12.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/42


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/450/PESK

tal-11 ta’ Awwissu 2010

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sudan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/556/PESK (1) dwar il-ħatra ta’ Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem “ir-RSUE”) għas-Sudan.

(2)

Is-Sinjura Rosalind MARSDEN għandha tinħatar bħala RSUE għas-Sudan mill-1 ta’ Settembru 2010 sal-31 ta’ Awwissu 2011. Madankollu, il-mandat tar-RSUE jista’ jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn hawn ‘il quddiem “ir-RGħ”) wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ħatra

Is-Sinjura Rosalind MARSDEN hija b’dan maħtura bħala r-RSUE għas-Sudan mill-1 ta’ Settembru 2010 sal-31 ta’ Awwissu 2011. Il-mandat tar-RSUE jista’ jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta tar-RGħ wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem “l-UE” jew“l-Unjoni”) fis-Sudan, filwaqt li jaħdem mal-partijiet Sudaniżi, l-Unjoni Afrikana (UA) u n-Nazzjonijiet Uniti (NU) u partijiet interessati nazzjonali, reġjonali u internazzjonali oħra biex tinkiseb tranżizzjoni paċifika skont il-Ftehim Komprensiv ta’ Paċi (CPA), inkluż l-organizzazzjoni ta’ referendums kredibbli dwar l-Abyei u l-awtodeterminazzjoni tan-Nofsinhar tas-Sudan f’Jannar 2011. Dan jinkludi kontribut attiv għall-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tas-CPA u arranġamenti għal wara r-referendum; l-appoġġ għall-bini tal-istituzzjoni u t-trawwim tal-istabbiltà, is-sigurtà u l-iżvilupp fin-Nofsinhar tas-Sudan irrispettivament mill-eżitu tar-referendum dwar l-awtodeterminazzjoni; it-titjib tas-sigurtà u l-faċilitazzjoni ta’ soluzzjoni politika għall-konflitt fid-Darfur; il-promozzjoni tal-ġustizzja, ir-rikonċiljazzjoni u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż kooperazzjoni sħiħa mal-Qorti Kriminali Internazzjonali; u t-titjib tal-aċċess umanitarju fis-Sudan kollu.

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jaħdem mal-Gvern tas-Sudan, il-Gvern tas-Sudan tan-Nofsinhar, il-movimenti armati tad-Darfur u partijiet Sudaniżi oħra kif ukoll mas-soċjetà ċivili u ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u jżomm kooperazzjoni mill-qrib mal-UA, u n-NU bil-għan li jitwettqu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni;

(b)

jippromovi approċċ internazzjonali konsistenti lejn is-Sudan billi jżomm kuntatti mill-qrib mal-UA, u b’mod partikolari l-Grupp ta’ Implimentazzjoni ta’ Livell Għoli tal-UA għas-Sudan (AUHIP), in-NU, inklużi konsultazzjonijiet mill-qrib u regolari mal-Missjoni tan-NU fis-Sudan (UNMIS), u l-operazzjoni ibrida UA/NU fid-Darfur (UNAMID), l-Aġenzija Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), il-Lega tal-Istati Għarab (LAS) u partijiet interessati reġjonali u prinċipali oħra, inkluż il-Mibgħut Speċjali tal-Istati Uniti;

(c)

jipparteċipa fil-ħidma tal-Forum Konsultattiv Internazzjonali fir-rigward ta’ sforzi internazzjonali koerenti lejn is-Sudan;

(d)

iżomm kuntatti politiċi ta’ livell għoli regolarment mal-IGAD u l-partijiet interessati reġjonali ewlenin, bil-ħsieb ta’ aktar żviluppi fl-implimentazzjoni tas-CPA u l-impatt tagħhom fuq l-integrazzjoni tas-Sudan fir-reġjun biex jimpenja ruħu attivament ma’ stati Afrikani reġjonali u ewlenin biex jissaħħaħ il-kunsens wara l-implimentazzjoni tas-CPA inkluż ir-rispett għall-eżitu tar-referendum dwar l-awtodeterminazzjoni għan-Nofsinhar tas-Sudan;

(e)

jappoġġa l-ħidma tal-Medjatur Konġunt NU/UA u l-AUHIP rigward sforzi internazzjonali biex jiġi ffaċilitat ftehim ta’ paċi dejjiema għad-Darfur u jsegwi mill-qrib il-proċess ta’ negozjar, iffaċilitat fost l-oħrajn mill-Gvernijiet tal-Qatar, l-Eġittu, il-Libja u oħrajn;

(f)

fir-rigward tal-ġlieda kontra l-impunità fis-Sudan u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tat-tfal u tan-nisa, isegwi s-sitwazzjoni u jżomm kuntatti regolari mal-awtoritajiet Sudaniżi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-UA u n-NU, b’mod partikolari mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-osservaturi għad-drittijiet tal-bniedem attivi fir-reġjun;

(g)

jirrappreżenta lill-Unjoni, kull meta jkun possibbli, fil-Kummissjoni ta’ Valutazzjoni u Evalwazzjoni tas-CPA;

(h)

mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE (UE MOE), jakkumpanja mill-qrib it-tħejjija u l-iskjerar ta’ kwalunkwe MOE futura fis-Sudan u jippromovi s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li saru; u

(i)

jikkontribwixxi attivament fil-formulazzjoni ta’ strateġija futura tal-UE u l-impenn wara t-tmiem tas-CPA, wkoll f’termini ta’ promozzjoni ta’ relazzjonijiet kostruttivi bejn Khartoum u Juba, irrispettivament mill-eżitu tar-referendums.

2.   Bil-għan li jwettaq il-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu, fost l-oħrajn:

(a)

jagħti parir u jirraporta dwar id-definizzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE f’fora internazzjonali sabiex jippromovi u jsaħħaħ proattivament approċċ konsistenti ta’ politika tal-UE lejn is-Sudan;

(b)

iżomm ħarsa ġenerali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni u jikkoopera mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Unjoni f’Khartoum u d-delegazzjoni tal-Unjoni għall-UA f’Addis Ababa;

(c)

jappoġġa l-proċess politiku u l-attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni tas-CPA, u n-negozjar tal-arranġamenti meħtieġa għall-perijodu ta’ wara r-referendum kif ukoll l-isforzi fil-qasam tal-bini tal-istituzzjonijiet fin-Nofsinhar tas-Sudan;

(d)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE rigward ir-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSCRs) dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, inkluż permezz tal-monitoraġġ u r-rappurtar dwar żviluppi f’dan ir-rigward; u

(e)

iwettaq segwitu u jirrapporta dwar il-konformità tal-partijiet Sudaniżi mal-UNSCRs rilevanti, notevolment 1556 (2004), 1564 (2004), 1590 (2005), 1591 (2005), 1593 (2005), 1612 (2005), 1663 (2006), 1672 (2006), 1679 (2006), 1769 (2007), 1778 (2007), 1881 (2009), 1882 (2009), 1891 (2009), 1919 (2010).

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (minn hawn ‘il quddiem “il-KPS”) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2010 sal-31 ta’ Awwissu 2011 għandu jkun ta’ EUR 1 820 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull infiq.

Artikolu 6

Struttura u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernati rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu jiġu stazzjonati wkoll mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni mandanti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

4.   Għandhom jinżammu l-uffiċċji tar-RSUE f’Khartoum u f’Juba, li jinkludu Konsulent Politiku u l-persunal ta’ appoġġ amministrattiv u loġistiku meħtieġ. Skond il-mandat tar-RSUE kif imfisser fl-Artikolu 3, jista’ jiġi stabbilit ukoll sub-uffiċċju f’Darfur jekk l-Uffiċċji eżistenti f’Khartoum u Juba ma jkunux jistgħu jipprovdu s-sostenn kollu meħtieġ lill-persunal tar-RSUE skjerat fir-reġjun tad-Darfur.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/partijiet ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (2), b’mod partikolari fil-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif meħtieġ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

Konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni ibbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, dwar il-ġestjoni tal-moviment sigur ta’ persunal lejn, u fiż-żona tal-missjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tiegħu li jridu jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu ħadu taħriġ ta’ sigurtà xieraq qabel u mal-wasla fiż-żona tal-missjoni, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni ta’ riskju mogħtija liż-żona ta’ missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet ta’ sigurtà regolari jiġu implimentati, u jipprovdi lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport intermedju u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

1.   Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS b’rapporti orali u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport, kif meħtieġ, lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.

2.   Ir-RSUE għandu jirrapporta regolarment lill-KPS dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur u dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan kollu kemm hu.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jippromovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fuq il-post jaġixxu b’mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni b’aġġornamenti ta’ informazzjoni regolari.

2.   Fil-post, għandu jinżamm kuntatt mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, inkluż f’Khartoum u f’Addis Ababa u mal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jikkollabora wkoll ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress qabel it-tmiem ta’ Frar 2011 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

S. VANACKERE


(1)  ĠU L 188, 20.7.2005, p. 43.

(2)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.