25.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 223/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA, IMLAQQA’ FI ĦDAN IL-KUNSILL,

tal-24 ta’ Ġunju 2010

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jemenda l-ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

(2010/465/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI IMLAQQA’ FI ĦDAN IL-KUNSILL,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi

(1)

Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-25 u t-30 ta’ April 2007 (minn issa “il-Ftehim”), inkluda obbligu fuq iż-żewġ partijiet biex jidħlu f’negozjati tat-tieni stadju.

(2)

B’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u ssuċċediet il-Komunità Ewropea.

(3)

Il-Kummissjoni nnegozjat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri Protokoll biex jiġi emendat il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru (minn hawn ‘il quddiem, il-“Protokoll”) skont l-Artikolu 21 ta’ dak il-Ftehim.

(4)

Il-Protokoll ġie inizjalat fis-25 ta’ Marzu 2010.

(5)

Il-Protokoll huwa kompletament konsistenti mal-leġislazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet.

(6)

Il-Protokoll innegozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi iffirmat u applikat proviżorjament mill-Unjoni u l-Istati Membri, safejn huwa permess taħt il-liġi domestika, soġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar tard.

(7)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali sabiex jiġi deċiż, jekk ikun xieraq, kif titwaqqaf l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim u jittieħdu miżuri skont l-Artikolu 21(5) tal-Ftehim kif emendat bil-Protokoll. Jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali għas-sospensjoni tar-rikonoxximent reċiproku tad-determinazzjonijiet regolatorji fir-rigward taċ-ċittadinanza u l-adegwatezza tal-linja tal-ajru skont l-Artikolu 6bis(2) tal-Ftehim kif emendat bil-Protokoll u għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim, inkluż dawk li jikkonċernaw l-ambjent skont l-Artikolu 15(5) tal-Ftehim kif emendat bil-Protokoll.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iffirmar uapplikazzjoni proviżorja

1.   L-iffirmar tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim tat-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (minn hawn ‘il quddiem “il-Protokoll”), huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

2.   Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat sabiex jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

3.   Sad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Protokoll għandu jkun applikat fuq bażi proviżorja mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, safejn huwa permess skont il-liġi domestika, mid-data tal-iffrimar.

4.   Deċiżjoni sabiex titwaqqaf l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll u sabiex tingħata notifika ta’ dan lill-Istati Uniti tal-Amerika skont l-Artikolu 9(2) tal-Protokoll, u deċiżjoni sabiex tiġi rtirata tali notifika, għandhom jittieħdu mill-Kunsill, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri, waqt li jaġixxi b’unanimità skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

Artikolu 2

Sospensjoni tar-rikonoxximent reċiproku

Deċiżjoni biex jiġi sospiż ir-rikonoxximent reċiproku tad-determinazzjonijiet regolatorji fir-rigward tal-adegwatezza tal-linja tal-ajru u ċ-ċittadinanza sabiex l-Istati Uniti tiġi informata b’dan skont l-Artikolu 6bis (2) tal-Ftehim kif emendat bil-Protokoll għandha tittieħed mill-Kunsill, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri, li jaġixxi b’unanimità skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

Artikolu 3

Kumitat Konġunt

(1)   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu rappreżentati fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim kif emendat bil-Protokoll minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.

(2)   Għal materji li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u li ma jeħtiġux l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li għandha effett legali, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fi ħdan il-Kumitat Konġunt għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni u għandha tiġi notifikata bil-quddiem lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

(3)   Għal deċiżjonijiet li jikkonċernaw materji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni u mill-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat Konġunt għandha tiġi adottata mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, sakemm il-proċeduri applikabbli ta’ votazzjoni stabbiliti fit-Trattat ma jipprovdux mod ieħor.

(4)   Għal deċiżjonijiet li jikkonċernaw materji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha fi ħdan il-Kumitat Konġunt għandha tiġi adottata mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità, fuq proposta mill-Kummissjoni jew minn kwalunkwe Stati Membru, ħlief jekk Stat Membru jkun informa lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fi żmien xahar mill-adozzjoni ta’ dik il-pożizzjoni, li huwa jista’ jagħti l-kunsens biss għad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Kumitat Konġunt bil-qbil tal-korpijiet leġiżlattivi tiegħu, notamment minħabba riżerva ta’ skrutinju parlamentari.

(5)   Il-pożizzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni, ħlief f’materji li jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri, f’liema każ hija għandha tiġi ppreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill jew, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 21(5) tal-Ftehim

Deċiżjoni biex il-linji tal-ajru tal-Parti l-oħra ma jingħatalhomx permess li joperaw frekwenzi addizzjonali jew li jidħlu fi swieq ġodda skont il-Ftehim u sabiex tingħata notifika ta’ din lill-Istati Uniti tal-Amerika, jew biex jinqabel li titneħħa kwalunkwe deċiżjoni bħal din, meħuda skont l-Artikolu 21(5) tal-Ftehim kif emendat bil-Protokoll, għandha tiġi adottata mill-Kunsill, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri, waqt li jaġixxi b’unanimità skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

Artikolu 5

Tagħrif lill-Kummissjoni

L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni rigward kwalunkwe talba jew notifika magħmula minnhom jew li tasal għandhom skont l-Artikolu 15 tal-Ftehim kif emendat bil-Protokoll.

Magħmula fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BLANCO LÓPEZ


PROTOKOLL

li jemenda l-ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunita’ Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iffirmat fil-25 u t-30 ta’ April, 2007

L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Istati Uniti”),

min-naħa waħda u

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA’ SPANJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ FRANZA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ITALJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

IR-REPUBBLIKA TAL-UNGERIJA,

MALTA,

IR-RENJU TAL-OLANDA,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA

IR-REPUBBLIKA TAL-PORTUGALL,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,

IR-RENJU-UNIT TAL-GRAN-BRITTANJA U TAL-IRLANDA TA’ FUQ,

bħala partijiet għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewopea u bħala Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Istati Membri”),

u l-UNJONI EWROPEA,

min-naħa l-oħra;

BL-INTENZJONI li jibnu fuq il-qafas stabbilit bil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iffirmat fil-25 ta’ April u t-30 ta’ April, 2007 (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), bil-għan li jiftħu l-aċċess għas-swieq u jkabbru kemm jista’ jkun il-benefiċċji għall-konsumaturi, il-linji tal-ajru, ix-xogħol, u l-komunitajiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku;

IWETTQU l-mandat fl-Artikolu 21 tal-Ftehim biex jinnegozjaw bla telf ta’ żmien ftehim tat-tieni stadju li javvanza dan l-għan;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Unjoni Ewropea ħadet post u ssostitwixxiet lill-Komunità Ewropea b’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru, 2009 tat-Trattat ta’ Liżbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u li sa dik id-data, id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea, u r-referenzi kollha għaliha fil-Ftehim japplikaw għall-Unjoni Ewropea;

FTIEHMU LI JEMENDAW IL-FTEHIM KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

L-Artikolu 1 tal-Ftehim għandu jiġi emendat billi:

1.

Tiddaħħal id-definizzjoni l-ġdida li ġejja wara l-paragrafu 2:

“2 bis   ‘Determinazzjoni taċ-ċittadinanza’ tfisser sejba li trasportatur bl-ajru li qed jipproponi li jopera s-servizzi skont dan il-Ftehim jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4 fir-rigward tas-sjieda, il-kontroll effettiv, u l-post prinċipali tan-negozju tiegħu;”

2.

Tiddaħħal id-definizzjoni l-ġdida li ġejja wara l-paragrafu 3:

“3 bis   ‘Determinazzjoni tal-adegwatezza’ tfisser sejba li trasportatur bl-ajru li qed jipproponi li jopera s-servizzi skont dan il-Ftehim għandu kapaċità finanzjarja sodisfaċenti u għarfien espert adegwat biex jopera servizzi bħal dawn u jinsab dispost li jikkonforma mal-liġijiet, ir-regolamenti, u r-rekwiżiti li jirregolaw l-operat ta’ servizzi bħal dawn;”

Artikolu 2

Rikonoxximent Reċiproku tad-Determinazzjonijiet Regolatorji fir-Rigward tal-Adegwatezza ċ-Ċittadinanza tal-Linja tal-Ajru

L-Artikolu ġdid 6 bis għandu jiddaħħal wara l-Artikolu 6 kif ġej:

“Artikolu 6 bis

Rikonoxximent Reċiproku tad-Determinazzjonijiet Regolatorji fir-Rigward tal-Adegwatezza ċ-Ċittadinanza tal-Linja tal-Ajru

1.   Mal-wasla ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni operattiva, skont l-Artikolu 4, minn trasportatur bl-ajru ta’ Parti waħda, l-awtoritajiet ajrunawtiċi ta’ Parti oħra għandhom jirrikonoxxu kull determinazzjoni tal-adegwatezza u/jew taċ-ċittadinanza tal-linja tal-ajru li saret mill-awtoritajiet ajrunawtiċi tal-ewwel Parti fir-rigward ta’ dak it-trasportatur bl-ajru bħallikieku determinazzjoni bħal din tkun saret mill-awtoritajiet ajrunawtiċi tagħha stess u mhux jistħarrġu aktar fi kwistjonijiet bħal dawn, għajr kif previst fis-subparagrafu (a) hawn taħt:

(a)

Jekk, mal-wasla ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni operattiva minn trasportatur bl-ajru, jew wara għoti ta’ awtorizzazzjoni bħal din, l-awtoritajiet ajrunawtiċi ta’ Parti li qed tirċievi għandhom raġuni speċifika għal tħassib li, minkejja d-determinazzjoni li saret mill-awtoritajiet ajrunawtiċi tal-Parti l-oħra, il-kundizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet jew permessi xierqa ma ġewx sodisfatti, huma għandhom javżaw minnufih lil dawk l-awtoritajiet, u jagħtu raġunijiet sostantivi għat-tħassib tagħhom. F’dak il-każ, kwalunkwe mill-Partijiet tista’ tfittex konsultazzjonijiet, li għandhom jinkludu r-rappreżentanti tal-awtoritajiet ajrunawtiċi rilevanti, u/jew it-tagħrif rilevanti addizzjonali għal dan it-tħassib, u talbiet bħal dawn għandhom jiġu sodisfatti mill-aktar fis kif prattikabbli. Jekk il-kwistjoni tibqa’ mhux solvuta, iż-żewġ Partijiet jistgħu jippreżentaw il-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt;

(b)

Dan l-Artikolu ma għandux japplika għad-determinazzjonijiet fir-rigward ta’ ċertifikati ta’ sikurezza jew liċenzji; ftehimiet ta’ sigurtà; jew kopertura ta’ assigurazzjoni.

2.   Kull Parti għandha tinforma lill-parti l-oħra bil-quddiem fejn prattikabbli, jew inkella mill-aktar fis wara, permezz tal-Kumitat Konġunt b’kull bidla fil-kriterji li tapplika għaliha fit-twettiq tad-determinazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq. Jekk il-Parti li qed tirċievi titlob għal konsultazzjonijiet dwar kwalunkwe bidla dawn għandhom jinżammu fil-Kumitat Konġunt fi żmien 30 jum minn din it-talba, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor. Jekk, wara dawn il-konsultazzjonijiet, il-Parti li qed tirċievi tikkunsidra li l-kriterji riveduti tal-Parti l-oħra ma jkunux sodisfaċenti għar-rikonoxximent reċiproku tad-determinazzjonijiet regolatorji, il-Parti li qed tirċievi tista’ tinforma lill-Parti l-oħra bis-sospensjoni tal-paragrafu 1. Din is-sospensjoni tista’ titneħħa mill-Parti li qed tirċievi f’kull ħin. Il-Kumitat Konġunt għandu jiġi mgħarraf kif xieraq.”

Artikolu 3

Ambjent

L-Artikolu 15 tal-Ftehim għandu jitħassar kompletament u jiġi mibdul b’dan li-ġej:

“Artikolu 15

Ambjent

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-protezzjoni tal-ambjent waqt l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-avjazzjoni internazzjonali, billi jqisu bir-reqqa l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ miżuri biex jipproteġu l-ambjent fl-iżvilupp ta’ din il-politika, u, fejn xieraq, flimkien itejbu s-soluzzjonijiet globali effettivi. Għaldaqstant, il-Partijiet għandhom l-intenzjoni li jaħdmu flimkien biex jillimitaw jew inaqqsu, b’mod raġonevolment ekonomiku, l-impatt tal-avjazzjoni internazzjonali fuq l-ambjent.

2.   Meta Parti tkun qed tikkunsidra l-miżuri ambjentali proposti f’livell reġjonali, nazzjonali, jew lokali, għandha tevalwa l-possibbiltà ta’ effetti ħżiena fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet li jinsabu f’dan il-Ftehim, u, jekk miżuri bħal dawn jiġu adottati, għandha tieħu l-passi xierqa sabiex jittaffew dawn l-effetti ħżiena. Fuq talba ta’ Parti, il-Parti l-oħra għandha tipprovdi deskrizzjoni ta’ dawn il-passi ta’ evalwazzjoni u mitigazzjoni.

3.   Meta jiġu stabbiliti miżuri ambjentali, l-istandards ambjentali għall-avjazzjoni adottati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili fl-Annessi għal din il-Konvenzjoni għandhom jiġu segwiti ħlief fejn ġew reġistrati differenzi. Il-Partijiet għandhom japplikaw kwalunkwe miżura ambjentali li tolqot is-servizzi tal-ajru skont dan il-Ftehim b’konformità mal-Artikolu 2 u 3(4) ta’ dan il-Ftehim.

4.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-Istati Membri u tal-Istati Uniti biex japplikaw il-prinċipju ta’ approċċ bilanċjat.

5.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi obbligatorji ġodda marbuta mal-istorbju fl-ajruporti b’aktar minn 50 000 moviment kull sena kalendarja ta’ ajruplani ċivili subsoniċi bil-ġettijiet:

(a)

L-awtoritajiet responsabbli ta’ Parti għandhom jipprovdu opportunità biex jiġu kkunsidrati l-opinjonijiet ta’ partijiet interessati fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni.

(b)

L-avviż tal-introduzzjoni ta’ kull restrizzjoni operattiva ġdida għandu jkun disponibbli għall-Parti l-oħra tal-anqas 150 jum qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dik ir-restrizzjoni operattiva. Fuq it-talba ta’ dik il-Parti l-oħra, għandu jkun provvdut rapport bil-miktub mill-aktar fis lil dik il-Parti l-oħra li jispjega r-raġunijiet għall-introduzzjoni tar-restrizzjoni operattiva, l-għan ambjentali stabbilit għall-ajruport, u l-miżuri li ġew ikkunsidrati biex jintlaħaq dak l-għan. Dak ir-rapport għandu jinkludi l-evalwazzjoni rilevanti tal-ispejjeż u l-benefiċċji mistennija tal-miżuri varji kkunsidrati.

(ċ)

Restrizzjonijiet operattivi għandhom ikunu (i) mhux diskriminatorji, (ii) mhux restrittivi aktar milli hemm bżonn sabiex jinkiseb l-għan ambjentali stabbilit għal ajruport speċifiku, u (iii) mhux arbitrarji.

6.   Il-Partijiet jaqblu u għandhom jinkoraġixxu l-iskambju ta’ tagħrif u d-djalogu regolari fost l-esperti, partikolarment permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni eżistenti, biex titjieb il-kooperazzjoni, b’mod konsistenti mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, dwar l-indirizzar tal-impatti ambjentali tal-avjazzjoni internazzjonali u s-soluzzjonijiet ta’ mitigazzjoni, fosthom:

(a)

ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġija tal-avjazzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent;

(b)

it-titjib fl-għarfien xjentifiku fir-rigward tal-impatti tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni sabiex id-deċiżjonijiet ta’ politika jiġu mgħarrfa b’mod aħjar;

(ċ)

l-innovazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru bil-għan li jitnaqqsu l-impatti ambjentali tal-avjazzjoni;

(d)

ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ karburanti alternattivi u sostenibbli għall-avjazzjoni; u

(e)

skambju ta’ opinjonijiet dwar kwistjonijiet u għażliet fil-fora internazzjonali li jindirizzaw l-effetti ambjentali tal-avjazzjoni, inkluża l-koordinazzjoni ta’ pożizzjonijiet, fejn xieraq.

7.   Jekk ikun mitlub mill-Partijiet, il-Kumitat Konġunt, bl-assistenza tal-esperti, għandu jiżviluppa rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ rduppjar tal-isforzi bejn il-miżuri ibbażati fuq is-suq, u l-konsistenza bejniethom, li jirrigwardaw l-emissjonijiet tal-avjazzjoni implimentati mill-Partijiet bil-għan li jiġu evitati miżuri u spejjeż doppji u biex safejn huwa possibbli jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq il-linji tal-ajru. L-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet bħal dawn għandha tkun suġġetta għal approvazzjoni jew ratifika interna skont kif jista’ jkun mitlub minn kull Parti.

8.   Jekk Parti waħda temmen li kwistjoni li tinvolvi l-protezzjoni ambjentali mill-avjazzjoni, inklużi l-miżuri ġodda proposti, jagħtu lok għal tħassib dwar l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, hija tista’ titlob laqgħa tal-Kumitat Konġunt, kif previst fl-Artikolu 18, biex jikkunsidra l-kwistjoni u jiżviluppa reazzjonijiet xierqa għat-tħassib li jirriżulta leġittimu.”

Artikolu 4

Dimensjoni Soċjali

L-Artikolu ġdid 17 bis għandu jiddaħħal wara l-Artikolu 17 kif ġej:

“Artikolu 17 bis

Dimensjoni Soċjali

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tad-dimensjoni soċjali tal-Ftehim u l-benefiċċji li jinħolqu meta s-swieq miftuħa jkunu akkompanjati minn standards għolja ta’ xogħol. L-opportunijiet maħluqa mill-Ftehim mhumiex intenzjonati biex inaqqsu l-istandards tax-xogħol jew id-drittijiet u l-prinċipji relatati max-xogħol li hemm fil-liġijiet rispettivi tal-Partijiet.

2.   Il-prinċipji fil-paragrafu 1 għandhom iservu bħala gwida għall-Partijiet peress li huma jimplimentaw il-Ftehim, inkluża l-konsiderazzjoni regolari mill-Kumitat Konġunt, skont l-Artikol 18, tal-effetti soċjali tal-Ftehim u l-iżvilupp tar-reazzjonijiet xierqa għal tħassib li jirriżulta leġittimu.”

Artikolu 5

Il-Kumitat Konġunt

Il-paragrafi 3, 4, u 5 tal-Artikolu 18 tal-Ftehim għandhom jitħassru kompletament u jiġu mibdula b’dan li-ġej:

“3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jirrevedi, kif xieraq, l-implimentazzjoni ġenerali tal-Ftehim, inklużi kwalunkwe effetti tar-restrizzjonijiet tal-infrastruttura tal-avjazzjoni fuq l-eżerċitar tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 3, l-effetti tal-miżuri ta’ sigurtà meħuda skont l-Artikolu 9, l-effetti fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, inklużi fil-qasam tas-Sistemi ta’ Prenotazzjoni Kompjuterizzata u kwalunkwe effett soċjali tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt għandu jikkunsidra wkoll, fuq bażi kontinwa, il-kwistjonijiet jew proposti individwali li kull Parti tidentifika bħala waħda li tolqot, jew li għandha l-potenzjal li tolqot l-operati skont il-Ftehim, bħal rekwiżiti regolatorji konfliġġenti.

4.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiżviluppa wkoll il-koperazzjoni billi:

(a)

jikkunsidra l-oqsma potenzjali għal żvilupp ulterjuri tal-Ftehim, inkluża r-rakkomandazzjoni ta’ emendi għall-Ftehim;

(b)

jikkunsidra l-effetti soċjali tal-Ftehim kif ikun qed jiġi implimentat u jiżviluppa reazzjonijiet adegwati għal tħassib li jirriżulta leġittimu;

(ċ)

iżomm inventarju ta’ kwistjonijiet fir-rigward ta’ sussidji jew sostenn mill-gvern imressqa minn xi Parti fil-Kumitat Konġunt;

(d)

jieħu deċiżjonijiet, abbażi ta’ kunsens, li jikkonċernaw kwalunkwe kwistjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 11;

(e)

jiżviluppa, fejn mitlub mill-Partijiet, ftehimiet għar-rikonoxximent reċiproku ta’ determinazzjonijiet regolatorji;

(f)

irawwem kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rispettivi tal-Partijiet fl-isforzi biex jiżviluppaw s-sistemi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru rispettivi bil-għan li l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà ta’ dawk is-sistemi jitwettqu bl-aħjar mod possibbli, jitnaqqsu l-ispejjeż, u jittejbu s-sikurezza, il-kapaċità, u r-rendiment ambjentali tagħhom;

(g)

iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ proposti għal proġetti u inizjattivi konġunti fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, inklużi ma’ pajjiżi terzi;

(h)

iħeġġeġ il-kooperazzjoni kontinwa mill-qrib fost l-awtoritajiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni rilevanti tal-Partijiet, inklużi l-inizjattivi biex jiżviluppaw proċeduri ta’ sigurtà li jtejbu l-faċilitazzjoni tal-passiġġieri u tal-merkanzija mingħajr ma’ jikkompromettu s-sigurtà;

(i)

jikkunsidra jekk il-liġijiet, ir-regolamenti, u l-prattiki rispettivi tal-Partijiet fl-oqsma koperti bl-Anness 9 tal-Konvenzjoni (Faċilitazzjoni) jistgħux jaffettwaw l-eżerċizzju tad-drittijiet skont dan il-Ftehim;

(j)

irawwem skambji f’livell ta’ esperti dwar inizjattivi u żviluppi leġiżlattivi jew regolatorji ġodda, anke fl-oqsma tas-sigurtà, tas-sikurezza, tal-ambjent, tal-infrastruttura tal-avjazzjoni (inklużi slots), u tal-protezzjoni tal-konsumatur;

(k)

irawwem il-konsultazzjoni, fejn xieraq, dwar kwistjonijiet ta’ trasport bl-ajru indirizzati f’organizzazzjonijiet internazzjonali u f’relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, inkluża l-konsiderazzjoni jekk għandux jiġi adottat approċċ konġunt; u

(l)

jieħu d-deċiżjonijiet, abbażi ta’ kunsens, li għalihom jirreferu l-paragrafu 3 tal-Artikolu 1 tal-Anness 4 u l-paragrafu 3 tal-Artikolu 2 tal-Anness 4.

5.   Il-Partijiet jikkondividu l-għan li jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-konsumaturi, il-linji tal-ajru, ix-xogħol, u l-komunitajiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku billi jestendu dan il-Ftehim sabiex jinkludi pajjiżi terzi. Għal dan l-għan, il-Kumitat Konġunt għandu jikkunsidra, kif xieraq, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri, inkluża kwalunkwe emenda meħtieġa għal dan il-Ftehim, li jkunu meħtieġa għal pajjiżi terzi sabiex jaderixxu ma’ dan il-Ftehim.”

Artikolu 6

Espansjoni Ulterjuri tal-Opportunitajiet

L-Artikolu 21 għandu jitħassar kompletament u jiġi mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 21

Espansjoni Ulterjuri tal-Opportunitajiet

1.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom għall-għan komuni li jkomplu jneħħu l-ostakli għall-aċċess għas-swieq u li jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-konsumaturi, il-linji tal-ajru, ix-xogħol, u l-komunitajiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, inkluż it-titjib tal-aċċess tal-linji tal-ajru tagħhom għas-swieq globali kapitali, sabiex jiġu riflessi aħjar ir-realtajiet ta’ industrija globali tal-avjazzjoni, it-tisħiħ tat-trasport bl-ajru transatlantiku, u l-istabbiliment ta’ qafas li ser jinkoraġġixxi pajjiżi oħrajn sabiex jiftħu s-swieq tas-servizzi tal-ajru tagħhom stess.

2.   Skont l-għan komuni fil-paragrafu 1, u fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tiegħu skont l-Artikolu 18 biex jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jirrevedi l-iżviluppi annwalment, inklużi dawk lejn il-bidliet leġiżlattivi msemmija f’dan l-Artikolu. Il-Kumitat Konġunt għandu jiżviluppa proċess ta’ kooperazzjoni f’dan ir-rigward inklużi r-rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Partijiet. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jippermettu l-akbar sehem azzjonarju u l-kontroll effettiv tal-linji tal-ajru tagħhom mill-Istati Uniti jew miċ-ċittadini tagħhom, abbażi ta’ reċiproċità, mal-konferma mill-Kumitat Konġunt li l-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Uniti jippermettu l-akbar sehem azzjonarju u l-kontroll effettiv tal-linji tal-ajru tagħhom mill-Istati Membri jew miċ-ċittadini tagħhom.

3.   Mal-konferma bil-miktub mill-Kumitat Konġunt, skont il-paragrafu 6 tal-Artikolu 18, li l-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti jippermettu l-akbar sehem azzjonarju u l-kontroll effettiv tal-linji tal-ajru tagħhom mill-Parti l-oħra jew miċ-ċittadini tagħha:

(a)

It-Taqsima 3 tal-Anness 1 għall-Ftehim għandha tieqaf milli jkollha effett;

(b)

Il-linji tal-ajru tal-Istati Uniti għandu jkollhom id-dritt li jipprovdu servizzi skedati ta’ kombinament ta’ passiġġieri bejn il-punti fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri u ħames pajjiżi, mingħajr ma jservu punt fit-territorju tal-Istati Uniti. Dawn il-pajjiżi għandhom jiġu ddeterminati mill-Kumitat Konġunt fi żmien sena mid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll. Il-Kumitat Konġunt jista’ jemenda l-lista, jew iżid l-għadd, ta’ pajjiżi bħal dawn; u

(c)

It-test tal-Artikolu 2 tal-Anness 4 għall-Ftehim (“Sjieda u Kontroll tal-Linji tal-Ajru ta’ Pajjiżi Terzi”) għandu jieqaf ikollu effett u t-test tal-Anness 6 għall-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ minfloku, fir-rigward tal-linji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi li jkunu proprjetà tal-Istati Uniti jew taċ-ċittadini tagħha jew ikunu kkontrollati minnha.

4.   Mal-konferma bil-miktub mill-Kumitat Konġunt, skont il-paragrafu 6 tal-Artikolu 18, li l-liġijiet u r-regolamenti tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi marbuta mal-istorbju fl-ajruporti b’aktar minn 50 000 moviment kull sena ta’ ajruplani ċivili subsoniċi bil-ġettijiet bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni Ewropea jkollha l-awtorità li tirrevedi l-proċess qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri bħal dawn, u meta ma tkunx sodisfatta li l-proċeduri xierqa jkunu ġew segwiti skont l-obbligi applikabbli, biex f’dak il-każ, tieħu azzjoni legali xierqa fir-rigward tal-miżuri kkonċernati, qabel l-impożizzjoni tagħhom:

(a)

Il-linji tal-ajru tal-Unjoni Ewropea għandu jkollhom id-dritt li jipprovdu servizzi ta’ kombinament ta’ passiġġieri bejn punti fl-Istati Uniti u ħames pajjiżi addizjonali, mingħajr ma jservu punt fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Dawn il-pajjiżi għandhom jiġu ddeterminati mill-Kumitat Konġunt fi żmien sena mid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll. Il-Kumitat Konġunt jista’ jemenda l-lista, jew iżid l-għadd ta’ pajjiżi bħal dawn; u

(b)

It-test tal-Artikolu 2 tal-Anness 4 għall-Ftehim (“Pussess u Kontroll tal-Linji tal-Ajru ta’ Pajjiżi Terzi”) għandu jieqaf ikollu effett u t-test tal-Anness 6 għall-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ minfloku, fir-rigward tal-linji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi li jkunu proprjetà tal-Istati Membri jew taċ-ċittadini tagħhom jew ikunu kkontrollati minnhom.

5.   Wara l-konferma bil-miktub mill-Kumitat Konġunt li Parti ssodisfat il-kundizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4 li huma applikabli għal dik il-Parti, li Parti tista’ titlob konsultazzjonijiet ta’ livell għoli fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Konsultazzjonijiet bħal dawn għandhom jibdew fi żmien 60 jum mid-data tal-wasla tat-talba, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz biex isolvu l-kwistjonijiet imsemmija għal konsultazzjoni. Jekk il-Parti li qed titlob il-konsultazzjonijiet ma tkunx sodisfatta bir-riżultat tal-konsultazzjonijiet, dik il-Parti tista’ tinnotifika bil-miktub permezz ta’ mezzi diplomatiċi bid-deċiżjoni tagħha li l-ebda linja tal-ajru tal-Parti l-oħra m’għandha topera frekwenzi addizzjonali jew tidħol fi swieq ġodda skont dan il-Ftehim. Kull deċiżjoni bħal din għandha tidħol fis-seħħ 60 jum mid-data tan-notifika. F’dak il-perjodu, il-Parti l-oħra tista’ tiddeċiedi li l-ebda linja tal-ajru tal-ewwel Parti m’għandha topera frekwenzi addizjonali jew tidħol fi swieq ġodda skont dan il-Ftehim. Deċiżjoni bħal din għandha tidħol fid-seħħ fl-istess jum tad-deċiżjoni tal-ewwel Parti. Kull deċiżjoni bħal din minn Parti tista’ titneħħa permezz ta’ qbil bejn il-Partijiet, li għandu jiġi kkonfermat bil-miktub mill-Kumitat Konġunt.”

Artikolu 7

Trasport Miksub mill-Gvern tal-Istati Uniti

L-Anness 3 għall-Ftehim għandu jitħassar kompletament u jinbidel b’dan li ġej:

“ANNESS 3

Li jikkonċerna Trasport Miksub mill-Gvern tal-Istati Uniti

Il-linji tal-ajru komunitarji għandu jkollhom id-dritt li jittrasportaw passiġġieri u merkanzija fuq titjiriet skedati u charter li għalihom dipartiment, aġenzija, jew entità ċivili tal-Gvern tal-Istati Uniti:

(1)

jakkwista t-trasport għalih innifsu jew fit-twettiq ta' arranġament li skontu jsir ħlas mill-Gvern jew isir ħlas minn ammonti provduti għall-użu tal-Gvern; jew

(2)

jipprovdi t-trasport lejn jew għal pajjiż barrani jew organizzazzjoni internazzjonali jew organizzazzjoni oħra mingħajr rimborż,

u dak it-trasport ikun:

(a)

bejn kwalunkwe punt fl-Istati Uniti u kwalunkwe punt barra l-Istati Uniti fi Stat Membru, sakemm trasport bħal dan ikun awtorizzat skont il-paragrafu 1(c) tal-Artikolu 3, ħlief - fir-rigward ta' passiġġieri li huma eliġibbli biex jivjaġġaw b'tariffi ta' kuntratt bejn żewġt ibliet - bejn punti li għalihom hemm fis-seħħ tariffa ta' kuntratt bejn żewġt ibliet; jew

(b)

bejn kwalunkwe żewġ punti barra mill-Istati Uniti.

Dan l-Anness m'għandux japplika għat-trasport miksub jew iffinanzjat mis-Segretarju tad-Difiża jew is-Segretarju ta' dipartiment militari.”

Artikolu 8

Annessi

It-test tal-Allegat għal dan il-Protokoll għandu jiġi mehmuż mal-Ftehim bħala l-Anness 6.

Artikolu 9

Applikazzjoni Provviżorja

1.   Sad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Partijiet jaqblu li japplikaw provviżorjament dan il-Protokoll, safejn huwa permess skont il-liġi domestika applikabbli, mid-data tal-iffirmar.

2.   Kull Parti tista’, f’kull waqt, tagħti avviż bil-miktub permezz ta’ mezzi diplomatiċi lill-Parti l-oħra dwar deċiżjoni sabiex ma jibqax tapplika aktar dan il-Protokoll. F’dak il-każ, l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll għandha tieqaf f’nofs il-lejl GMT fi tmiem l-istaġun tat-traffiku tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) li jkun fis-seħħ sena wara d-data tal-avviż bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat bi qbil bejn il-Partijiet qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu. Fil-każ li l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim tieqaf skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 25 tal-Ftehim, għandha tieqaf simultanjament l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 10

Dħul fis-Seħħ

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-iktar wieħed tard minn dawn li ġejjin:

1.

id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, u

2.

xahar wara d-data tal-aħħar nota fi skambju ta’ noti diplomatiċi bejn il-Partijiet li jikkonfermaw li l-proċeduri kollha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll tlestew.

Għall-għanijiet ta’ dan l-iskambju ta’ noti diplomatiċi, in-noti diplomatiċi lil jew mingħand l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha għandhom jitwasslu lill-Unjoni Ewropea jew mingħandha skont il-każ. In-nota jew in-noti diplomatiċi mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandu jkun fihom il-komunikazzjonijiet minn kull Stat Membru li jikkonfermaw li l-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll tlestew.

BĦALA XHIEDA TA’ DAN il-firmatarji t’hawn taħt, awtorizzati kif xieraq, iffirmaw dan il-Ftehim.

Съставено в Люксембург на двадесет и четвърти юни две хиляди и десета година.

Hecho en Luxemburgo, el veinticuatro de junio de dos mil diez.

V Lucemburku dne dvacátého čtvrtého června dva tisíce deset.

Udfærdiget i Luxembourg den fireogtyvende juni to tusind og ti.

Geschehen zu Luxemburg am vierundzwanzigsten Juni zweitausendzehn.

Kahe tuhande kümnenda aasta juunikuu kahekümne neljandal päeval Luxembourgis.

'Εγινε στo Λουξεμβούργο, στις είκοσι τέσσερις Ιουνίου δύο χιλιάδες δέκα.

Done at Luxembourg on the twenty-fourth day of June in the year two thousand and ten.

Fait à Luxembourg, le vingt-quatre juin deux mille dix.

Fatto a Lussemburgo, addì ventiquattro giugno duemiladieci.

Luksemburgā, divi tūkstoši desmitā gada divdesmit ceturtajā jūnijā.

Priimta du tūkstančiai dešimtų metų birželio dvidešimt ketvirtą dieną Liuksemburge.

Kelt Luxembourgban, a kétezer-tizedik év június havának huszonnegyedik napján

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-erbgħa u għoxrin jum ta' Ġunju tas-sena elfejn u għaxra.

Gedaan te Luxemburg, de vierentwintigste juni tweeduizend tien.

Sporządzono w Luksemburgu dnia dwudziestego czwartego czerwca roku dwa tysiące dziesiątego.

Feito no Luxemburgo, em vinte e quatro de Junho de dois mil e dez.

Întocmit la Luxemburg, la douăzeci și patru iunie două mii zece.

V Luxemburgu dňa dvadsiateho štvrtého júna dvetisícdesať.

V Luxembourgu, dne štiriindvajsetega junija leta dva tisoč deset.

Tehty Luxemburgissa kahdentenakymmenentenäneljäntenä päivänä kesäkuuta vuonna kaksituhattakymmenen.

Som skedde i Luxemburg den tjugofjärde juni tjugohundratio.

За Репyблика Бългaрия

Image

Voor het Koninkrijk België

Pour le Royaume de Belgique

Für das Königreich Belgien

Image

Deze handtekening verbindt eveneens het Vlaamse Gewest, het Waalse Gewest en het Brussels Hoofdstedelijk Gewest.

Cette signature engage également la Région wallonne, la Région flamande et la Région de Bruxelles-Capitale.

Diese Unterschrift bindet zugleich die Wallonische Region, die Flämische Region und die Region Brüssel-Hauptstadt.

Za Českou republiku

Image

På Kongeriget Danmarks vegne

Image

Für die Bundesrepublik Deutschland

Image

Eesti Vabariigi nimel

Image

Για την Ελληνική Δημοκρατία

Image

Por el Reino de España

Image

Pour la République française

Image

Thar cheann Na hÉireann

For Ireland

Image

Per la Repubblica italiana

Image

Για την Κυπριακή Δημοκρατία

Image

Latvijas Republikas vārdā

Image

Lietuvos Respublikos vardu

Image

Pour le Grand-Duché de Luxembourg

Image

A Magyar Köztársaság részéről

Image

Għal Malta

Image

Voor het Koninkrijk der Nederlanden

Image

Für die Republik Österreich

Image

W imieniu Rzeczypospolitej Polskiej

Image

Pela República Portuguesa

Image

Pentru România

Image

Za Republiko Slovenijo

Image

Za Slovenskύ republiku

Image

Suomen tasavallan puolesta

Image

För Konungariket Sverige

Image

For the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland

Image

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l’Union européenne

Per l’Unione europea

Eiropas Savienības vārdā

Europos Sajungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Eurόpsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

Image

For the United States of America

Image

Allegat għall-Protokoll

ANNESS 6

Sjieda u Kontroll ta’ Linji tal-Ajru ta’ Pajjiżi Terzi

1.

L-ebda Parti ma għandha teżerċita xi dritt disponibbli skont il-ftehimiet tas-servizzi tal-ajru ma’ pajjiż terz sabiex tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita awtorizzazzjonijiet jew permessi għal kwalunkwe linja tal-ajru ta’ dak il-pajjiż terz għar-raġunijiet li s-sjieda sostanzjali ta’ dik il-linja tal-ajru tkun ingħatat lill-Parti l-oħra, liċ-ċittadini tagħha, jew lit-tnejn.

2.

L-Istati Uniti m’għandha teżerċita ebda dritt disponibbli skont l-arranġamenti tas-servizzi tal-ajru sabiex tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita awtorizzazzjonijiet jew permessi għal kwalunkwe linja tal-ajru tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein, tal-Konfederazzjoni Svizzera, ta’ membru tal-ECAA mid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, jew ta’ kwalunkwe pajjiż fl-Afrika li jkun qed jimplimenta ftehim mal-Istati Uniti dwar servizzi tal-ajru Open-Skies mid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, għar-raġunijiet li l-kontroll effettiv ta’ dik il-linja tal-ajru jkun ingħata lil Stat Membru jew Stati Membri, liċ-ċittadini ta’ dan l-istat jew l-istati, jew lit-tnejn.

3.

L-ebda Parti ma għandha teżerċita xi dritt disponibbli skont il-ftehimiet tas-servizzi tal-ajru ma’ pajjiż terz sabiex tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita awtorizzazzjonijiet jew permessi għal kwalunkwe linja tal-ajru ta’ dak il-pajjiż terz għar-raġunijiet li l-kontroll effettiv ta’ dik il-linja tal-ajru jkun ingħata lill-Parti l-oħra, liċ-ċittadini tagħha, jew lit-tnejn, bil-kundizzjoni li l-pajjiż terz ikkonċernat ikun stabbilixxa rapport tajjeb ta’ kooperazzjoni f’relazzjonijiet ta’ servizzi tal-ajru maż-żewġ Partijiet.

4.

Il-Kumitat Konġunt għandu jżomm inventarju ta’ pajjiżi terzi li huma kkunsidrati miż-żewġ Partijiet li għandhom rapport tajjeb ta’ kooperazzjoni f’relazzjonijiet tas-servizzi tal-ajru.

Dikjarazzjoni Konġunta

Ir-rappreżentanti tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropa u l-Istati Membri tagħha kkonfermaw li l-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, inizjalat fi Brussell fil-25 ta’ Marzu 2010, għandu jiġi awtentikat f’lingwi oħra, kif previst permezz ta’ skambji ta’ ittri, qabel l-iffirmar tal-Protokoll, jew permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, wara l-iffirmar tal-Protokoll.

Din id-Dikjarazzjoni Konġunta hija parti integrali mill-Protokoll.

Għall-Istati Uniti:

John BYERLY (iffirma)

fil-25 ta’ Marzu 2010.

Għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha:

Daniel CALLEJA (iffirma)

fil-25 ta’ Marzu 2010.

MEMORANDUM TA’ KONSULTAZZJONIJIET

1.

Id-delegazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti tal-Amerika ltaqgħu fi Brussel fit-23-25 ta’ Marzu 2010 sabiex ilestu n-negozjati ta’ ftehim tat-tieni stadju dwar it-trasport bl-ajru. Il-listi tad-delegazzjoni huma mehmuża bħala Allegat A.

2.

Id-delegazzjonijiet laħqu qbil ad referendum dwar, u inizjalaw it-test ta’, il-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iffirmat fil-25 u t-30 ta’ April 2007 (il-“Protokoll”, mehmuż bħala Allegat B). Id-delegazzjonijiet bi ħsiebhom jippreżentaw l-abbozz tal-Protokoll lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom għall-approvazzjoni, bil-għan li dan jidħol fis-seħħ fil-futur qrib.

3.

Ir-referenzi f’dan il-Memorandum għall-Ftehim u artikoli, paragrafi, u annessi huma għall-Ftehim, kif emendat mill-Protokoll.

4.

Id-delegazzjoni tal-UE kkonfermat li b’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009 tat-Trattat ta’ Lisbona li jemenda t-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Unjoni Ewropea ħadet post u ssostitwixxiet lill-Komunità Ewrope u li, minn dik id-data, id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea, u r-referenzi kollha għaliha fil-Ftehim jirreferu għall-Unjoni Ewropea;

5.

Id-delegazzjonijiet affermaw li l-proċeduri għal rikonoxximent reċiproku tad-determinazzjonijiet regolatorji fir-rigward tal-adegwatezza u taċ-ċittadinanza ta’ linja tal-ajru fl-Artikolu 6 bis mhumiex maħsuba li jimmodifikaw il-kundizzjonijiet preskritti skont il-liġijiet u r-regolamenti applikati normalment mill-Partijiet għall-operat ta’ trasport internazzjonali bl-ajru msemmi fl-Artikolu 4 tal-Ftehim.

6.

Fir-rigward tal-Artikolu 9, id-delegazzjonijiet esprimew ix-xewqa tagħhom li jżidu l-kooperazzjoni tal-UE/Stati Uniti dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni, bil-għan li jinkiseb, safejn hu possibbli, sostenn massimu mill-miżuri ta’ sigurtà ta’ xulxin, konsistenti mal-liġijiet u r-regolament applikabli, biex jitnaqqas l-irduppjar bla bżonn ta’ tali miżuri.

7.

Id-delegazzjonijiet innutaw li l-kooperazzjoni dwar is-sigurtà mistennija li tinkludi konsultazzjonijiet regolari dwar emendi għar-rekwiżiti eżistenti, fejn huwa fattibbli qabel l-implimentazzjoni tagħhom; koordinazzjoni mill-qrib ta’ attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-ajruport u, meta possibbli u xieraq, spezzjonijiet ta’ trasportaturi bl-ajru; u skambju ta’ tagħrif dwar it-teknoloġiji u l-proċeduri ġodda ta’ sigurtà.

8.

Bil-għan li jitrawwem l-użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli, it-tijib tas-sigurtà, u titħeġġeġ il-faċilitazzjoni, id-delegazzjonijiet innutaw il-benefiċċju ta’ reazzjonijiet rapidi u, fejn possibbli reazzjonijiet koordinati għal theddidiet ġodda.

9.

Iż-żewġ delegazzjonijiet innutaw li d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet rispettivi fis-seħħ bejn Stat Membru u l-Istati Uniti biex tkun evitata t-tassazzjoni doppja fuq id-dħul u fuq il-kapital mhumiex milquta b’dan il-Protokoll.

10.

Fir-rigward tal-paragrafu 7 tal-Artikolu 15, id-delgazzjoni tal-UE innutat li l-kwistjonijiet li se jiġu indirizzati minn kwalunkwe xogħol f’dan il-qasam se jkunu mistennija li jinkludu, fost affarijiet oħra, l-effettività ambjentali u l-integrità teknika tal-miżuri rispettivi, il-bżonn li jiġu evitati d-distorsjoni tal-kompetittività u r-rilokazzjoni ta’ emissjonijiet tal-karbonju u, fejn xieraq, jekk hux possibbli u kif miżuri bħal dawn jistgħu jiġu marbuta jew integrati ma’ xulxin. Id-delegazzjoni tal-Istati Uniti nnutat li fl-iżvilupp tar-rakkomandazzjonijiet, se tistenna li jkun hemm attenzjoni, inter alia, dwar il-konsistenza mal-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-promozzjoni tal-għanijiet tal-Ftehim.

11.

Iż-żewġ delegazzjonijiet enfasizzaw li xejn fil-Ftehim ma jaffettwa b’xi mod il-pożizzjonijiet legali u ta’ politika rispettivi tagħhom dwar kwistjonijiet ambjentali diversi relatati mal-avjazzjoni.

12.

Fid-dawl tal-għanijiet ambjentali komuni, id-delegazzjonijiet żviluppaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni Ambjentali mehmuża bħala Allegat C għal dan il-Memorandum ta’ Konsultazzjonijiet.

13.

Id-delegazzjoni tal-UE ddikjarat mill-ġdid l-intenzjoni tal-UE li tkompli taħdem permezz tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima biex tistabbilixxi miri globali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-avjazzjoni internazzjonali.

14.

Id-delegazzjonijiet tal-Istati Uniti u tal-UE ddikjaraw mill-ġdid l-intenzjonijiet tal-Istati Uniti u l-UE biex jaħdmu permezz tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) biex jindirizzaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali. Iż-żewġ delegazzjonijiet innutaw ukoll il-kontribuzzjonijiet mill-industrija għas-sostenn ta’ dan il-proċess.

15.

Iż-żewġ delegazzjonijiet innutaw li r-referenzi għall-approċċ bilanċjat fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 15 jirreferu għar-Riżoluzzjoni A35-5 adottata unanimament fil-35 Assemblea tal-ICAO. Id-delegazzjonijiet enfasiżżaw li l-aspetti kollha tal-prinċipju tal-approċċ bilanjat stabbilit f’dik ir-Riżoluzzjoni huma rilevanti u importanti, inkluż ir-rikonoxximent li “L-Istati għandhom obbligi legali, ftehimiet eżistenti, liġijiet attwali, u politiki stabbiliti rilevanti li jistgħu jinfluwenzaw l-implimentazzjoni tagħhom tal-approċċ bilanċjat tal-ICAO”.

16.

Iż-żewġ delegazzjonijiet enfasizzaw l-appoġġ tagħhom għall-applikazzjoni tal-“Linji Gwida dwar l-Approċċ Bilanċjat għall-Istorbju tal-Inġenji tal-Ajru” tal-ICAO, li attwalment huma ppubblikati fid-Dokument 9829 (it-2 edizzjoni) tal-ICAO.

17.

Fir-rigward tal-paragrafu 5(a) tal-Artikolu 15, id-delegazzjoni tal-UE nnutat li “il-partijiet interessati” hija ddefinita fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/30/KE li tfisser “il-persuni fiżiċi jew legali affettwati jew li x’aktarx ikunu affettwati minn, jew li jkollhom interess leġittimu fl-introduzzjoni ta’, miżuri ta’ tnaqqis tal-ħoss, li jinkludu r-restrizzjonijiet fuq l-operat.” Id-delegazzjoni tal-UE nnutat ukoll li, skont l-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6, il-proċeduri għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati jkunu stabbiliti skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

18.

Matul ir-rikonoxximent tal-isfidi relatati mal-mobbiltà transkonfinali dejjem akbar tal-ħaddiema u l-istruttura tal-kumpaniji, id-delegazzjoni tal-UE nnutat li l-Kummissjoni Ewropea qed twettaq monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni u qed tikkunsidra aktar inizjattivi sabiex ittejjeb l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni, u l-infurzar f’dan il-qasam. Id-delegazzjoni tal-UE qed tirreferi wkoll għax-xogħol li qed isir mill-Kummissjoni Ewropea dwar ftehimiet ta’ kumpaniji transnazzjonali u stqarret ir-rieda tagħha li tgħarraf lill-Kumitat Konġunt dwar dawn u dwar inizjattivi relatati oħra, kif xieraq.

19.

Id-delegazzjoni tal-Istati Uniti innutat li, fl-Istati Uniti, il-prinċipju li jippermetti għall-għażla ta’ rappreżentant uniku għal klassi jew sengħa definita ta’ impjegati ma’ linji tal-ajru għen fil-promozzjoni tad-drittijiet kemm għall-ħaddiema tal-linja tal-ajru li jaħdmu fl-ajru kif ukoll dawk li jaħdmu fl-art biex jorganizzaw infushom u biex jinnegozjaw u jsaħħu ftehimiet ta’ negozjati kollettivi.

20.

Iż-żewġ delegazzjonijiet innutaw li, fil-każ li Parti tixtieq tieħu miżuri bil-kontra tal-Ftehim, inkluż l-Artikolu 21, il-Parti l-oħra tista’ tagħmel użu minn kwalunkwe miżuri xierqa u proporzjonali skont il-liġi internazzjonali, inkluż il-Ftehim.

21.

Fir-rigward tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 21, id-delegazzjoni tal-UE nnutat li r-reviżjoni msemmija f’dak il-paragrafu se tkun eżerċitata mill-Kummissjoni Ewropea ex officio jew ex parte.

22.

Id-delegazzjonijiet innutaw li d-drittijiet tat-traffiku msemmija fil-paragrafu 4(a) tal-Artikolu 21 jkunu b’żieda ma’ dawk mogħtija mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fl-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim.

23.

Id-delegazzjonijiet esprimew is-sodisfazzjon tagħhom bil-kooperazzjoni bejn id-Dipartiment tat-Trasport l-Istati Uniti u l-Kummissjoni Ewropea, kif previst fil-Ftehim, bil-għan komuni li jtejbu l-għarfien ta’ xulxin dwar il-liġijiet, il-proċeduri u l-prattiki tas-sistemi ta’ kompetizzjoni ta’ xulxin u l-impatt li kellhom l-iżviluppi fl-industrija tat-trasport bl-ajru, jew li x’aktarx se jkollhomm, fuq il-kompetizzjoni f’dan is-settur.

24.

Id-delegazzjonijiet affermaw l-impenn tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni rispettivi għal djalogu u kooperazzjoni u għall-prinċipju ta’ trasparenza, b’mod konsistenti mar-rekwiżiti legali, fosthom il-protezzjoni tat-tagħrif kummerċjali kunfidenzjali. Id-delegazzjonijiet affermaw ukoll ir-rieda tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni rispettivi biex jipprovdu gwida għar-rekwiżiti proċedurali, fejn xieraq.

25.

Id-delegazzjonijiet innutaw li kull komunikazzjoni lill-Kumitat Konġunt jew lil xi ħadd ieħor relatat mal-kooperazzjoni skont l-Anness 2 għandha tosserva r-regoli li jirregolaw l-iżvelar ta’ tagħrif kunfidenzjali jew sensittiv għas-suq.

26.

Għall-iskopijiet tal-paragrafu 4 tal-Anness 6, id-delegazzjonijiet esprimew l-istennija tagħhom li l-Kumitat Konġunt jiżviluppa, fi żmien sena mill-iffirmar tal-Protokoll, kriterji ġodda biex jiġi determinat jekk il-pajjiżi jkunux stabbilew rapport ta’ kooperazzjoni fir-relazzjonijiet tas-servizzi tal-ajru.

27.

Id-delegazzjonijiet laqgħu l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-Islanda, u n-Norveġja bħala osservaturi fuq id-delegazzjoni tal-UE u nnutaw li x-xogħol se jitkompla fil-Kumitat Konġunt biex tiġi żviluppata proposta fir-rigward ta’ kundizzjonijiet u proċeduri għall-Islanda u n-Norveġja biex jaderixxu mal-Ftehim, kif emendat mill-Protokoll.

28.

Iż-żewġ delegazzjonijiet esprimew l-istennija tagħhom li l-awtoritajiet ajrunawtiċi rispettivi tagħhom ikunu jippermettu l-operati konsistenti mat-termini tal-Ftehim, kif emendat mill-Protokoll, abbażi ta’ korteżija u reċiproċità, jew fuq bażi amministrattiva, mid-data tal-iffirmar tal-Protokoll.

Għad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha

Daniel CALLEJA

Għad-Delegazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika

John BYERLY

Allegat C

Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni Ambjentali

Id-delegazzjonijiet tal-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha affermaw mill-ġdid l-importanza kruċjali li jiġu indirizzati l-impatti ambjentali tal-avjazzjoni internazzjonali. Huma esprimew l-impenn komuni tagħhom għall-għanijiet ambjentali stabbiliti fil-35 Assemblea tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), partikolarment biex isir sforz biex:

(a)

jillimitaw jew inaqqsu l-għadd ta’ nies affettwati mill-istorbju sinifikanti tal-inġenji tal-ajru;

(b)

jillimitaw jew inaqqsu l-impatt tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni fuq il-kwalità tal-arja lokali; u

(ċ)

jillimitaw jew inaqqsu l-impatt tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-avjazzjoni fuq il-klima globali.

Id-delegazzjonijiet irrikonoxxew ir-riżultat tal-15-il Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u tal-Ftehim ta’ Kopenħagen, inkluż ir-rikonoxximent komuni tal-opinjoni xjentifika li ż-żieda fit-temperatura globali għandha tkun inqas minn żewġ gradi Celsius.

Id-delegazzjonijiet ikkonfermaw ix-xewqa u r-rieda qawwija tal-Partijiet biex jaħdmu flimkien biex jibnu fuq il-progress miksub mil-Laqgħa ta’ Livell Għoli dwar l-Avjazzjoni Internazzjonali u t-Tibdil fil-Klima tal-ICAO billi jfittxu li jingħaqdu mal-imsieħba internazzjonali fi sforz kollettiv fl-ICAO biex jistabbilixxu programm ta’ azzjoni aktar ambizzjuż, li jinkludi għanijiet robusti, qafas ta’ xogħol għal miżuri ibbażati fuq is-suq, u konsiderazzjonijiet għal bżonnijiet speċjali ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Iż-żewġ naħat innutaw l-impenn tagħhom biex jikkooperaw fi ħdan il-Kumitat għall-Protezzjoni Ambjentali mill-Avjazzjoni (CAEP) tal-ICAO sabiex jiżguraw it-twettiq f’ħinu u effettiv tal-programm ta’ xogħol tiegħu, inkluża l-adozzjoni tal-istandard globali tas-CO2 tal-inġenji tal-ajru u ta’ miżuri oħra dwar it-tibdil fil-klima, l-istorbju, u l-kwalità tal-arja.

Id-delegazzjonijiet enfasiżżaw l-importanza li jitnaqqsu l-impatti ambjentali tal-avjazzjoni billi:

titkompla l-kooperazzjoni dwar il-programmi ta’ modernizzazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ta’ NextGEN u SESAR, inkluża l-Inizjattiva Atlantika għall-Interoperabbiltà biex Jitnaqqsu l-Emissjonijiet (AIRE),

jitrawwem u jiżdied ir-ritmu, kif xieraq, tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda tal-inġenji tal-ajru u tal-karburanti alternattivi sostenibbli, u permezz tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar is-Sema Nadifa, il-Programm Kontinwu għall-Enerġija, Emissjonijiet u Storbju Baxxi (CLEEN), l-Inizjattiva għall-Karburanti Alternattivi għall-Avjazzjoni Kummerċjali (CAAFI), u l-inizjattiva għal Mod Sostenibbli għall-Karburant u Enerġija Alternattivi fl-Avjazzjoni (SWAFEA), u

jikkollaboraw mal-komunità xjentifika permezz, pereżempju, tal-Grupp Xjentifiku tas-CAEP dwar l-Impatti biex jinftiehmu u jiġu kkwantifikati aħjar l-effetti tal-avjazzjoni fuq l-ambjent, bħas-saħħa u l-impatti tal-klima li mhumiex marbuta mas-CO2.