003.”

(10)

Din tagħti indikazzjoni wkoll tal-ammonti li jistgħu jkunu soġġetti għat-tnaqqis imsemmi: il-kontribuzzjoni annwali tas-sajjieda membri li jaħdmu għal rashom, li għandha titnaqqas mid-dħul taxxabbli, hija bejn EUR 1 000 u EUR 15 000.

(11)

It-tieni ittra, tat-28 ta’ Novembru 2004, tiffoka fuq it-tnaqqis mid-dħul tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri. Dan iseħħ fil-kuntest ta’ bidla fil-ftehim ta’ garanzija li jorbot lill-FPAP mal-membri tiegħu, li issa jippermetti l-ħlas lura lill-membri tal-kontribuzzjonijiet imħallsa u mhux utilizzati.

(12)

Din tindika li:

“—

il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri skont dan il-ftehim ġdid ikunu jistgħu jitnaqqsu, fis-sena li jitħallsu, sa limitu ta’ Euro 10 000 fis-sena għal kull membru, u dan il-limitu għandu jiżdied b’25 % tal-porzjon tal-qligħ bejn Euro 40 000 u EUR 80 000,

il-kontribuzzjonijiet imħallsa li jaqbżu l-limiti preċedenti abbażi ta’ proġett ta’ garanzija stabbilit mill-Fond għandhom jitnaqqsu kollha mid-dħul taxxabbli tal-membri fis-sena li jitħallsu.”

(13)

Din l-ittra tispeċifika li għandha ssir “analiżi ta’ dan l-esperiment” fl-aħħar tal-2006, u li għandhom “jiġu investigati l-aġġustamenti li jkunu meħtieġa”. Għaldaqstant din mhijiex sistema fiskali stabbilita b’mod permanenti.

(14)

Barra minn hekk, għalkemm din l-ittra tat-28 ta’ Novembru 2004 tipprovdi li l-kontribuzzjonijiet jitnaqqsu mid-dħul taxxabbli fis-sena li jitħallsu, xejn ma jindika li għandu jkun ikkunsidrat it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-bidu tal-2004 (sal-aħħar ta’ Marzu) fuq id-dħul tas-sena 2003, skont l-ittra tal-5 ta’ Frar 2004.

(15)

Minn dawn iż-żewġ ittri jirriżulta li s-sistema fiskali stabbilita mill-Ministru tal-Finanzi lill-FPAP u lill-membri tiegħu għandha żewġ aspetti:

minn naħa, eżenzjoni mit-taxxa tal-kumpaniji, favur l-FPAP,

minn naħa oħra, il-possibbiltà li l-membri tal-FPAP inaqqsu l-kontribuzzjonijiet li jħallsu lill-Fond mid-dħul taxxabbli tagħhom.

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA FORMALI TA’ INVESTIGAZZJONI

(16)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sistema fiskali stabbilita mill-awtoritajiet Franċiżi favur l-FPAP u l-membri tiegħu kellha tkun analizzata, bħal fil-każ tal-fajl C-9/06, fir-rigward tas-sistema ta’ għajnuniet mill-Istat mill-perspettiva tal-vantaġġi li din kienet tirrappreżenta, minn naħa għall-FPAP nnifsu u, minn naħa oħra, għall-impriżi tas-sajd li huma membri.

3.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

3.1.1.   Għajnuna mill-Istat favur l-FPAP

(17)

Kif ġie spjegat fid-Deċiżjoni 2008/936/KE, l-FPAP għandu jitqies bħala impriża fis-sens tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea. Il-fatt li l-FPAP ma kellux skopijiet ta’ qligħ jew li kien assoċjazzjoni huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

(18)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sistema fiskali stabbilita mill-awtoritajiet Franċiżi lill-FPAP kienet qed tagħtih vantaġġ doppju, meta mqabbel mal-investituri privati l-oħrajn li joperaw fuq is-swieq tal-futures tal-prodotti taż-żejt:

l-ewwel nett, l-eżenzjoni mit-taxxa tal-kumpaniji, deskritta fil-premessa (9), li minnha jibbenefika l-FPAP tirrappreżenta tnaqqis mill-piżijiet normali fuq il-baġit tal-impriżi attivi f’dan il-qasam,

it-tieni nett, il-vantaġġ fiskali mogħti lill-membri tal-FPAP, ikun ta’ liema tip ikun, jirrappreżenta inċentiv sabiex jikkontribwixxu għad-dħul tal-FPAP; għalhekk dan jippermetti lill-FPAP li jżid ir-riżorsi finanzjarji tiegħu filwaqt li l-impriżi oħrajn attivi f’dan il-qasam ma jibbenefikawx minn mekkaniżmu bħal dan.

(19)

Fit-tmiem tal-investigazzjoni preliminari tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-vantaġġ imsemmi fil-premessa (17) ingħata mill-Istat u li dan kien jimplika r-rinunzja ta’ riżorsi statali.

(20)

Fl-aħħar nett, l-FPAP, permezz tal-miżuri fiskali msemmija fil-premessa (17), gawda vantaġġ finanzjarju meta mqabbel mal-kumpaniji l-oħrajn li joperaw fis-swieq tal-futures, kemm fi Franza kif ukoll fl-Istati Membri l-oħrajn.

(21)

Fid-Deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni indikat ukoll li hija kienet tassumi li l-bażi legali li ppermettiet li l-FPAP jibbenefika mill-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-benefiċċji, ġiet stabbilita skont l-Artikolu 206(1)(a), tal-Kodiċi Fiskali Ġenerali (9) li jippermetti li l-assoċjazzjonijiet professjonali jiġu eżonerati minn ċerti kundizzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa possibbli li l-FPAP kien qed jibbenefika wkoll mill-eżenzjoni tat-taxxa professjonali, kif prevista fl-Artikolu 1447 tal-istess Kodiċi favur organizzazzjonijiet li jibbenefikaw mill-eżenzjoni previst fl-Artikolu 206(1) (b) tal-istess Kodiċi.

3.1.2.   Għajnuna mill-Istat favur l-impriżi tas-sajd

(22)

Il-vantaġġ finanzjarju msemmi fil-premessa (17) ippermetta li l-impriżi tas-sajd li huma membri jixtru fjuwil bi prezz imnaqqas minħabba l-attività mwettqa mill-FPAP fis-swieq tal-futures tal-prodotti taż-żejt.

(23)

Il-possibbiltà mogħtija lill-impriżi tas-sajd li jnaqqsu mid-dħul tagħhom il-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-FPAP kellha l-effett li tnaqqas il-piżijiet normali fuq il-baġit tagħhom. Dan id-dritt ta’ tnaqqis kien ġie deċiż mill-Ministeru responsabbli mill-baġit; u għaldaqstant, huwa attribwibbli lill-Istat.

(24)

L-impriżi li setgħu jagħmlu t-tnaqqis imsemmi fil-premessa (22) ibbenefikaw minn vantaġġ finanzjarju meta mqabbla mal-impriżi tas-sajd l-oħrajn tal-Unjoni. Bl-istess mod, dan il-vantaġġ finanzjarju affettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u fixkel jew hedded li jfixkel il-kompetizzjoni. Għalhekk, dan jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(25)

Min-naħa l-oħra, mill-informazzjoni li tinsab fil-“Metodu ta’ ħidma ddettaljat tal-Fond ta’ Prevenzjoni mir-Riskji tas-Sajd”, dokument li wkoll ġie kkomunikat bħala parti mill-proċedura formali ta’ investigazzjoni tal-għajnuna C-9/2006, il-Kummissjoni kienet innutat li, meta l-kontribuzzjonijiet lill-FPAP, stabbiliti fuq bażi ta’ dikjarazzjoni skont il-konsum preżunt ta’ fjuwil għas-sena sussegwenti kienu kkalkulati fuq bażi ogħla mill-konsum reali, it-tnaqqis fiskali mwettaq kien jibqa’ akkwistat fl-intier tiegħu mis-sid. Din is-sistema kienet tidher li hija inċentiv għas-sidien sabiex jgħollu l-ħtieġa ta’ kopertura tagħhom bl-għan ewlieni li jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis fiskali.

(26)

Fuq il-bażi tal-istess dokument, il-Kummissjoni kienet innutat ukoll li ċerti membri li l-attività tagħhom ma kellha l-ebda konnessjoni mas-sajd, iżda li “kienu lesti jagħtu appoġġ morali lill-assoċjazzjoni”, kellhom ukoll il-possibbiltà li jgawdu mit-tnaqqis fiskali tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-FPAP, anki jekk dawn ma kinux affettwati minn xi riskju ta’ garanzija.

3.2.   Kompatibbiltà mas-suq intern

(27)

Dwar din il-kwistjoni, il-Kummissjoni rreferiet għall-analiżi żviluppata fid-Deċiżjoni 2008/936/KE. Il-Kummissjoni fil-fatt ikkunsidrat li dawn kienu għajnuniet operattivi mogħtija lill-FPAP u lill-impriżi tas-sajd u li l-ebda dispożizzjoni tat-TFUE jew ta’ kwalunkwe strument adottat mill-Kummissjoni rigward l-għajnuniet mill-Istat ma kienet tippermetti li dawn l-għajnuniet jitqiesu kompatibbli mas-suq intern.

(28)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji serji tagħha lill-Franza rigward il-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern.

4.   OSSERVAZZJONIJJIET TA’ FRANZA

4.1.   Miżura fiskali favur l-impriżi tas-sajd

(29)

Franza tqis li l-miżuri fiskali favur l-impriżi tas-sajd mhumiex għajnuniet mill-Istat minħabba li l-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-FPAP mill-impriżi tas-sajd huma parti mill-ispejjeż ġenerali ta’ dawn l-impriżi għat-twettiq tal-attività tagħhom. Skont l-Artikolu 39 tal-Kodiċi Fiskali Ġenerali, dawn l-ispejjeż jistgħu jitnaqqsu mid-dħul taxxabbli. It-tnaqqis ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet jikkorrispondi għalhekk għall-implimentazzjoni ta’ miżura ġenerali u, għalhekk, mhuwiex għajnuna mill-Istat.

(30)

Franza tirrikonoxxi li l-ittri msemmija fil-premessa (7) ma kien fihom l-ebda informazzjoni rigward is-sistema ta’ rimborż tal-kontribuzzjonijiet. Minkejja dan, Franza tispjega li dan ma jfissirx li dan ir-rimborż ma kellu l-ebda impatt fuq it-taxxa. Fil-fatt, b’mod konformi mal-prinċipji tal-liġi komuni għad-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli, ir-rimbors ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet lill-impriżi tas-sajd li huma membri tal-FPAP kien prodott soġġett għat-taxxa fuq il-qligħ ta’ dawn il-kumpaniji. Franza tispjega wkoll li, f’każ li l-prezz tal-fjuwil kien jaqbeż il-limitu stabbilit fil-ftehim ta’ garanzija, il-kumpens miksub mill-impriżi membri tal-FPAP kien qligħ soġġett għat-taxxa fuq il-qligħ. B’konsegwenza ta’ dan, l-impriżi membri ma kellhom l-ebda interess li jgħollu l-ħtiġijiet ta’ kopertura tagħhom għaliex dan kien ifisser aktar taxxi.

(31)

Min-naħa l-oħra, Franza tindika li l-karattru selettiv ta’ miżura ta’ għajnuna jista’ jkun ġustifikat min-natura u l-ekonomija tas-sistema. Għalhekk, jista’ jkun hemm raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw trattament differenti u, għalhekk fejn hu xieraq, l-għoti ta’ vantaġġi li jistgħu jirriżultaw minn dan. Madankollu Franza ma tipprovdi l-ebda element li jiġġustifika, f’dan il-każ, trattament differenti favur l-impriżi tas-sajd.

4.2.   Miżura fiskali favur l-FPAP

(32)

Franza tqis li l-eżenzjoni mit-taxxa tal-kumpaniji li bbenefika minnha l-FPAP hija ġġustifikata min-nuqqas ta’ qligħ ta’ dan tal-aħħar kif ukoll min-natura tiegħu ta’ assoċjazzjoni tal-professjonali.

(33)

Franza tosserva li dan huwa konformi mal-liġi tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, l-għan stess tat-taxxa tal-kumpaniji jikkonsisti fl-intaxxar tal-attivitajiet bi qligħ. Skont dan il-prinċipju, Franza tfakkar li l-Kummissjoni stess, fl-Avviż fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna tal-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (10) (iktar ‘il quddiem “Avviż dwar it-tassazzjoni diretta”), tikkunsidra li jista’ jkun iġġustifikat min-natura tas-sistema fiskali li l-impriżi li ma jagħmlux qligħ ikunu eżentati mit-taxxa fuq il-qligħ.

5.   EVALWAZZJONI

(34)

L-evalwazzjoni żviluppata fid-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura għandha tiġi riveduta u kkompletata fid-dawl tal-osservazzjonijiet ikkomunikati minn Franza fit-8 ta’ Settembru u d-29 ta’ Novembru 2008 (ara l-premessi 5 u 6).

(35)

L-analiżi qed issir mill-perspettiva tal-iskop doppju tal-FPAP, jiġifieri, minn naħa, il-kisba tal-possibbiltajiet finanzjarji fuq is-swieq tal-futures taż-żejt jew tal-prodotti derivati minnu, u minn naħa oħra, il-ħlas tas-somma li tirrappreżenta d-differenza bejn il-prezz medju fix-xahar ta’ referenza u l-“prezz massimu kopert” jew il-prezz ta’ EUR 0,30 għal kull litru skont il-perjodu lill-impriżi tas-sajd li huma membri.

5.1.   Miżura fiskali favur l-impriżi tas-sajd

(36)

Il-miżura fiskali kkonċernata tikkonsisti fid-dritt li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-impriżi tas-sajd lill-FPAP mid-dħul taxxabbli.

(37)

Franza tikkunsidra li dan it-tnaqqis mhuwiex għajnuna fiskali minħabba li dawn il-kontribuzzjonijiet ġejjin mill-kategorija ta’ spejjeż ġenerali tal-impriżi u li s-sistema fiskali Franċiża tipprovdi għat-tnaqqis ta’ dawn l-ispejjeż mid-dħul taxxabbli. Għal din ir-raġuni, din hija implimentazzjoni ta’ miżura ġenerali u dan it-tnaqqis mhuwiex għajnuna mill-Istat.

(38)

Il-Kummissjoni tinnota li l-ispejjeż ġenerali jistgħu effettivament jiġu mnaqqsa mid-dħul tal-impriżi skont l-Artikolu 39 tal-Kodiċi Fiskali Ġenerali. Din hija miżura ġenerali li tapplika għall-impriżi kollha, irrispettivament mill-qasam ta’ attività tagħhom. Dan id-dritt ta’ tnaqqis għaldaqstant jirriżulta mill-kategorija ta’ miżuri fiskali miftuħa għall-atturi ekonomiċi kollha msemmija fil-punt 13 tal-“Avviż dwar it-tassazzjoni diretta”. Bħala tali, billi din il-miżura tapplika b’mod ugwali għall-impriżi u l-produzzjonijiet kollha, din mhijiex għajnuna mill-Istat.

(39)

Franza tispjega li t-tnaqqis tal-ispejjeż li jaqgħu taħt l-ispejjeż ġenerali huwa ddeterminat skont ir-raġuni tal-ispejjeż. Jekk l-ispejjeż ikunu saru fl-interess tal-kumpanija, fil-prinċipju dawn jistgħu jitnaqqsu. Għalhekk, il-kontribuzzjonijiet mħallsa lil organizzazzjonijiet professjonali (assoċjazzjonijiet, kmamar tal-kummerċ, …) huma skont id-definizzjoni tagħhom spejjeż li jsiru fl-interess tal-kumpanija u dejjem għandhom jitnaqqsu mill-qligħ taxxabbli. Billi l-FPAP huwa assoċjazzjoni professjonali, it-tnaqqis tal-kontribuzzjoni jaqa’ taħt l-istess loġika.

(40)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa (20) tad-Deċiżjoni 2008/936/KE, li “L-FPAP b’hekk huwa magħruf bħala soċjetà ta’ assigurazzjoni mutwali li tipproponi lill-membri tagħha, b’kumpens għall-kontribuzzjonijiet tagħhom, ċertu numru ta’ servizzi”.

(41)

Madankollu, il-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni jagħmlu parti mill-ispejjeż li l-impriżi jħallsu sabiex iħarsu lilhom infushom minn diversi riskji. Ir-riskju tal-varjazzjoni tal-prezz taż-żejt jista’ jkun wieħed minn dawn ir-riskji. Dawn l-ispejjeż huma direttament marbuta mat-twettiq tal-attività professjonali u ma jikkontribwixxux għaż-żieda fl-assi tal-kumpanija; dawn ukoll jistgħu jitnaqqsu mid-dħul taxxabbli bħala spejjeż ġenerali. Għaldaqstant wieħed jista’ jikkunsidra li l-kontribuzzjonijiet lill-FPAP li jitħallsu għar-riskju tal-varjazzjoni fil-prezz taż-żejt jistgħu jitnaqqsu mid-dħul tal-kumpaniji skont l-Artikolu 39 tal-Kodiċi Fiskali Ġenerali ta’ Franza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din hija l-implimentazzjoni ta’ miżura ġenerali. Dan id-dritt għat-tnaqqis għalhekk ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

5.2.   Miżura fiskali favur l-FPAP

(42)

Il-Kummissjoni tinnota li l-FPAP ġie xolt fis-27 ta’ Frar 2008. Id-dispożizzjonijiet fiskali favur l-FPAP intemmu fl-istess data.

(43)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li wara l-proċedura ta’ likwidazzjoni, l-FPAP waqqaf b’mod definittiv kwalunkwe attività ekonomika. L-attivitajiet u l-assi tal-FPAP ma ġewx trasferiti lil xi kumpanija oħra. Barra minn hekk, il-fondi li seta’ kellu l-FPAP fid-data tax-xoljiment tiegħu tħallsu lura lill-Istat, permezz tal-OFIMER, organizzazzjoni pubblika ffinanzjata mill-Istat.

(44)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li, anki jekk wieħed jassumi li l-miżuri fiskali favur l-FPAP kienu jikkostitwixxu vantaġġ għall-FPAP u tfixkil għall-kompetizzjoni, tali tfixkil intemm meta l-FPAP waqqaf l-attivitajiet tiegħu u meta ntemmu l-miżuri favurih. F’dawn iċ-ċirkostanzi, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ tali għajnuniet fiskali u dwar il-kompatibbiltà potenzjali tagħhom mas-suq intern m’għandha ebda effett prattiku.

(45)

Għaldaqstant, il-proċedura formali ta’ investigazzjoni mibdija skont l-Artikolu 108 (2), tat-TFUE saret irrilevanti fir-rigward tal-FPAP.

6.   Konklużjoni

(46)

Fuq il-bażi tal-analiżi żviluppata fis-sezzjoni 5.1, il-Kummissjoni tinnota li l-vantaġġi fiskali mogħtija lill-membri tal-FPAP ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 (1) tat-TFUE.

(47)

Fuq il-bażi tal-konsiderazzjonijiet deskritti fis-sezzjoni 5.2, il-Kummissjoni tinnota li l-proċedura kontra l-FPAP hija irrilevanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri fiskali mogħtija minn Franza favur l-impriżi tas-sajd ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 (1) tat-TFUE.

Artikolu 2

Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali mibdija skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-miżuri fiskali favur l-FPAP għandha tingħalaq.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Franza.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

Maria DAMANAKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE saru l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Iż-żewġ dispożizzjonijiet huma sostanzjalment identiċi għal dawk ta’ qabel. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE jekk ikun il-każ.

(2)  ĠU L 1 3.1.1994, p. 3.

(3)  ĠU C 161 25.8.2008, p. 19.

(4)  ĠU L 334 12.12.2008, p. 62.

(5)  ĠU C 91 19.4.2006, p. 30.

(6)  NN 38/07.

(7)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

(8)  Fil-fatt, id-ditta ta’ avukati Ménard, Quimbert et associés, li huma stabbiliti f’Nantes, u li huma l-Konsulenti tal-FPAP, kienu hemżu ma’ waħda mill-ittri mibgħuta lill-Kummissjoni wara l-pubblikazzjoni tal-bidu tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-kopja taż-żewġ ittri tal-ministeru responsabbli mill-baġit, li turi l-eżistenza ta’ sistema fiskali speċifika favur l-FPAP u l-membri tiegħu. Waħda minnhom hija ittra mill-Ministru inkarigat mill-baġit u mir-riforma fiskali ffirmataminn Alain Lambert u l-oħra hija ittra tas-Segretarju tal-Istat inkarigat mill-baġit u r-riforma fiskali ffirmataminn Dominique Bussereau. Iż-żewġ ittri huma indirizzati lis-Sur Merabet, President tal-FPAP.

(9)  Disponibbli fuq dan l-indirizz elettroniku: http://www.legifrance.gouv.fr/initRechCodeArticle.do

(10)  ĠU C 384 10.12.1998, p. 3, (ara l-paragrafu 25).