19.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/26


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ Awwissu 2010

li tawtorizza l-kontrolli fiżiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 669/2009 li għandhom jitwettqu fi stabbilimenti approvati tal-operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel f’Malta

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 5684)

(Il-verżjoni Ingliża u dik bil-Malti biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/458/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 tal-24 ta’ Lulju 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta’ ċertu għalf u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali u li jemenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 669/2009 jistabbilixxi r-regoli rigward iż-żieda fil-livell ta’ kontrolli fuq l-importazzjoni ta’ ċertu ikel u għalf ta’ oriġini mhux mill-annimali, inklużi l-kontrolli fiżiċi li għandhom jitwettqu f’punti magħżulin tad-dħul fl-Unjoni Ewropea. Dan jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti minimi għal dawn il-punti tad-dħul u jistipula li l-Istati Membri għandhom ipoġġu għad-disponibbiltà tal-pubbliku lista ta’ dawn il-punti tad-dħul, fuq l-Internet.

(2)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 jistipula li l-Kummissjoni, fuq talba ta’ Stat Membru, tista’ tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti ta’ ċerti punti magħżula tad-dħul, li joperaw taħt limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi, biex iwettqu l-kontrolli fiżiċi fl-istabbilimenti tal-operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet.

(3)

Permezz ta’ ittra bid-data tat-18 ta’ Diċembru 2009, Malta rreferiet għas-sitwazzjoni ġeografika speċifika tal-punt tad-dħul magħżul fil-Port tal-Furjana, għall-ammont relattivament żgħir ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta’ prodotti ta’ oriġini mhux mill-annimali, kif ukoll għaċ-ċokon u l-viċinanza tal-gżejjer li jiffurmaw it-territorju tagħha, u talbet lill-Kummissjoni biex tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak il-punt tad-dħul li jwettqu l-kontrolli fiżiċi meħtieġa fil-postijiet ta’ ċerti operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel.

(4)

Permezz ta’ ittra bid-data tat-28 ta’ Frar 2010 u f’korrispondenza sussegwenti, Malta assigurat lill-Kummissjoni li: se jkunu approvati biss, għat-twettiq tal-kontrolli fiżiċi, l-istabbilimenti tal-operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi għall-punti magħżula tad-dħul stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 669/2009; il-livell ta’ riżorsi allokati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Port tal-Furjana jkun tali li l-attivitajiet ta’ kontroll imwettqa f’dak il-punt magħżul tad-dħul ma jiġux imxekkla jew milquta ħażin mill-possibbiltà li l-kontrolli fiżiċi jitwettqu f’post ieħor; u l-kunsinni magħżula għall-kontrolli fiżiċi fl-istabbilimenti tal-operaturi tan-negozju tal-għalf jew tal-ikel se jibqgħu taħt il-kontroll kontinwu tal-awtoritajiet kompetenti tal-Port tal-Furjana sa mill-wasla tagħhom f’dan il-punt tad-dħul u b’tali mod li ma jkunu jistgħu jiġu mbagħbsa bl-ebda mod tul il-kontrolli kollha.

(5)

Għaldaqstant, meta jitqiesu l-limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi tal-punt magħżul tad-dħul tal-Port tal-Furjana u l-konferma mingħand Malta li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 ġew sodisfatti, huwa xieraq li jiġi awtorizzat li l-kontrolli fiżiċi jistgħu jitwettqu fl-istabbilimenti ta’ ċerti operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel approvati minn Malta għal dan it-tip ta’ kontrolli.

(6)

Biex tiġi żgurata biżżejjed pubbliċità għall-awtorizzazzjoni stipulata f’din id-Deċiżjoni, hu xieraq li fuq l-Internet issir disponibbli għall-pubbliku lista tal-istabbilimenti tal-operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel, approvati għal kontrolli fiżiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 669/2009, permezz tal-link nazzjonali stabbilit fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-punt magħżul tad-dħul tal-Furjana f’Malta huma b’dan awtorizzati, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 669/2009, li jwettqu l-kontrolli fiżiċi stipulati fl-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-Regolament dwar l-importazzjonijiet ta’ għalf u ikel mhux ta’ oriġini mill-annimali, elenkati fl-Anness I tiegħu, fl-istabbiliment ta’ operatur tan-negozju tal-għalf jew tal-ikel approvat minn Malta għal dawn il-kontrolli, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-lista tal-operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel li l-istabbilimenti tagħhom huma approvati minn Malta, kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, se ssir disponibbli għall-pubbliku fuq l-Internet permezz tal-link nazzjonali stabbilit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 669/2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Malta.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Awwissu 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 194, 25.7.2009, p. 11.