27.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/76


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta’ Lulju 2010

dwar l-allokazzjoni ta' jiem addizzjonali fuq il-baħar fit-Taqsimiet VIIIc u IXa tal-ICES, bl-eċċezzjoni tal-Golf ta' Cadiz, lill-Portugall

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 5011)

(It-test bil-Portugiż biss huwa awtentiku)

(2010/415/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 53/2010, tal-14 ta' Jannar 2010 li jistabbilixxi għall-2010 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tal-UE f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid (1), u b'mod partikolari l-punt 7 tal-Anness IIB tiegħu,

Billi:

(1)

Il-punt 5.1 tal-Anness IIB għar-Regolament (KE) Nru 53/2010 jispeċifika l-għadd massimu ta' ġranet li fihom bastimenti tal-Unjoni ta' tul totali ta' 10 metri jew aktar u li għandhom abbord xbieki tat-tkarkir, tartaruni Daniżi u rkaptu simili b'malji ta' 32 mm jew aktar u għeżul b'malji ta' 60 mm jew aktar u konzijiet tal-qiegħ jistgħu jkunu preżenti fit-taqsimiet VIIIc u IXa tal-ICES, bl-eċċezzjoni tal-Golf ta' Cadiz, mill-1 ta' Frar 2010 sal-31 ta' Jannar 2011.

(2)

Il-punt 7 tal-Anness IIB jippermetti lill-Kummissjoni talloka għadd ta' ġranet addizzjonali fuq il-baħar li fihom bastiment jista' jkun preżenti fiż-żona ġeografika meta jkun qed iġorr irkaptu bħal dan, abbażi tal-waqfiet permanenti mill-attivitajiet tas-sajd li saru mill-1 ta' Jannar 2004 'l hawn.

(3)

Fit-8 ta' Frar, fit-23 ta' Frar, fil-25 ta' Marzu u fit-22 ta' April 2010, il-Portugall ressaq dejta li turi li tmienja u għoxrin bastiment tas-sajd waqqfu l-attivitajiet tagħhom mill-1 ta' Jannar 2004 ’l hawn. Fid-dawl tad-dejta mressqa u l-metodu tal-kalkolu stipulat fil-punt 7.1 tal-Anness IIB, il-Portugall għandu jingħata dsatax-il jum addizzjonali fuq il-baħar għall-bastimenti li għandhom abbord l-irkaptu tas-sajd speċifikat fil-punt 2(a) tal-istess Anness għall-perjodu mill-1 ta' Frar 2010 sal-31 ta' Jannar 2011.

(4)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

1.   L-għadd massimu ta' jiem li fihom bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tal-Portugall u li għandu abbord irkaptu tas-sajd imsemmi fil-punt 2(a) tal-Anness IIB għar-Regolament (KE) Nru 53/2010 u li ma hu suġġett għall-ebda waħda mill-kundizzjonijiet speċjali elenkati fil-punt 5.2 ta' dak l-Anness jista' jkun preżenti fit-Taqsimiet VIIIc u IXa tal-ICES, bl-eċċezzjoni tal-Golf ta' Cadiz, kif stipulat fit-Tabella I ta' dak l-Anness, għandu jiġi emendat għal 177 jum fis-sena.

2.   L-għadd massimu ta' jiem imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni li tista’ tittieħed fil-futur mill-Kummissjoni abbażi tal-punt 7.5 tal-Anness IIB għar-Regolament (UE) Nru 53/2010 dwar il-valutazzjoni mill-ġdid tal-għadd addizzjonali ta' ġranet li jkun ġej mill-waqfien permanenti tal-attività u li l-Kummissjoni tkun allokat qabel.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Portugall.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Maria DAMANAKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 21, 26.1.2010, p. 1.