27.7.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 195/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-13 ta’ Lulju 2010
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu
(2010/412/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 87(2)(a) u 88 (2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
Bid-deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti biex titqiegħed għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti d-data dwar messaġġi finanzjarji għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu. |
(2) |
B’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/411/UE tat-28 ta’ Ġunju 2010 (1) l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-28 ta’ Ġunju 2010, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. |
(3) |
Il-Ftehim għandu jiġi konkluż. |
(4) |
Il-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, speċjalment id-dritt għal ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta, u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Ftehim għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet u prinċipji. |
(5) |
Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
(6) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(7) |
B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (2).
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-Kummissjoni hija mistiedna tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, mhux aktar tard minn sena mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, qafas legali u tekniku għall-estrazzjoni tad-data fit-territorju tal-UE.
Fi żmien tlett snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, il-Kummissjoni hija mistiedna sabiex tippreżenta rapport tal-progress dwar l-iżvilupp ta’ sistema ekwivalenti tal-UE fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-Ftehim.
Jekk, ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, is-sistema ekwivalenti tal-UE ma tkunx ġiet stabbilita, l-Unjoni għandha tikkunsidra jekk iġġeddidx il-Ftehim skont l-Artikolu 21(2) tiegħu.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna(i) li jkollha s-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni, għall-iskambju tal-istrumenti ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 23 tal-Ftehim, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
D. REYNDERS
(1) Ara paġna 5 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(2) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
27.7.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 195/3 |
TRADUZZJONI
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu
L-UNJONI EWROPEA
min-naħa waħda, u
L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA,
min-naħa l-oħra,
Minn hawn ‘il quddiem imsejjħa “il-Partijiet”,
XEWQANA li jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, b’mod partikolari bil-kondiviżjoni reċiproka ta’ informazzjoni, bħala mezz ta’ protezzjoni għas-soċjetatjiet demokratiċi rispettivi tagħhom u l-valuri, drittijiet, u libertajiet komuni tagħhom;
FILWAQT LI JFITTXU li jtejbu u jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-ispirtu ta’ sħubija transatlantika;
FILWAQT LI JFAKKRU l-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1373 (2001) u d-direttivi tagħha li l-Istati kollha għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jipprevjenu t-twettieq ta’ atti terroristiċi, inkluż l-għoti ta’ twissijiet fil-ħin lil Stati oħra pemezz ta’ skambju ta’ informazzjoni; li l-Istati għandhom jagħtu lil xulxin l-akbar livell ta’ assistenza b’rabta mal-investigazzjonijiet kriminali jew proċeduri kriminali relatati mal-finanzjament jew sostenn għal atti terroristiċi; li l-Istati għandhom isibu mezzi biex jintensifikaw u jaċċeleraw l-iskambju ta’ informazzjoni operattiva; li l-Istati għandhom jagħmlu skambju ta’ informazzjoni b’konformità mal-liġi internazzjonali u nazzjonali; u li l-Istati għandhom jikkooperaw, b’mod partikolari permezz ta’ arranġamenti bilaterali u multilaterali, biex jipprevjenu u jrażżnu attakki terroristiċi u biex jittieħdu passi kontra dawk li jikkommettu attakki bħal dawn;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (“TFTP”) tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti kien strumentali fl-identifikazzjoni u l-qbid ta’ terroristi u l-finanzjaturi tagħhom u ġġenera bosta indizji li tqassmu lill-awtoritajiet kompetenti madwar id-dinja għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’valur partikolari għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (“Stati Membri”);
FILWAQT LI JINNUTAW l-importanza tat-TFTP fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu fl-Unjoni Ewropea u bnadi oħra, u r-rwol importanti tal-Unjoni Ewropea fl-iżgurar li l-fornituri maħtura għas-servizzi ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali jqiegħdu għad-dispożizzjoni data ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji maħżuna fit-territorju tal-Unjoni Ewropea li huma meħtieġa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, soġġett għal konformità stretta ma’ salvagwardji dwar il-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali;
FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, id-dritt tal-privatezza rigward l-ipproċessar tad- data personali kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji tal-proporzjonalità u l-ħtieġa rigward id-dritt għar-rispett għal ħajja privata u tal-familja, ir-rispett għall-privatezza, u l-protezzjoni tad- data personali taħt l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali, u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM il-firxa tal-protezzjonijiet ta’ privatezza fl-Istati Uniti tal-Amerika (“Stati Uniti”), kif jidher fil-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti, u fil-leġiżlazzjoni kriminali u ċivili, fir-regolamenti u fil-politiki għal perjodu twil tagħha, li huma infurzati u miżmuma b’kontrolli u bilanċi applikati mit-tliet fergħat tal-gvern;
FILWAQT LI JISĦQU dwar il-valuri komuni li jirregolaw il-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Uniti tal-Amerika, inkluża l-importanza li ż-żewġ Partijiet jagħtu lill-proċess ġust u d-dritt għal tfittxija ta’ rimedji effettivi għal azzjoni governattiva mhux adatta;
FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM l-interess reċiproku fil-konklużjoni malajr ta’ ftehim vinkolanti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti abbażi ta’ prinċipji komuni li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-data personali meta tiġi trasferita għall-finijiet ġenerali tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li jiftakru l-importanza li jitqies bir-reqqa l-effett tiegħu fuq ftehimiet preċedenti u l-prinċipju tar-rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv fuq bażi mhux diskriminatorja;
FILWAQT LI JINNUTAW il-kontrolli u s-salvagwardji stretti ħafna li jintużaw mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għall-ġestjoni, l-użu u d-disseminazzjoni ta’ data ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji f’konformità mat-TFTP, kif deskritt fir-rappreżentazzjonijiet tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal- 20 ta’ Lulju 2007 u r-Reġistru Federali tal-Istati Uniti fit- 23 ta’ Ottubru 2007, li jirriflettu l-kooperazzjoni li għaddejja bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra t-terroriżmu globali;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU ż-żewġ reviżjonijiet u rapporti komprensivi tal-persuna indipendenti maħtura mill-Kummissjoni Ewropea biex tikkonferma l-konformità mas-salvagwardji tat-TFTP dwar il-protezzjoni tad-data, li jikkonkludu li l-Istati Uniti kienet konformi mal-prattiki deskritti fir-Rappreżentanzzjonijiet tagħha u kif ukoll li t-TFTP ikun iġġenera benefiċċji ta’ sigurtà sinifikanti għall-Unjoni Ewropea u li kienet indispensabbli mhux biss fl-investigar ta’ attakki terroristiċi, iżda wkoll biex ikun hemm prevenzjoni ta’ numru ta’ attakki terroristiċi fl-Ewropa u bnadi oħra;
FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar ir-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti biex titqiegħed għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti d-data dwar messaġġi finanzjarji għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu;
FILWAQT LI JFAKKRU li, biex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tagħha, kwalunkwe persuna irrispettivament min-nazzjonalità tista’ tressaq ilment quddiem awtorità indipendenti għall-protezzjoni tad-data, awtorità oħra simili, qorti jew tribunal indipendenti u imparzjali, biex tfittex rimedji effettivi;
FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM li r-rimedju amministrattiv u ġudizzjaru mhux diskriminatorju hu disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti għall-użu ħażin ta’ data personali, inkluż taħt l-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva tal-1946, l-Att dwar l-Ispettur Ġenerali tal-1978, ir-Rakkomandazzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Att tal-Kummissjoni 9/11 tal-2007, l-Att dwar Frodi u Abbuż bil-Kompjuter, u l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni;
FILWAQT LI JFAKKRU li bil-liġi fl-Unjoni Ewropea klijenti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji huma infurmati li data personali li tinsab fir-rekords ta’ transazzjonijiet finanzjarji tista’ tiġi ttrasferita lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri jew pajjiżi terzi għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u li din in-notifika tista’ tinkludi informazzjoni rigward it-TFTP;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-prinċipju ta’ proporzjonalità li qed jiggwida dan il-Ftehim u li hu implimentat mill-Unjoni Ewropea u kif ukoll mill-Istati Uniti; fl-Unjoni Ewropea kif meħud mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-ġurisprudenza applikabbli tagħha, u l-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Istat Membru; u fl-Istati Uniti permezz tal-ħtiġijiet tar-raġonevolezza meħuda mill-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti u mil-liġijiet federali u tal-istat, u l-ġurisprudenza interpretattiva tagħhom, kif ukoll permezz ta’ projbizzjonijiet fuq l-eċċessività (overbreadth) ta’ digrieti li jagħtu aċċess lill-investigaturi finanzjarji għal informazzjoni finanzjarja (production orders) u dwar azzjoni arbitrarja mill-uffiċjali tal-gvern;
FILWAQT LI JAFFERMAW li dan il-Ftehim ma jikkostitwix preċedent għal xi arranġamenti futuri bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, jew bejn kwalunkwe waħda mill-Partijiet u kwalunkwe Stat, fir-rigward tal-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji jew xi forma oħra ta’ data, jew fir-rigward tal-protezzjoni tad-data;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Fornituri Maħtura huma marbuta bir-regoli tal-UE jew nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data li huma ġeneralment applikabbli, dawn ir-regoli huma maħsuba biex jipproteġu l-individwi rigward l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, taħt is-superviżjoni ta’ Awtoritajiet ta’ Protezzjoni tad-Data b’mezz konsistenti mad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan il-Ftheim; u
FILWAQT LI JKOMPLU JAFFERMAW li dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għal infurzar ieħor tal-liġi jew ftehimiet biex ikun hemm kondiviżjoni ta’ informazzjoni jew ta’ arranġamenti bejn il-Partijiet jew bejn l-Istati Uniti u l-Istati Membri,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Fini tal-Ftehim
1. Il-fini ta’ dan il-Ftehim huwa li jiġi żgurat, b’rispett sħiħ għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali, u kondizzjonijiet oħra stabbiliti f’dan il-Ftehim, li:
(a) |
messaġġi dwar pagamenti finanzjarji li jirreferu għal trasferimenti finanzjarji u data relatata maħżuna fit-territorju tal-Unjoni Ewropea minn fornituri ta’ servizzi internazzjonali ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji, li huma maħtura b’mod konġunt skont dan il-Ftehim, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għall-fini esklussiv tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu; u |
(b) |
informazzjoni rilevanti miksuba permezz tat-TFTP titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tas-sigurtà pubblika jew ta’ kontra t-terroriżmu tal-Istati Membri, jew għad-dispożizzjoni tal-Europol jew tal-Eurojust, għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu. |
2. L-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa fl-awtorità tagħhom biex iwettqu d-dispożizzjonijiet u jiksbu l-fini ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan il-Ftehim japplika biex jinkisbu u jiġu użati l-messaġġi dwar pagamenti finanzjarji u data relatata bil-ħsieb tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni ta’:
(a) |
Atti ta’ persuna jew entità li jinvolvu vjolenza, jew li huma b’xi mod perikolużi għall- ħajja tal-bniedem jew joħolqu riskju ta’ ħsara għall-proprjetà jew l-infrastruttura, u li, minħabba n-natura u l-kuntest tagħhom, huwa raġonevolment maħsub li jitwettqu bil-għan li:
|
(b) |
Persuna jew entità li tassisti, tisponsorja, jew tipprovdi sostenn finanzjarju, materjali jew teknoloġiku għal, jew servizzi finanzjarji jew servizzi oħrajn għal, jew b’appoġġ għal, l-atti deskritti fis-subparagrafu (a); |
(ċ) |
Persuna jew entità li tipprovdi jew tiġbor fondi, bi kwlunkwe mezz, dirett jew indirett, bil-ħsieb li għandhom jintużaw jew bl-għarfien li dawn se jintużaw, kollha kemm huma jew parti minnhom, sabiex jitwettaq kwalunkwe wieħed mill-atti deskritti fis- subparagrafi (a) jew (b); jew |
(d) |
Persuna jew entità li tgħin, tassisti jew tipprova twettaq atti deskritti fis-subparagrafi (a), (b) jew (c). |
Artikolu 3
Żgurar tal-Forniment tad-Data mill-Fornituri Maħtura
Il-Partijiet, b’mod konġunt jew individwali, għandhom jiżguraw, f’konformità ma’ dan il-Ftehim u b’mod partikolari mal-Artikolu 4, li l-entitajiet maħtura b’mod konġunt mill-Partijiet taħt dan il-Ftehim bħala fornituri ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali (“Fornituri Maħtura”) iqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti messaġġi dwar pagamenti finanzjarji mitluba u data relatata li huma meħtieġa għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu (“Data Provduta”). Il-Fornituri Maħtura għandhom jiġu identifikati fl-Anness għal dan il-Ftehim u jistgħu jiġu aġġornati, kif meħtieġ, bi skambju ta’ noti diplomatiċi. Kwalunkwe emendi għal dan l-Anness għandhom jiġu ppubblikati kif xieraq f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Talbiet mill-Istati Uniti għall-Ksib ta’ Data mill-Fornituri Maħtura
1. Għall-fini ta’ dan il-Ftehim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jordna u jinnotifika production orders (“Talbiet”), taħt l-awtorità tal-liġi tal-Istati Uniti, lill-Fornitur Maħtur preżenti fit-territorju tal-Istati Uniti sabiex jikseb id-data meħtieġa għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu li tkun maħżuna fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.
2. It-Talba (flimkien ma’ kwalunkwe dokumenti supplimentari) għandha:
(a) |
tidentifika b’mod ċar kemm jista’ jkun id-data, inklużi l-kategoriji speċifiċi tad-data mitluba, li huma meħtieġa għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu; |
(b) |
tissostanzja b’mod ċar il-ħtieġa tad-data; |
(ċ) |
titfassal b’attenzjoni kbira biex jiġi minimizzat l-ammont tad-data mitluba, filwaqt li titqies l-analiżi, passata u kurrenti ta’ riskju ta’ terroriżmu, iffukata fuq tipi ta’ messaġġi u ġeografija kif ukoll dak li hu perċepit bħala theddid terroristiku u l-vulnerabbilitajiet u tal-analiżi ġeografika, tat-theddid u tal-vulnerabbiltà; u |
(d) |
ma tfittixx data relatata maż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA). |
3. Wara li tiġi nnotifikata t-Talba lill-Fornitur Maħtur, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu fl-istess ħin jagħti lill-Europol kopja tat-Talba flimkien ma’ kwalunkwe dokumenti supplimentari.
4. Wara li l-Europol tirċievi din il-kopja, għandha tivverifika, bħala kwistjoni ta’ urġenza, jekk din it-Talba hijiex konformi mal-ħtiġijiet tal-paragrafu 2. L-Europol għandha tinnotifika lill-Fornitur Maħtur li kkonfermat li t-Talba hija konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2.
5. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, ladarba l-Europol tkun ikkonfermat li t-Talba hija konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2, it-Talba għandu jkollha effett legali vinkolanti kif previst taħt il-liġi tal-Istati Uniti, fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll fl-Istati Uniti. Għalhekk il-Fornitur Maħtur ikun awtorizzat u meħtieġ li jipprovdi d-data lid- Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti.
6. Il-Fornitur Maħtur għandu, minnufih wara, jipprovdi d-data (jiġifieri, fuq “bażi lineari” (push basis)) direttament lid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti. Il-Fornitur Maħtur għandu jżomm reġistru dettaljat tad-data kollha trasmessa lid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għall-fini ta’ dan il-Ftehim.
7. Ladarba d-data tkun ġiet ipprovduta skont dawn il-proċeduri, il-Fornitur Maħtur għandu jitqies li kien konformi ma’ dan il-Ftehim u mar-rekwiżiti legali l-oħra kollha applikabbli fl-Unjoni Ewropea relatati mat-trasferiment ta’ din id-data mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti.
8. Il-Fornituri Maħtura għandu jkollhom ir-rimedji kollha amministrattivi u ġudizzjarji disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti għal dawk li jirċievu t-Talbiet tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti.
9. Il-Partijiet għandhom jikkordinaw b’mod konġunt rigward il-modalitajiet tekniċi meħtieġa għas-sostenn tal-proċess ta’ konferma tal-Europol.
Artikolu 5
Salvagwardji Applikabbli għall-Ipproċessar tad-Data Pprovduta
1. Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jiżgura li d-Data Pprovduta tiġi pproċessata skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jiżgura l-protezzjoni ta’ data personali permezz tas-salvagwardji li ġejjin, li għandhom japplikaw mingħajr diskriminazzjoni, b’mod partikolari abbażi ta’ nazzjonalità jew pajjiż ta’ residenza.
2. Id-Data Pprovduta għandha tiġi pproċessata b’mod esklussiv għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu.
3. It-TFTP ma jinvolvix u m’għandux jinvolvi data mining jew kwalunkwe tip ieħor ta’ ġbir ta’ informazzjoni algoritmiku jew awtomatizzat jew iffiltrar kompjuterizzat.
4. Biex jiġi impedit l-aċċess mhux awtorizzat, jew il-kxif jew it-telf tad-data jew kwalunkwe forma mhux awtorizzata ta’ pproċessar:
(a) |
Id-Data Pprovduta għandha tinżamm f’ambjent fiżiku sigur, maħżuna b’mod separat minn kwalunkwe data oħra, u miżmuma b’sistemi ta’ livell għoli u kontrolli ta’ intrużjoni fiżika; |
(b) |
Id-Data Pprovduta m’għandha tkun interkonnessa mal-ebda bażi tad-data oħra; |
(ċ) |
L-aċċess għad-Data Pprovduta għandu jiġi limitat għall-analisti li jinvestigaw it-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu u għall-persuni involuti fl-appoġġ tekniku, fil-ġestjoni, u fis-sorveljanza tat-TFTP; |
(d) |
Id-Data Pprovduta m’għandha tkun soġġetta għal ebda manipulazzjoni, alterazzjoni jew żieda; u |
(e) |
M’għandha ssir ebda kopja tad-Data Pprovduta, ħlief għall-finijiet ta’ back-up ta’ rkupru minn diżastru; |
5. It-tiftix kollu tad-Data Pprovduta għandu jiġi bbażat fuq informazzjoni jew evidenza li tkun diġà teżisti li turi raġuni biex wieħed jemmen li hemm rabta bejn is-suġġett tat-tiftixa u t-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu;
6. Kull tiftixa individwali tat-TFTP tad-Data Pprovduta għandha tiġi mfassla b’attenzjoni kbira, għandha turi raġuni biex wieħed jemmen li hemm rabta bejn is-suġġett tat-tiftixa u t-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu, u għandha tiġi rreġistrata, inkluża tali raġuni ta’ rabta mat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu meħtieġa biex tinbeda t-tiftixa.
7. Id-Data Pprovduta tista’ tinkludi informazzjoni li tidentifika l-oriġinatur u/jew ir-riċevitur tat-transazzjoni, inkluż l-isem, in-numru tal-kont, l-indirizz, u n-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali. Il-Partijiet jirrikonoxxu s-sensittività speċjali ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, jew twemmin reliġjuż jew twemmin ieħor, sħubija ma’ trade union, jew saħħa u ħajja sesswali (“data sensittiva”). Fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali fejn id-data estratta tkun tinkludi data sensittiva, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jipproteġi din id-data skont il-miżuri ta’ salvagwardji u ta’ sigurtà stabbiliti f’dan il-Ftehim u b’rispett sħiħ u kunsiderazzjoni għas-sensittività speċjali tagħhom.
Artikolu 6
Iż-Żamma u t-Tħassir ta’ Data
1. Matul il-perjodu ta’ dan il-Ftehim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jidħol f’evalwazzjoni kontinwa u għallinqas darba fis-sena, biex jidentifika data mhux estratta li mhijiex aktar meħtieġa għall-ġlieda kontra it-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu. Fil-każ li tinstab din id-data, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jħassarha b’mod permanenti hekk kif ikun teknoloġikament possibbli.
2. Jekk jirriżulta li ġiet trasferita data ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji li ma ġietx mitluba, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jħassar minnufih u b’mod permanenti din id-data u għandu jinforma l-Fornitur Maħtur rilevanti.
3. Soġġetta għal kwalunkwe tħassir passat ta’ data li jirriżulta mill-paragrafi 1, 2, jew 5, id-data kollha li ma ġietx estratta li waslet qabel l-20 ta’ Lulju 2007 għandha titħassar mhux aktar tard mill-20 ta’ Lulju 2012.
4. Soġġetta għal kwalunkwe tħassir passat ta’ data li jirriżulta mill-paragrafi 1, 2, jew 5, id-data li ma ġietx estratta li waslet fl-20 ta’ Lulju 2007 jew wara din id-data għandha titħassar mhux aktar tard minn ħames (5) snin mid-data ta’ meta waslet.
5. Matul il-perjodu ta’ dan il-Ftehim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jidħol f’evalwazzjoni kontinwa u għallinqas darba fis-sena biex jivvaluta l-perjodi għaż-żamma tad-data speċifikati fil-paragrafi 3 u 4 biex jiżgura li dawn il-perjodi ma jkunux itwal minn dak meħtieġ għall-ġlieda kontra it-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu. Fil-każ li kwlaunkwe perjodi għaż-żamma tad-data bħal dawn jiġu ddeterminati li jkunu itwal milli meħtieġ għall-ġlieda kontra it-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jnaqqas dawn il-perjodi għaż-żamma tad-data, kif jixraq.
6. Mhux aktar tard minn tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandhom iħejju rapport konġunt rigward il-valur tad-Data Pprovduta tat-TFTP, b’enfażi partikolari fuq il-valur tad-data miżmuma għal snin multipli u informazzjoni rilevanti miksuba minn reviżjoni konġunta li saret skont l-Artikolu 13. Il-Partijiet għandhom jiddeterminaw b’mod konġunt il-modalitajiet ta’ dan ir-rapport.
7. L-informazzjoni estratta mid-Data Pprovduta, inkluża informazzjoni kondiviża taħt l-Artikolu 7, għandha tinżamm biss għal dak il-perjodu meħtieġ biex jintużaw għal investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet speċifiċi.
Artikolu 7
Trasferiment ‘il Quddiem
It-trasferiment ‘il quddiem ta’ informazzjoni estratta mid-Data Pprovduta għandu jiġi llimitat skont is-salvagwardji li ġejjin:
(a) |
Għandha tiġi kondiviża dik l-informazzjoni biss li ġiet estratta bħala riżultat ta’ tiftixa individwalizzata kif deskritt f’dan il-Ftehim, b’mod partikolari fl-Artikolu 5; |
(b) |
Informazzjoni bħal din għandha tiġi kondiviża biss ma’ awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tas-sigurtà pubblika, jew ta’ kontra t-terroriżmu fl-Istati Uniti, l-Istati Membri, jew pajjiżi terzi, jew mal-Europol jew l-Eurojust, jew korpi internazzjonali xierqa oħra, fil-limiti tar-responsabbiltajiet tal-mandati rispettivi tagħhom; |
(ċ) |
Informazzjoni bħal din għandha tiġi kondiviża għal raġunijiet ta’ indizji biss u għall-fini esklussiv tal-investigazzjoni, tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu; |
(d) |
Fil-każ fejn id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkun konxju li informazzjoni bħal din tinvolvi ċittadini jew residenti ta’ Stat Membru, kwalunkwe kondiviżjoni ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiż terz għandha tkun soġġetta għall-kunsens minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jew skont il-protokolli eżistenti dwar il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bħal din bejn id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti u dak l-Istat Membru, barra fil-każijiet fejn il-kondiviżjoni tad-data tkun essenzjali għall-prevenzjoni ta’ theddida immedjata jew gravi għas-sigurtà pubblika tal-Parti ma’ dan il-Ftehim, Stat Membru, jew pajjiż terz. Fil-każ ta’ dan tal-aħħar l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jiġu informati dwar din il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli; |
(e) |
Fil-kondiviżjoni ta’ din l-informazzjoni, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jitlob li l-informazzjoni għandha titħassar mill-awtorità li tirċievi l-informazzjoni hekk kif ma tkunx aktar meħtieġa għall-fini li għalih kienet ġiet kondiviża; u |
(f) |
Kull trasferiment ‘il quddiem għandu jiġi rreġistrat kif xieraq. |
Artikolu 8
Adegwatezza
Soġġett għall-konformità kontinwa mal-impenji dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali stabbiliti f’dan il-Ftehim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti hu meqjus li jiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni tad-data għall-ipproċessar ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji u data relatata ttrasferita mill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Uniti għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 9
Forniment Spontanju ta’ Informazzjoni
1. Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jiżgura li jqiegħed għad-dispożizzjoni, mill-aktar fis possibbli u bl-aktar mod espedjenti, tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tas-sigurtà pubblika, jew ta’ kontra t-terroriżmu tal-Istati Membri kkonċernati, u, kif xieraq, għad-dispożizzjoni tal-Europol u tal-Eurojust, fl-ambitu tal-mandati rispettivi tagħhom, informazzjoni miksuba permezz tat-TFTP li tista’ tikkontribwixxi għall-investigazzjoni, il-prevenzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni mill-Unjoni Ewropea dwar it-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu. Kwalunkwe informazzjoni sussegwenti li tista’ tikkontribwixxi għall-investigazzjoni, il-prevenzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni mill-Istati Uniti dwar it-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu għandha tingħadda lura lill-Istati Uniti fuq bażi reċiproka jew mod reċiproku.
2. Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni, l-Europol jista’ jaħtar uffiċjal ta’ kollegament għad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti. Il-modalitajiet tal-istatus u tal-kompiti tal-uffiċjal ta’ kollegament għandhom jiġu deċiżi b’mod konġunt mill-Partijiet.
Artikolu 10
Talbiet mill-UE għal Tiftix tat-TFTP
Meta awtorità tal-infurzar tal-liġi, tas-sigurtà pubblika, jew ta’ kontra t-terroriżmu ta’ Stat Membru, jew tal-Europol jew tal-Eurojust tiddetermina li hemm raġuni biex wieħed jemmen li persuna jew entità għandha rabta mat-terroriżmu jew mal-finanzjament tiegħu kif definit fl-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/919/ĠAI u d-Direttiva 2005/60/KE, tali awtorità tista’ titlob tiftixa għal informazzjoni rilevanti miksuba permezz tat-TFTP. Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu mill-ewwel iwettaq tiftixa f’konformità mal-Artikolu 5 u jipprovdi informazzjoni rilevanti b’reazzjoni għal tali talbiet.
Artikolu 11
Kooperazzjoni ma’ Sistema Ekwivalenti tal-UE fil-Futur
1. Matul l-perjodu ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea se twettaq studju dwar l-introduzzjoni possibbli ta’ sistema tal-EU ekwivalenti li tippermetti għal trasferiment aktar iffokat ta’ data.
2. Jekk, wara dan l-istudju, l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li tistabbilixxi sistema tal-EU, l-Istati Uniti għandha tikkoopera u tipprovdi assistenza u konsulenza biex tikkontribwixxi għall-istabbiliment effettiv ta’ din is-sistema.
3. Peress li l-istabbiliment ta’ sistema tal-EU jista’ jbiddel b’mod sostanzjali l-kuntest ta’ dan il-Ftehim, jekk l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li tistabbilixxi tali sistema, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw biex jiddeterminaw jekk dan il-Ftehim hux ser ikollu bżonn jiġi aġġustat kif xieraq. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti u tal-UE għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-komplementarjetà u l-effikaċja tas-sistemi tal-Istati Uniti u tal-UE b’mod li jsaħħaħ ulterjorment is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Istati Uniti, tal-Unjoni Ewropea, u bnadi oħra. Fl-ispirtu ta’ din il-kooperazzjoni, il-Partijiet għandhom isegwu b’mod attiv, abbażi tar-reċiproċità u salvagwardji xierqa, il-kooperazzjoni ta’ kwalunkwe fornitur rilevanti ta’ servizzi ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali li huma bbażati fit-territorji rispettivi tagħhom għall-finijiet li tiġi żgurata d-disponibbiltà kontinwa u effettiva tas-sistemi tal-Istati Uniti tal-UE.
Artikolu 12
Monitoraġġ tas-Salvagwardji u tal-Kontrolli
1. Il-konformità mal-limitazzjoni stretta għall-fini ta’ kontra t-terroriżmu u s-salvagwardji l-oħra stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 għandha tkun soġġetta għal monitoraġġ u sorvreljanza minn osservaturi indipendenti, inkluż minn persuna maħtura mill-Kummissjoni Ewropea, bi ftehim ma’ u soġġett għall-approvazzjoni tas-sigurtà xierqa tal-Istati Uniti. Tali sorveljanza għandha tinkludi l-awtorità li tirrevedi f’ħin reali u b’mod retrospettiv it-tfittix kollu li sar fuq id-Data Pprovduta, l-awtorità li tistaqsi dwar dan it-tfittix u, kif xieraq, l-awtorità li titlob ġustifikazzjoni addizzjonali dwar ir-rabta mat-terroriżmu. B’mod partikolari, superviżuri indipendenti għandu jkollhom l-awtorità li jimblukkaw kwalunkwe tiftixa, jew it-tiftix kollu li jkun jidher li jkun bi ksur tal-Artikolu 5.
2. Is-sorveljanza deskritta fil-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għal monitoraġġ regolari, inkluż tal-indipendenza tas-sorveljanza deskritta fil-paragrafu 1, fil-qafas tar-reviżjoni prevista fl-Artikolu 13. L-Ispettur Ġenerali tad-Dipartiment tat-Teżor Amerikan ser jassigura illi s-sorveljanza indipendenti deskritta fil-paragrafu 1 tiġi mwettqa skont standards applikabbli għall-verifika.
Artikolu 13
Reviżjoni Konġunta
1. Fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet u li fi kwalunkwe każ wara perjodu ta’ sitt (6) xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jirrevedu b’mod konġunt is-salvagwardji, kontrolli u dispożizzjonijiet ta’ reċiproċità stabbiliti f’dan il-Ftehim. Minn dak in-nhar ‘il quddiem ir-reviżjoni għandha titwettaq fuq bażi regolari, u b’reviżjonijiet addizzjonali kif meħtieġ.
2. Ir-reviżjoni għandha tqis b’mod partikolari (a) in-numru ta’ messaġi dwar pagamenti finanzjarji li ġew aċċessi, (b) in-numru ta’ okkażjonijiet li ġew kondiviżi indizji ma’ Stati Membri, pajjiżi terzi, u l-Europol u l-Eurojust, (c) l-implimentazzjoni u l-effikaċja ta’ dan il-Ftehim, inkluża s-sostenibbiltà tal-mekkaniżmu għat-trasferiment ta’ informazzjoni, (d) każi fejn l-informazzjoni intużat għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu u tal-finanzjament tiegħu, u (e) il-konformità mal-obbligi tal-protezzjoni tad-data speċifikati f’dan il-Ftehim. Ir-reviżjoni għandha tinkludi kampjun rappreżentattiv u kawżali ta’ tiftixa sabiex issir verifikazzjoni tal-konformità mas-salvagwardji u mal-kontrolli stabbiliti f’dan il-Ftehim, kif ukoll valutazzjoni ta’ proporzjonalità tad-Data Pprovduta, abbażi tal-valur ta’ din id-data għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu u tal-finanzjament tiegħu. Wara r-reviżjoni, il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim ta’ dan il-Ftehim, inklużi l-oqsma msemmija f’dan il-paragrafu.
3. Għall-finijiet tar-reviżjoni, l-Unjoni Ewropea għandha tiġi rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-Istati Uniti għandhom jiġi rrapreżentati mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti. Kull Parti, fid-delegazzjoni tagħha għar-reviżjoni, tista’ tinkludi esperti fis-sigurtà u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll persuna b’esperjenza ġudizzjarja. Id-delegazzjoni għar-reviżjoni mill-Unjoni Ewropea għandha tinkludi rappreżentanti ta’ żewġ awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, li mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun minn Stat Membru fejn ikun ibbażat Fornitur Maħtur.
4. Għall-finijiet ta’ din ir-reviżjoni, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jiżgura l-aċċess għad-dokumentazzjoni, sistemi u persunal rilevanti. Il-Partijiet għandhom jiddeterminaw b’mod konġunt il-modalitajiet tar-reviżjoni.
Artikolu 14
Trasparenza – L-Għoti ta’ Informazzjoni lis-Suġġetti tad-Data
Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jpoġġi, fuq il-websajt pubblika tiegħu, informazzjoni dettaljata dwar it-TFTP u l-finijiet tiegħu, inkluża l-informazzjoni dwar kuntatti għal persuni li jkollhom xi mistoqsijiet. Barra minn hekk, għandu jpoġġi informazzjoni dwar il-proċeduri disponibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet deskritti fl-Artikoli 15 u 16, inkluża d-disponibbiltà tar-rimedju amministrattiv u ġudizzjarju kif xieraq fl-Istati Uniti rigward l-ipproċessar tad-data personali rċevuta skont dan il-Ftehim.
Artikolu 15
Dritt ta’ Aċċess
1. Kwalunkwe persuna għandha d-dritt li tikseb, wara talbiet li jkunu saru f’intervalli raġonevoli, mingħajr restrizzjoni u mingħajr dewmien eċċessiv, mill-inqas konferma trażmessa permezz tal-awtorità tal-protezzjoni tad-data tagħha fl-Unjoni Ewropea dwar jekk id-drittijiet għall-protezzjoni tad-data ta’ dik il-persuna ġewx rispettati f’konformità ma’ dan il-Ftehim, wara li jkunu twettqu l-verifiki meħtieġa kollha, u, b’mod partikolari, dwar jekk kwalunkwe pproċċessar tad-data personali ta’ dik il-persuna kienx twettaq bi ksur ta’ dan il-Ftehim.
2. Il-kxif lil persuna tad-data personali tagħha pproċessata taħt dan il-Ftehim jista’ jkun soġġett għal limitazzjonijiet legali raġonevoli applikabbli taħt liġi nazzjonali għas-salvagwardjar tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, u biex tiġi protetta s-sigurtà pubblika jew nazzjonali, b’mod partikolari għall-interess leġittimu tal-persuna kkonċernata.
3. Skont il-paragrafu 1, persuna għandha tibgħat talba lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali Ewropea tagħha, u l-awtorità għandha tittrażmetti t-talba lill-Uffiċjal għall-Privatezza tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, li għandu jagħmel il-verifikazzjonijiet meħtieġa skont it-talba. L-Uffiċjal għall-Privatezza tad- Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jinforma mingħajr dewmien lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali Ewropea jekk data personali tistax tinkixef lis-suġġett tad-data u jekk id-drittijiet tas-suġġett tad-data ġewx irrispettati kif xieraq. Fil-każ li l-aċċess għad-data personali jiġi rrifjutat jew ristrett skont il-limitazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, dan ir-rifjut u restrizzjoni għandhom jiġu spjegati bil-miktub u għandha tingħata informazzjoni dwar il-mezzi disponibbli biex iwieħed ifittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju fl-Istati Uniti.
Artikolu 16
Dritt għal Rettifika, Tħassir jew Konġelament
1. Kwalunkwe persuna għandha d-dritt li tfittex ir-rettifika, it-tħassir jew il-konġelament tad-data personali tagħha li ġiet ipproċessata mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti skont dan il-Ftehim fil-każ fejn id-data ma tkunx preċiża jew l-ipproċessar imur kontra dan il-Ftehim.
2. Kwalunkwe persuna li teżerċita d-dritt espress fil-paragrafu 1 għandha tibgħat talba lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali Ewropea rilevanti tagħha, u l-awtorità għandha tittrażmetti t-talba lill-Uffiċjal għall-Privatezza tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti. Kwalunkwe talba biex tinkiseb rettifika, tħassir jew konġelament għandha tiġi sostanzjata kif xieraq. L-Uffiċjal għall-Privatezza tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jagħmel il-verifikazzjonijiet meħtieġa kollha skont it-talba u għandu jinforma mingħajr dewmien lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali Ewropea rilevanti jekk id-data personali tkunx ġiet irretifikata, imħassra jew ikkonġelata, u jekk id-drittijiet tas-suġġett tad-data ġewx irrispettati kif xieraq. Din in-notifika għandha tiġi spjegata bil-miktub u għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-mezzi disponibbli biex wieħed ifittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju fl-Istati Uniti.
Artikolu 17
Żamma tal-Preċiżjoni tal-Informazzjoni
1. Fil-każ fejn Parti ssir konxja li d-data rċevuta jew trażmessa skont dan il-Ftehim mhix preċiża, din għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tipprevjeni u twaqqaf id-dipendenza żbaljata fuq din id-data, li tista’ tinkludi tisħiħ, tħassir, jew korrezzjoni ta’ din id-data.
2. Kull Parti għandha, fejn hu possibbli, tinnotifika lill-oħra fil-każ li ssir konxja li xi informazzjoni materjali li hi tkun ittrażmettiet lil jew irċeviet mingħand il-Parti l-oħra taħt dan il-Ftheim ma hijiex preċiża jew ta’ min joqgħod fuqha.
Artikolu 18
Rimedju
1. Il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiżguraw li d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti u kwalunkwe Stat Membru rilevanti jinformaw lil xulxin minnufih, u jikkonsultaw ma’ xulxin u mal-Partijiet, jekk meħtieġ, fejn huma jqisu li data personali ġiet ipproċessata bi ksur ta’ dan il-Ftehim.
2. Kwalunkwe persuna li tqis li d-data personali tagħha ġiet ipproċessata bi ksur għal dan il-Ftehim hija intitolata li tfittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv f’konformità mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, u l-Istati Uniti, rispettivament. Għal dan il-fini u rigward id-data trasferita lejn l-Istati Uniti skont dan il-Ftehim, id- Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jittratta bl-istess mod il-persuni kollha fl-applikazzjoni tal-proċess ta’ amministrazzjoni tiegħu, mingħajr diskriminazzjoni dwar iċ-ċittadinanza jew pajjiż ta’ residenza. Il-persuni kollha, mingħajr diskriminazzjoni dwar iċ-ċittadinanza jew il-pajjiż ta’ residenza, għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom taħt il-liġi tal-Istati Uniti proċess għat-tfitixa ta’ rimedju ġudizzjarju minn azzjoni amministrattiva avversa.
Artikolu 19
Konsultazzjoni
1. Il-Partijiet għandhom, kif xieraq, jikkunsultaw lil xulxin sabiex jippermettu li jsir l-iktar użu effettiv ta’ dan il-Ftehim, inkluż li tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni ta’ kwlaunkwe kontroversja li tirrigwarda l-intepretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
2. Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri biex jevitaw l-impożizzjoni ta’ piżijiet straordinarji ta’ wieħed fuq l-ieħor permezz tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Fejn, madankollu, jirriżultaw piżijiet straordinarji, il-Partijiet għandhom immedjatament jikkonsultaw bil-ħsieb tal-iffaċilitar tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inkluż it-teħid ta’ tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa għat-tnaqqis ta’ piżijiet eżistenti u futuri.
3. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw minnufih lil xulxin fil-każ li kwalunkwe parti terza, inkluża awtorità ta’ pajjiż ieħor, tisfida jew tasserixxi pretensjoni legali fir-rigward ta’ kwalunkwe aspett tal-effett jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 20
Implimentazzjoni u Nuqqas ta’ Deroga
1. Dan il-Ftehim ma għandu joħloq jew jagħti ebda dritt jew benefiċċju lill-ebda persuna jew entità, privata jew pubblika. Kull Parti għandha tiżgura li d-dispożizzjonijiet jiġu implimentati kif xieraq.
2. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jidderoga mill-obbligi eżistenti tal-Istati Uniti u tal-Istati Membri taħt il-Ftehim dwar Assistenza Legali Reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika tal-25 ta’ Ġunju 2003 u l-istrumenti relatati ta’ assistenza legali reċiproka bilaterali bejn l-Istati Uniti u l-Istati Membri.
Artikolu 21
Sospensjoni u Terminazzjoni
1. Kull parti tista’ tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim b’effett immedjat, fil-każ ta’ ksur tal-obbligi tal-Parti l-oħra taħt dan il-Ftehim, permezz ta’ notifika b’mezzi diplomatiċi.
2. Kull Parti tista’ ttemm dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin permezz ta’ notifika b’mezzi diplomatiċi. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt (6) xhur mid-data tal-wasla ta’ din in-notifika.
3. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw qabel kwalunkwe sospensjoni jew terminazzjoni possibbli b’mezz li jippermetti ħin biżżejjed biex tintlaħaq riżoluzzjoni mifthiema b’mod reċiproku.
4. Minkejja kwalukwe sospensjoni jew terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, id-data kollha miksuba mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti taħt it-termini ta’ dan il-Ftehim għandha tibqa’ tiġi pproċessta skont is-salvagwardji ta’ dan il-Ftehim, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar it-tħassir tad-data.
Artikolu 22
Applikazzjoni Territorjali
1. Soġġett għall-paragrafi 2 sa 4, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju li fih it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma applikabbli u għat-Territorju tal-Istati Uniti.
2. Dan il-Ftehim se japplika biss għad-Danimarka, ir-Renju Unit, jew l-Irlanda jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika bil-miktub lill-Istati Uniti li d-Danimarka, ir-Renju Unit, jew l-Irlanda għażlet li tintrabat b’dan il-Ftehim.
3. Jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim li dan se japplika għad-Danimarka, għar-Renju Unit, jew għall-Irlanda, il-Ftehim għandu japplika għat-territorju ta’ tali Stat fl-istess jum li l-Istati Membri l-oħra tal-UE jintrabtu b’dan il-Ftehim.
4. Jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim li dan japplika għad-Danimarka, għar-Renju Unit, jew għall-Irlanda, il-Ftehim għandu japplika għat-territorju ta’ tali Stat fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara li tkun waslet n-notifika mill-Istati Uniti.
Artikolu 23
Dispożizzjonijiet Finali
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data ta’ meta l-Partijiet ikunu skambjaw notifiki li jindikaw li huma lestew il-proċeduri interni tagħhom għal dan il-fini.
2. Soġġett għall-Artikolu 21 paragrafu 2, dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ ħames (5) snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u għandu jestendi awtomatikament għal perjodi sussegwenti ta’ sena (1) waħda, dment li waħda mill-Partijiet ma tinnotifikax bil-miktub lill-oħra b’mezzi diplomatiċi, mill-inqas sitt (6) xhur bil-quddiem, bil-ħsieb tagħha li ma testendix dan il-Ftehim.
Magħmul fi Brussell, fit-28 ta’ Ġunju 2010, f’żewġ oriġinali, bl-ilsien Ingliż. Dan il-Ftehim għandu jitfassal ukoll bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, u Ungeriża. Ladarba jiġu approvati miż-żewġ Partijiet, dawn il-verżjonijiet lingwistiċi għandhom jitqiesu ugwalment awtentiċi.
ANNESS
Soċjetà għat-Telekomunikazzjoni Finanzjarja Interbankarja Dinjija (SWIFT).