22.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/59


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/565/PESK TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Settembru 2010

dwar il-missjoni ta' konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari l-Artikoli 28 u 43 tiegħu,

Billi:

(1)

Fuq bażi tal-Azzjoni Konġunta 2005/355/PESK (1), sa mit-2 ta' Mejju 2005, l-Unjoni Ewropea (UE) qed twettaq missjoni ta' konsulenza u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) (EUSEC RD Congo). Il-mandat attwali tal-missjoni huwa stabbilit fl-Azzjoni Konġunta 2009/709/PESK (2) u jiskadi fit-30 ta’ Settembru 2010.

(2)

Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni bagħat ittra lill-President tar-RDK bid-data tas-27 ta' Lulju 2009 fejn stqarr l-impenn imġedded tal-UE. B'segwitu għal din l-ittra, il-mandat tal-missjoni ġie adattat b'effett mill-1 ta' Ottubru 2009. Din l-ittra ġiet tradotta mill-awtoritajiet Kongoliżi fi Programm ta' Azzjoni li ġie ffirmat fil-21 ta' Jannar 2010 mill-Ministru tad-Difiża u l-Veterani tal-Gwerra u l-Kap tal-Missjoni EUSEC RD Congo.

(3)

Wara r-ratifika fl-2005 tal-Kostituzzjoni tat-tielet Repubblika Kongoliża, iż-żamma tal-elezzjonijiet fir-RDK fl-2006 mmarkat it-tmiem tal-proċess ta' transizzjoni u ppermettiet fl-2007 il-formazzjoni ta' gvern billi ġie adottat programm, li b'mod partikolari jipprevedi riforma globali tas-settur tas-sigurtà, l-elaborazzjoni ta' kunċett nazzjonali kif ukoll ta' azzjonijiet prijoritarji ta' riforma fl-oqsma tal-pulizija, tal-forzi armati u tal-ġustizzja. L-iżvilupp ta' Pjan ta' Riforma tal-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (FARDC) fi tliet fażijiet mill-2009 sal-2025, approvat mill-President tar-Repubblika fl-aħħar ta' Mejju 2009 u ppreżentat lill-rappreżentanti tal-Komunità internazzjonali fis-26 ta' Jannar 2010 kif ukoll l-appartenenza tar-rwol ta' koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta' atturi differenti b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS), juru l-interess tal-awtoritajiet Kongoliżi għall-implimentazzjoni fil-livell operattiv tal-proċess tar-RSS fir-RDK.

(4)

In-Nazzjonijiet Uniti tennew l-appoġġ tagħhom għall-proċess ta' transizzjoni u għall-RSS permezz ta' diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u qed imexxu, fir-RDK, il-missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabilizzazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO) li tiffoka fuq iż-żamma tal-paċi fil-Lvant tal-pajjiż u fuq il-konsolidazzjoni tal-paċi fil-pajjiż kollu. Fit-28 Mejju 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-riżoluzzjoni 1925 (2010) li estendiet il-mandat tal-MONUC sat-30 ta' Ġunju 2010, biex issir Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fir-RDK (MONUSCO) mill-1 ta' Lulju 2010 u tippermetti l-appoġġ tiegħu, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-imsieħba internazzjonali l-oħra, għall-azzjoni li twassal lill-awtoritajiet Kongoliżi biex isaħħu u jirriformaw l-istituzzjonijiet ta' sigurtà.

(5)

L-UE tat appoġġ kontinwu għar-RSS fir-RDK, wieħed mill-elementi ta' impenn l-aktar ġenerali tal-UE bl-għan li jiġu appoġġati l-iżvilupp u d-demokrazija fir-reġjun tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani, filwaqt li tiġi żgurata l-promozzjoni tal-linji politiċi kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, l-istandards demokratiċi u l-prinċipji tal-affarijiet pubbliċi, ta' trasparenza u ta' rispett għall-Istat tad-dritt.

(6)

Fl-14 ta' Ġunju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/329/PESK li temenda u testendi l-azzjoni konġunta 2007/405/PESK dwar il-missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea mwettqa fil-qafas tar-RSS u r-relazzjoni tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo) (3) għal perijodu addizzjonali ta' 3 xhur.

(7)

Sabiex jissaħħu l-koordinazzjoni, il-koerenza u l-komplementarjetà tal-attivitajiet tal-UE fir-RDK waqt li jittieħed vantaġġ sħiħ tal-isfond istituzzjonali Ewropew ġdid, għandha tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-impenn tal-UE bejn iż-żewġ missjonijiet, bejn l-atturi Ewropej fir-RDK, u bejn Brussell u Kinshasa.

(8)

Fil-11 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/440/PESK (4), li testendi l-mandat tas-Sur Roeland VAN DE GEER bħala Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani.

(9)

Fid-29 ta' Lulju 2010, il-Kunsill approva kunċett ta' maniġġar ta' kriżijiet relatat mal-impenn tal-missjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-RDK.

(10)

Jaqbel li fil-proġett jipparteċipaw Stati terzi, b'mod konformi mal-linji gwida ġenerali definiti mill-Kunsill Ewropew.

(11)

Is-sitwazzjoni attwali ta’ sigurtà fil-RDK tista’ tiħżien, b’riperkussjonijiet potenzjalment serji fuq il-proċess ta’ tisħiħ tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt u tas-sigurtà internazzjonali u reġjonali. Impenn kontinwu tal-UE f’dak li hu sforz politiku u riżorsi jgħin sabiex tiġi msaħħa l-istabbiltà fir-reġjun,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni Ewropea (UE) qed tmexxi missjoni ta' konsulenza u assistenza dwar ir-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), minn issa msejjħa l-“EUSEC RD Congo” jew “il-Missjoni”, bl-għan li tassisti lill-awtoritajiet Kongoliżi fl-istabbiliment ta' struttura ta' difiża li tista' tiggarantixxi s-sigurtà tal-Kongoliżi filwaqt li tirrispetta l-istandards demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-Istat tad-dritt, il-prinċipji ta' governanza tajba tal-affarijiet pubbliċi u t-trasparenza.

2.   Il-missjoni għandha timxi konformement mal-mandat stabbilit fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Mandat

1.   Il-missjoni għandha timmira, b'kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mal-atturi oħrajn tal-komunità internazzjonali, b'mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti u l-MONUSCO, u waqt li ssegwi l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1, li tipprovdi appoġġ konkret fil-qasam tar-RSS, waqt li jinħolqu l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni fuq perijodu qasir u medju ta' attivitajiet u proġetti bbażati fuq il-linji gwida adottati mill-awtoritajiet Kongoliżi fil-pjan tar-riforma tal-FARDC u inklużi fil-programm ta' azzjoni tal-missjoni, inkluż:

(a)

li jinżamm l-appoġġ fil-livell strateġiku,

(b)

l-appoġġ għall-konsolidazzjoni tal-amministrazzjoni u l-istabbiliment ta' sistema ta' ġestjoni tar-riżorsi umani bbażata fuq ix-xogħol li għaddej,

(c)

l-appoġġ għall-modernizzazzjoni tal-loġistika,

(d)

l-appoġġ għar-rilanċ tas-sistema tat-taħriġ, b'mod partikolari tal-funzjonarji, inkluż l-appoġġ għall-proġett tal-Iskola ta' Amministrazzjoni u tal-Akkademja militari f'Kananga u għall-istudji għall-Iskola tal-Loġistika f'Kinshasa,

(e)

it-tkomplija tal-attivitajiet relatati mal-ġlieda kontra l-impunità fl-oqsma tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem inkluża l-vjolenza sesswali.

2.   Il-missjoni għandha tipprovdi konsulenza lill-Istati Membri u tikkoordina u tiffaċilita, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom f'oqsma li huma ta' interess għall-missjoni u ta' appoġġ għall-objettivi tagħha.

Artikolu 3

Struttura tal-missjoni u żona ta' skjerament

1.   Il-missjoni ser ikollha Kwartieri Ġenerali f'Kinshasa u magħmula minn:

(a)

it-tmexxija;

(b)

dipartiment ta' appoġġ amministrattiv u loġistiku,

(c)

dipartiment ta' esperti fil-qasam tad-difiża inkarigati li jassistu u jiggwidaw lill-Kongoliżi fit-tmexxija ta' kisbiet konkreti fl-oqsma tal-amministrazzjoni, ir-riżorsi umani, il-loġistika u t-taħriġ,

(d)

dipartiment ta' konsulenza u assistenza inklużi kunsilliera skjerati fil-lvant tar-RDK inkarigati biex jikkontribwixxu għall-ħidma relatata mar-RSS immexxija mill-amministrazzjoni Kongoliża,

(e)

grupp ta' proġetti.

2.   Iż-żona ta' skjerament prinċipali għandha tkun Kinshasa. Kunsilliera ssekondati jistgħu jkunu skjerati wkoll fir-reġjuni militari tal-Lvant tar-RDK. Is-sekondar ta' esperti u l-preżenza temporanja tagħhom fir-reġjuni militari jistgħu jkunu meħtieġa, fuq istruzzjonijiet tal-Kap tal-Missjoni.

Artikolu 4

Ippjanar

Il-Kap tal-Missjoni għandu jħejji pjan ta' implimentazzjoni tal-missjoni (OPLAN), u jippreżentah għall-approvazzjoni tal-Kunsill. Huwa għandu jkun mgħejjun f'dan il-kompitu mis-servizzi taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

Artikolu 5

Kap tal-Missjoni

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu f'idejh il-ġestjoni ta’ kuljum tal-missjoni u għandu jkun responsabbli għall-persunal u għall-kwistjonijiet dixxiplinari.

2.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat ta' oriġini jew tal-istituzzjoni tal-UE kkonċernata. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv (OPCON) tal-persunal tagħhom lill-Kap tal-Missjoni.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet dixxiplinarji li jirrigwardaw lill-persunal. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali konċernati jew mill-istituzzjoni konċernata tal-UE.

4.   Fil-qafas tal-mandat tal-missjoni kif previst fl-Artikolu 2, il-Kap tal-Missjoni għandu jkun awtorizzat jirrikorri għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' proġetti identifikati li jikkompletaw b'mod koerenti l-azzjonijiet l-oħrajn tal-missjoni, f'żewġ każijiet preċiżi. Jew il-proġett huwa previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja tad-Deċiżjoni attwali, jew inkella l-proġett jiġi inkluż matul il-mandat permezz ta' emenda tad-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni.

Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkonkludi arranġament mal-Istati Membri kkonċernati. Dan l-arranġament jirregola b'mod partikolari l-metodi speċifiċi dwar kwalunkwe tweġiba li tiġi minn pajjiż terz dwar il-ħsarat ikkawżati minn atti jew nuqqasijiet imwettqa mill-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi għad-dispożizzjoni tiegħu mill-Istati Membri kontribwenti.

F'ebda każ ma tista' tiġi impenjata r-responsabbiltà tal-UE jew tar-RGħ mill-Istati Membri kontribwenti għall-atti jew in-nuqqasijiet tal-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi ta' dawn l-Istati.

5.   Sabiex il-baġit tal-missjoni jiġi implimentat, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkollabora mill-viċin, fil-qasam tal-kompetenza tiegħu, mal-kap tad-Delegazzjoni tal-UE, il-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri preżenti f'Kinshasa u r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Persunal

1.   L-esperti tal-missjoni għandhom jiġu ssekondati mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-UE. Ħlief għall-Kap tal-Missjoni, kull Stat Membru jew istituzzjoni għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati mal-esperti ssekondati, inklużi l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u mir-RDK, is-salarji u l-kopertura medika, u l-benefiċċji minbarra l-benefiċċji ta' kuljum.

2.   Il-persunal ċivili internazzjonali u dak lokali għandu jiġi rreklutat fuq bażi kuntrattwali mill-missjoni kif meħtieġ.

3.   L-esperti tal-missjoni għandhom jibqgħu taħt l-awtorità tal-Istat Membru kompetenti jew l-istituzzjoni tal-UE kompetenti, u għandhom jaqdu dmirijiethom u jaġixxu fl-interess tal-missjoni. Kemm waqt, kif ukoll wara l-missjoni, l-esperti tal-missjoni għandhom jeżerċitaw l-akbar diskrezzjoni fir-rigward tal-fatti u l-informazzjoni kollha relatati mal-missjoni.

Artikolu 7

Linja ta' kmand

1.   Il-missjoni għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-missjoni u jiżgura l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta lir-RGħ.

Artikolu 8

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (il-KPS) għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill qiegħed permezz ta' din l-Azzjoni Konġunta jawtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà sabiex jieħu d-deċiżjonijiet f'konformità mal-Artikolu 38, paragrafu 3, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Din l-awtorizzazzjoni tinkludi s-setgħa għall-modifika tal-pjan ta’ implimentazzjoni. Għandha tinkludi wkoll il-kompetenzi meħtieġa sabiex jittieħdu deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Is-setgħa ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-tmiem tal-missjoni għandha tibqa’ mal-Kunsill, megħjun mir-RGħ.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi, permezz tar-RGħ, rapporti mill-Kap tal-Missjoni f’intervalli regolari. Il-KPS jista’ jistieden lill-Kap tal-Missjoni għal-laqgħat tiegħu, skont il-ħtieġa.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2010 sat-30 ta' Settembru 2011 għandu jkun ta' EUR 12 600 000.

2.   Fir-rigward tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont previst fil-paragrafu 1, għandu japplika dan li ġej:

(a)

l-ispiża għandha tiġi amministrata skont ir-regoli u l-proċeduri tal-UE applikabbli għall-baġit. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi huma awtorizzati li jissottomettu sejħiet għall-offerti;

(b)

il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta lill-Kummissjoni totalment, li tissorvelja l-azzjoni tiegħu, dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

3.   Id-dispożizzjonijiet finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġijiet operattivi tal-missjoni, inkluża l-kompatibilità tat-tagħmir.

4.   In-nefqa relatata mal-missjoni għandha ssir eliġibbli mad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni ta' Stati Terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u tal-qafas istituzzjonali uniku, il-Kunsill għandu jawtorizza lill-KPS jistieden lil xi Stati terzi biex jipproponu kontribuzzjoni għall-missjoni, bil-ftehim li dawn tal-aħħar iħallsu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inklużi l-pagi, l-assikurazzjoni tar-“riskji kollha”, il-benefiċċji ta' kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mir-RDK, u li huma jikkontribwixxu kif xieraq għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-missjoni.

2.   L-Istati terzi li jagħtu kontribuzzjonijiet lill-missjoni għandhom l-istess drittijiet u obbligi fil-ġestjoni ta' kuljum tal-missjoni daqs l-Istati Membri.

3.   Il-Kunsill jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet pertinenti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u biex joħloq Kumitat tal-Kontributuri.

4.   L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehim konkluż skont l-Artikolu 37 tat-TUE u konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u arranġamenti tekniċi addizzjonali jekk meħtieġ. Jekk l-UE u Stat terz ikunu ikkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dan l-Istat terz f'xi operazzjonijiet tal-UE ta' ġestjoni ta' kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-qafas tal-missjoni.

Artikolu 11

Implimentazzjoni u koerenza tar-rispons tal-UE

1.   Ir-RGħ għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-deċiżjoni u jiżgura wkoll il-koerenza mal-azzjoni esterna tal-UE kollha kemm hi, inkluż mal-programmi ta' żvilupp tal-UE.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jassisti lir-RGħ fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Għandhom ikunu stabbiliti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-UE fir-RDK kemm f'Kinshasa, kif ukoll fi Brussell.

2.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni EUSEC RD Congo u l-Kap tal-Missjoni EUPOL RD Congo għandhom jikkoordinaw mill-qrib l-azzjonijiet tagħhom u jfittxu s-sinerġiji bejn iż-żewġ missjonijiet, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-aspetti orizzontali tar-RSS fir-RDK, kif ukoll fil-qafas tal-bidla tal-funzjonijiet bejn iż-żewġ missjonijiet b'mod partikolari fl-oqsma tal-attivitajiet trasversali.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiggarantixxi li l-EUSEC RD Congo tikkoordina mill-qrib l-azzjoni tagħha b'appoġġ għar-riforma tal-FARDC mal-gvern tar-RDK, man-Nazzjonijiet Uniti permezz tal-missjoni MONUSCO, u mal-Istati terzi impenjati fil-qasam tad-difiża tal-proċess tar-RSS fir-RDK.

4.   Il-Kap tad-delegazzjoni tal-UE f'Kinshasa għandu jipprovdi, fi ħdan il-qafas ġenerali stabbilit bid-dokumenti ta' ppjanar, linji gwida politiċi lokali għall-missjoni EUSEC RD CONGO, mingħajr preġudizzju għall-mandat tar-RSUE.

5.   Il-Kap tad-delegazzjoni tal-UE u l-Kap tal-Missjoni EUSEC RD CONGO għandhomjistabbilixxu mekkaniżmi adatti ta’ informazzjoni jew ta’ konsultazzjoni, partikolarment fir-rigward tal-aspetti politiċi li jistgħu jħallu impatt fuq it-twettiq tal-missjoni. Fl-istess spirtu, il-Kap tal-Missjoni EUSEC RD CONGO għandu jinforma lill-Kap tad-delegazzjoni tal-UE dwar kull kuntatt fil-livell tiegħu li jista' jkollu impatt ta' natura politika.

6.   Il-Kap tal-Missjoni EUSEC RD Congo (jew ir-rappreżentant tiegħu) għandu jaġixxi wkoll bħala kunsillier dwar id-difiża għall-Kap tad-delegazzjoni, mingħajr preġudizzju għal-linji eżistenti ta' kmand eżistenti ta' kull attur. F'dan il-kuntest, ser tiġi żgurata rabta permanenti bejn il-missjoni u d-delegazzjoni tal-UE.

7.   Bħala parti mill-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjoni EUSEC RD Congo, jekk meħtieġ, pariri politiċi dwar id-dimensjoni reġjonali, partikolarment rigward il-proċess ta' Nairobi, ta' Goma u ta' Juba.

Artikolu 13

Rilaxx ta' informazzjoni klassifikata

1.   Ir-RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lill-istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġenerati għall-finijiet tal-operazzjoni sal-livell “CONFIDENTIEL UE”, f'konformità mar-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill (5).

2.   Ir-RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti, skont il-ħtiġijiet operattivi tal-missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġenerati għall-finijiet tal-operazzjoni sal-livell “RESTREINT UE”, f'konformità mar-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Għal dan l-għan ser jiġu stabbiliti arranġamenti lokali.

3.   F'każ ta' bżonn operattiv speċifiku u immedjat, ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istat ospitanti informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġenerati għall-finijiet tal-operazzjoni sal-livell “RESTREINT UE”, f'konformità mar-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, din l-informazzjoni u d-dokumenti ser jiġu kkomunikati lill-Istat ospitanti skont il-proċeduri adegwati fil-livell ta' kooperazzjoni tal-Istat ospitanti mal-UE.

4.   Ir-RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, dokumenti mhux klassifikati tal-UE dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-operazzjoni u li huma koperti mill-obbligu ta' segretezza professjonali f'konformità mal-Artikolu 6(1), tar-regoli ta' proċedura tal-Kunsill (6).

Artikolu 14

Status tal-missjoni u tal-persunal tagħha

1.   L-istatus tal-persunal tal-missjoni, inkluż, jekk ikun il-każ, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għall-implimentazzjoni u għat-twettiq tajjeb tal-missjoni, għandu jiġi stabbilit b'applikazzjoni tal-Artikolu 37 tat-TUE u b'mod konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(3) tat-TFUE.

2.   L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE li ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondament, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE inkwistjoni għandu/ha i/tkun responsabbli biex tinbeda kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna ssekondata.

3.   Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratt bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal.

Artikolu 15

Sigurtà

1.   Il-Kap tal-Missjoni hu responsabbli mis-sigurtà tal-missjoni EUSEC RD Congo.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita din ir-responsabbiltà f’konformità mad-direttivi tal-UE dwar is-sigurtà tal-persunal tal-UE li jintbagħat barra mit-territorju tal-UE fil-qafas ta' missjoni operattiva deċiża skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V, Kapitolu 2, tat-TUE u d-dokumenti relatati.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni (MSO) li jirrapporta lilu u li jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mal-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Kunsill.

4.   Ser jingħata taħriġ adegwat għall-miżuri ta' sigurtà lill-membri kollha tal-persunal, f'konformità mal-OPLAN. L-MSO ser ifakkar regolarment l-istruzzjonijiet relatati mas-sigurtà.

Artikolu 16

Reviżjoni tal-missjoni

Il-KPS għandu jindirizza abbażi ta' rapport ta' evalwazzjoni ppreparat f'nofs it-terminu mis-servizzi taħt l-awtorità tar-RGħ, u ppreżentat sa mhux aktar tard minn Ġunju 2011, rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill bil-għan li tiġi vvalutata l-evoluzzjoni tar-riforma tal-FARDC u li jiġu evalwati l-effetti tal-missjoni fuq l-implimentazzjoni ta' miżuri konkreti b'appoġġ għall-pjan tar-riforma tal-FARDC. Din l-evalwazzjoni ser tkun ibbażata fost oħrajn fuq indikaturi ta' progress kif ukoll fuq indikaturi operattivi speċifiċi żviluppati fl-OPLAN.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ u tul ta' żmien

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 2010.

Hija għandha tapplika sat-30 ta' Settembru 2012.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

S. VANACKERE


(1)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/355/PESK tat-2 ta’ Mejju 2005 dwar il-missjoni ta' konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 112, 3.5.2005, p. 20).

(2)  ĠU L 246, 18.9.2009, p. 33.

(3)  ĠU L 149, 15.6.2010, p. 11.

(4)  ĠU L 211, 12.8.2010, p. 20.

(5)  Deċiżjoni 2001/264/KE (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).