22.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2010

dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fid-Danimarka

(2010/407/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(6) flimkien mal-Artikolu 126(13) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mid-Danimarka,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kondizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) skont l-Artikolu 126 tat-Trattat, kif iċċarata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1) (li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir), tipprevedi deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness għat-Trattat jistipula dispożizzjonijiet ulterjuri relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistipula definizzjonijiet u regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ dan il-Protokoll.

(4)

Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effettività u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tissalvagwardja s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Hija kellha l-għan li tiżgura li, b’mod partikolari, l-isfond ekonomiku u baġitarju jiġi kkunsidrat bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-linji politiċi tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn pożizzjonijiet baġitarji sodi filwaqt li titqies is-sitwazzjoni ekonomika.

(5)

L-Artikolu 126(5) tat-Trattat jeħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni tqis li jeżisti jew li jista’ jinqala’ żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Wara li qieset ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 126(4), il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti żbilanċ eċċessiv fid-Danimarka. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Kunsill fir-rigward tad-Danimarka fil-15 ta’ Ġunju 2010 (3).

(6)

L-Artikolu 126(6) tat-Trattat jiddikjara li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara valutazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ tad-Danimarka, din il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet li ġejjin.

(7)

Skont id-data nnotifikata mill-awtoritajiet tad-Danimarka f’April 2010, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern fid-Danimarka laħaq il-5,4 % tal-PDG fl-2010, u għalhekk qabeż il-valur ta’ referenza tat-3 % tal-PDG. L-iżbilanċ ippjanat mhuwiex qrib il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG, iżda l-eċċess ippjanat ’il fuq mill-valur ta referenza jista’ jiġi kkwalifikat bħala eċċezzjonali skont it-tifsira tat-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. B’mod partikolari, dan irriżulta minn tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir. Skont it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2010, il-PDG reali fid-Danimarka naqas b’4,9 % fl-2009 u hu pproġettat li jirkupra b’1,6 % fl-2010. L-iżbilanċ fl-2010 huwa konsegwenza kemm tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kif ukoll tal-miżuri ta’ stimulu li ttieħdu f’konformità mal-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku mill-awtoritajiet Daniżi. Madankollu, l-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza ma jistax jitqies bħala temporanju. Skont it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2010, l-iżbilanċ ser jonqos għal 4,9 % tal-PDG fl-2011 fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla ta’ politika (4). Il-kriterju tal-iżbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

(8)

Skont id-data nnotifikata mill-awtoritajiet Daniżi f’April 2010, id-dejn gross ġenerali tal-gvern għadu taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PDG, fil-livell ta’ 45,1 % tal-PDG fl-2010. It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa 2010 jipprevedi li l-proporzjon tad-dejn se jkun 46 % tal-PDG fl-2010 u li se jiżdied għal 49,5 % tal-PDG fl-2011, li jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PDG. Il-kriterju tad-dejn fit-Trattat huwa sodisfatt.

(9)

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-“fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv b’konformità mal-Artikolu 126(6) jekk il- kondizzjoni doppja - li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu ’l fuq mill-valur ta’ referenza jkun temporanju - tiġi sodisfatta għal kollox. Fil-każ tad-Danimarka, din il-kondizzjoni doppja ma ntlaħqitx. Għalhekk, il-fatturi rilevanti mhumiex qed jitqiesu fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn evalwazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fid-Danimarka.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REYNDERS


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(3)  Id-dokumenti kollha marbuta mal-PŻE għad-Danimarka jinsabu fil-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/deficit/countries/index_en.htm

(4)  It-tbassir ta’ ebda bidla ta’ politika jqis l-irtirar (parzjali) ta’ miżuri ta’ natura straordinarja marbuta mal-kriżi.