20.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/32


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta’ Diċembru 2009

dwar miżura ta’ għajnuna li l-Pajjiżi l-Baxxi qed jipproponu li jimplimentaw, li permezz tagħha tingħata eżenzjoni minn taxxa ambjentali lill-produtturi taċ-ċeramika C 5/09 (ex N 210/08)

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 9972)

(It-test bl-Olandiż biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/402/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel sotto-paragrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dik id-dispożizzjoni (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra datata l-24 ta’ April 2008, il-Pajjiżi l-Baxxi nnotifikaw pjan biex jiġu eżentati l-prodotti taċ-ċeramika mit-taxxa tal-enerġija fuq il-gass naturali. Fis-6 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni talbet iżjed informazzjoni; il-Pajjiżi l-Baxxi wieġbu permezz ta’ ittra datata s-16 ta’ Settembru 2008. Saret laqgħa bejn il-persunal tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-Pajjiżi l-Baxxi fis-16 ta’ Ottubru 2008. Fis-17 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni għamlet numru ta’ mistoqsijiet oħra; il-Pajjiżi l-Baxxi wieġbu permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Diċembru 2008.

(2)

Permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni nfurmat lill-Pajjiżi l-Baxxi li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFEU”) fir-rigward tal-għajnuna (2).

(3)

Fil-25 ta’ April 2009, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(4)

Fis-26 ta’ Mejju 2009, il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni għall-bidu tal-proċedura.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti minn partijiet interessati oħra. Għaddiethom lill-Pajjiżi l-Baxxi, u tathom l-opportunità li jirreaġixxu; il-Pajjiżi l-Baxxi wieġbu permezz ta’ ittra datata s-7 ta’ Lulju 2009.

(6)

Fis-7 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni kitbet lill-Pajjiżi l-Baxxi sabiex tiċċara l-istat proċedurali tal-każ, u b’turija ta’ rispett talbet lill-Pajjiżi l-Baxxi biex sat-13 ta’ Ottubru 2009 jissottomettu kwalunkwe osservazzjonijiet li xtaqu li l-Kummissjoni tikkunsidra qabel ma tieħu d-deċiżjoni finali tagħha.

(7)

Il-Pajjiżi l-Baxxi talbu għal iżjed żmien, u permezz ta’ ittra datata s-16 ta’ Ottubru 2009, il-limitu ta’ żmien ġie pospost sal-1 ta’ Novembru 2009. Il-Pajjiżi l-Baxxi wieġbu permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2009.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

(8)

Il-Pajjiżi l-Baxxi jintaxxaw il-konsum tal-prodotti tal-enerġija skont l-Att dwar it-Taxxi Ambjentali (4), li bih tiġi applikata rata digressiva bbażata fuq il-livell ta’ konsum tan-negozju (5).

(9)

Skont il-miżura tal-għajnuna in kwistjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi jagħtu eżenzjoni mit-taxxa għall-kunsinna tal-gass naturali użati f’impjanti għall-produzzjoni ta’ prodotti taċ-ċeramika. L-eżenzjoni proposta tapplika biss għall-gass naturali użat għal skopijiet ta’ produzzjoni mill-industrija taċ-ċeramika Olandiża, u mhux għall-gass użat għal proċessi mineraloġiċi oħra mwettqa mill-Pajjiżi l-Baxxi (6).

(10)

L–eżenzjoni proposta għandha tiġi introdotta permezz ta’ emenda għall-Att dwar it-Taxxi Ambjentali preżentament fis-seħħ.

(11)

Skont in-notifika, il-baġit għas-snin 2008-2013 jammonta għal EUR 4 miljun fis-sena.

(12)

Id-dewmien tal-miżura m’għandux limitu, għax il-Pajjiżi l-Baxxi jqisu li din ma tagħtix lok għal għajnuna mill-istat (ara wkoll it-taqsima IV hawn taħt).

(13)

Il-benefiċjarji tal-miżura jkunu impriżi li joperaw fl-industrija taċ-ċeramika fil-Pajjiżi l-Baxxi (7).

(14)

Il-Pajjiżi l-Baxxi jqisu li l-eżenzjoni hi meħtieġa sabiex jerġgħu jiksbu pożizzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-industrija taċ-ċeramika Olandiża fis-suq intern. Il-Pajjiżi l-Baxxi jirreferu għall-pożizzjoni unika tas-settur Olandiż taċ-ċeramika meta mqabbla mal-pożizzjoni tal-kompetituri fil-pajjiżi ġirien. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, l-industrija taċ-ċeramika Olandiża tagħmel użu minn tafal niedi, meta mqabbel mat-tafal niexef użat fil-pajjiżi tal-madwar, u t-tafal niedi jirrikjedi iżjed enerġija biex jinkiseb l-istess riżultat aħħari. Barra minn hekk, il-Pajjiżi l-Baxxi jargumentaw li l-produtturi li jikkompetu fil-Belġju, il-Ġermanja jew l-Iżvezja, ngħidu aħna, huma eżentati minn kwalunkwe taxxa simili fuq l-enerġija.

(15)

Il-Pajjiżi l-Baxxi kkonfermaw li l-miżura se tidħol fis-seħħ biss meta tkun ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni.

III.   ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(16)

Il-Kummissjoni kellha d-dubji dwar jekk l-għajnuna proposta kinetx kompatibbli mas-suq intern, għax kienet tal-fehma preliminari li l-eżenzjoni mit-taxxa għall-industrija taċ-ċeramika Olandiża ma kinetx ġustifikata min-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema tat-taxxa nazzjonali. Il-miżura kienet selettiva, għax l-industrija taċ-ċeramika fil-Pajjiżi l-Baxxi biss kienet se tgawdi minnha, u l-eżenzjoni kienet tiġi finanzjata mir-riżorsi tal-istat. Barra minn hekk, il-miżura kienet tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni, u affetwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri, għax l-eżenzjoni mit-taxxa proposta kien ikollha impatt dirett fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni u għaldaqstant kienet ittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tar-reċipjenti fis-swieq tal-prodotti taċ-ċeramika rilevanti minn fejn joperaw, li kienu miftuħa għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-miżura kienet se tagħti għajnuna mill-istat lill-industrija taċ-ċeramika Olandiża, u kkonkludiet li din l-għajnuna setgħet tiġi approvata biss jekk kienet tissodisfa t-testijiet fil-Kapitolu 4 (“għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis jew eżenzjonijiet minn taxxi ambjentali”) tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali (minn hawn 'il quddiem “il-linji gwida ambjentali” jew “il-linji gwida”) (8). Peress li l-Pajjiżi l-Baxxi ma kienux provdew l-informazzjoni meħtieġa għal evalwazzjoni fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonferma li l-miżura kienet kompatibbli, u għaldaqstant iddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

IV.   OSSERVAZZJONIJIET SOTTOMESSI MILL-PAJJIŻI L-BAXXI

(17)

Il-Pajjiżi l-Baxxi qalu li kienu qed jinnotifikaw il-każ primarjament għall-finijiet taċ-ċertezza legali, u talbu lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi li ma kienet involuta l-ebda għajnuna mill-istat.

(18)

Il-Pajjiżi l-Baxxi kienu tal-fehma li l-karattru selettiv tal-eżenzjoni kien ġustifikat minħabba n-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema tat-taxxa nazzjonali.

(19)

L-għan tat-taxxa fuq l-enerġija kien li jiġu ntaxxati prodotti tal-elettriku u tal-enerġija li kienu jintużaw bħala karburant tat-tisħin jew karburant tal-magni. Għaldaqstant, li tiġi nkluża eżenzjoni fis-sistema tat-taxxa fuq l-enerġija għal proċess li fih il-gass naturali ma kienx użat bħala karburant tat-tisħin jew tal-magni, kien skont in-natura u l-istruttura ġenerali tal-qafas ta’ referenza sottostanti, jiġifieri l-iskema tat-tassazzjoni fuq l-enerġija fis-seħħ. Il-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa fuq l-enerġija teżenta l-kunsinna tal-gass naturali użat għal skopijiet oħra minbarra bħala karburant (9). Il-kunsinna tal-elettriku għal proċessi li fihom kellu użu doppju, pereżempju għal tnaqqis kimiku u fi proċessi elettrolitiċi u metallurġiċi, kienet bl-istess mod eżentatat mit-taxxa fuq l-enerġija (10). Fil-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa fuq il-faħam, ukoll, kien hemm eżenzjoni għall-faħam użat għal skopijiet oħra minbarra bħala karburant u għall-faħam b’użu doppju (11). Kien xieraq li tiġi miżjuda eżenzjoni mit-taxxa għall-kunsinna tal-gass naturali użat f’impjanti għall-produzzjoni ta’ prodotti taċ-ċeramika. Il-proċess taċ-ċeramika kien komparabbli ma’ proċess b’użu doppju, għax il-gass naturali ma kienx qed jintuża biss bħala karburant tat-tisħin jew karburant tal-magni. Il-Pajjiżi l-Baxxi ndikaw li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kunsinna tal-gass naturali użat f’impjanti għall-produzzjoni ta’ prodotti taċ-ċeramika kellha tiġi nkluża f’verżjoni emendata tal-Artikolu 64 tal-Att dwar it-Taxxi Ambjentali, li kienet id-dispożizzjoni li teżenta forom oħra ta’ użu doppju.

(20)

Il-Pajjiżi l-Baxxi rreferew għall-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija, u għall-minuti tal-Kunsill dwar dik id-Direttiva (12), u sottomettiet li dan kien skont in-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema tat-tassazzjoni tal-enerġija Olandiża biex iżżid dispożizzjoni li tagħti eżenzjoni għall-kunsinna tal-gass naturali użat għall-proċess mineraloġiku kkonċernat hawnhekk, jiġifieri l-produzzjoni taċ-ċeramika.

(21)

Kien xieraq li jiġu eżentati biss proċessi taċ-ċeramika, u mhux il-proċessi mineraloġiċi kollha, għax kuntrarju għall-proċessi mineraloġiċi oħra, il-proċess ċeramiku tradizzjonali huwa rriversibbli (it-tafal jiġi mibdul f’ċeramika).

(22)

Barra minn hekk il-Pajjiżi l-Baxxi rreferew għall-pożizzjoni unika tal-industrija taċ-ċeramika Olandiża mqabbla mal-pożizzjoni tal-kompetituri fil-pajjiżi tal-madwar. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, l-industrija taċ-ċeramika Olandiża tagħmel użu minn tafal niedi (li joriġina fl-Alpi u li jiġi depożitat fix-xmajjar fil-Pajjiżi l-Baxxi), kuntrarju għat-tafal xott użat fil-pajjiżi tal-madwar, u t-tafal niedi jirrikjedi iżjed enerġija biex jinkiseb l-istess riżultat aħħari (13).

(23)

Barra minn hekk, prodotturi li jikkompetu fil-Belġju, il-Ġermanja jew l-Iżvezja, pereżempju, kienu eżenti minn kwalunkwe taxxa fuq l-enerġija simili. U l-prezzijiet għall-użu tal-gass naturali fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu għolja. Hekk ukoll, l-industrija taċ-ċeramika Olandiża kienet fi żvantaġġ meta mqabbla mal-produzzjoni taċ-ċeramika f’pajjiżi ġirien.

(24)

Fil-fehma tal-Pajjiżi l-Baxxi, dawn il-fatturi juru li s-selettività tal-miżura kienet ġustifikata fuq il-bażi tan-natura u l-istruttura ġenerali tal-iskema Olandiża tat-taxxa fuq l-enerġija. Il-Pajjiżi l-Baxxi għaldaqstant iqisu li l-eżenzjoni mit-taxxa ma tikkostitwixxix għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFEU.

(25)

L-eżenzjoni mit-taxxa proposta telimina l-iżvantaġġ lill-industrija taċ-ċeramika Daniża sa ċertu punt, biex b’hekk parzjalment iġġib lura kundizzjonijiet ekwi għall-industrija fis-suq intern.

(26)

Bħala alternattiva, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu lill-Kummissjoni biex tawtorizza l-għajnuna fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFEU. L-għajnuna kienet meħtieġa minħabba t-termini mhux ugwali tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Kienet proporzjonali, għax il-miżura tapplika biss għall-gass naturali użat fl-impjanti, u mhux għall-elettriku użat fil-produzzjoni ta’ prodotti taċ-ċeramika. Kienet tpaċi biss parti mill-iżvantaġġ lill-industrija, u b’konsegwenza kellha titqies proporzjonali. Finalment, ma kinetx twassal għal tfixkil tal-kompetizzjoni inkompatibbli fis-suq intern.

(27)

Barra minn hekk, il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew li d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija ma kinetx tapplika għal proċessi mineraloġiċi, għax kienet konformi man-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema tat-taxxa sabiex teskludi l-proċessi mineraloġiċi mill-ambitu tad-Direttiva. L-Istati Membri kienu għaldaqstant liberi li jiddeċiedu jekk jintaxxawx jew lew dawn il-forom ta’ użu tal-enerġija. Il-miżura proposta ma tirriżultax fi tfixkil tal-kompetizzjoni, iżda pjuttost f’iżjed armonizzazzjoni tat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija, u kienet tkun fl-interess tal-Komunità.

V.   OSSERVAZZJONIJIET SOTTOMESSI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(28)

L-osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġew sottomessi minn organizzazzjoni tal-kummerċ, il-VKO (Stichting Verenigde Keramische Organisaties). Il-VKO kienet wkoll tal-fehma bħal Pajjiżi l-Baxxi li l-eżenzjoni mit-taxxa kienet ġustifikata bin-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema tat-taxxa nazzjonali, u li konsegwentement il-miżura ma kinetx għajnuna mill-istat. Il-kummenti tal-VKO kienu simili għal dawk tal-Pajjiżi l-Baxxi. Bħal Pajjiżi l-Baxxi, il-VKO kienet tqis li l-eżenzjoni mit-taxxa ma setgħetx titqies bħala miżura ambjentali, għax ma kinetx issegwi għan ambjentali. Għaldaqstant, ma kienx ikun ġust li l-miżura tiġi ġġudikata fuq il-bażi tal-linji gwida tal-għajnuna ambjentali.

VI.   EVALWAZZJONI

EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA

(29)

L-Artikolu 107(1) TFEU jiddikjara li “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

VANTAĠĠ

(30)

Fil-fehma tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-miżura ma tagħti l-ebda vantaġġ, iżda minflok tpaċi żvantaġġ għall-industrija taċ-ċeramika Olandiża.

(31)

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-eżenzjoni mit-taxxa tagħti vantaġġ lill-impriżi li joperaw fl-industrija taċ-ċeramika fil-Pajjiżi l-Baxxi, li jgawdu mit-tneħħija tat-taxxa għax dan inaqqas it-tariffi li kieku jkunu nklużi fl-ispejjeż operattivi tagħha (14).

RIŻORSI TAL-ISTAT U IMPUTABBILTÀ LEJN L-ISTAT

(32)

Il-Pajjiżi l-Baxxi jqisu li l-miżura mhux se tiġi finanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għax il-finanzjament tal-eżenzjoni hu newtrali għall-baġit (15) Għaldaqstant l-ebda riżorsi tal-istat ma huma se jkunu nvoluti. Il-VKO kellha argument simili.

(33)

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-miżura tikkonċerna benefiċċju tat-taxxa li jkun finanzjat mill-Istat Olandiż, u b’hekk riżorsi tal-Istat jiġu ċeduti. Fi kliem ieħor, l-eżenzjoni mit-taxxa proposta twassal f’telf fil-qligħ mit-taxxa għall-Istat Olandiż. Anke kieku l-finanzjament tal-eżenzjoni kien fil-fatt se jiġi paċut indirettament minn rata miżjuda ta’ taxxa tal-enerġija fuq il-gass naturali fl-ogħla faxx, dik il-konklużjoni tibqa’ ma tinbidilx. Il-Kummissjoni tosserva li l-Pajjiżi l-Baxxi rrikonoxxew li, meta mqabbla mas-sistema tat-taxxa attwali, il-miżura tagħti lok għal vantaġġ ta’ madwar EUR4 miljun fis-sena, mingħajr ebda quid pro quo min-naħa tar-reċipjenti (16). Il-miżura proposta hi imputabbli lill-Pajjiżi l-Baxxi, għax tiġi direttament minn emenda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ.

SELETTIVITÀ

(34)

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija jiddikjara li d-Direttiva ma tapplikax għall-konsum tal-enerġija fi proċessi mineraloġiċi u għal ċerti użi oħra ta’ prodotti tal-enerġija u l-elettriku; għaldaqstant, hu f’idejn l-Istat Membru li jiddeċiedi jekk jintaxxax jew le dawn il-proċessi u jekk iva, jekk jintaxxahomx kollha jew parti minnhom biss. Irrispettivament mid-Direttiva, madankollu, l-Istati Membri huma fi kwalunkwe każ marbuta mill-acquis Komunitarju fi kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-istat. Dan ifissser li s-selettività tal-miżura in kwistjoni, u għaldaqstant l-eżistenza tal-għajnuna mill-istat, għandhom jiġu evalwati b’referenza għas-sistema tat-taxxa fuq l-enerġija domestika.

(35)

Teżisti każistika riċenti dwar l-interpretazzjoni tas-selettività. Is-sentenza ta’ Gibraltar aċċettat analiżi ta’ għajnuna mill-istat standard għal każijiet ta’ taxxa (17). Il-Qorti qalet li kellu jkun hemm analiżi li tikkonsisti f’: (i) speċifikazzjoni tal-qafas ta’ referenza, (ii) speċifikazzjoni tad-deroga minn dak il-kwadru ta’ referenza, u (iii) speċifikazzjoni ta’ jekk id-deroga kinetx ġustifikata min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema (jiġifieri jekk id-deroga kinetx ġejja direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida tas-sistema tat-taxxa fl-Istat Membru kkonċernat).

(36)

Il-Pajjiżi l-Baxxi spjegaw li s-sistema Olandiża tat-taxxa fuq l-enerġija – li hi qafas ta’ referenza – għandha bħala għan it-tassazzjoni tal-elettriku u tal-prodotti tal-enerġija li jintużaw bħala karburant tat-tisħin jew karburant tal-magni. Il-Pajjiżi l-Baxxi għaldaqstant iqisu li hu konformi man-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema Olandiża tat-taxxa fuq l-enerġija li ċerti tipi ta’ użu għandhom ikunu eżentati mit-tassazzjoni, kif diġà spjegat fil-premessa 19. Skont il-Pajjiżi l-Baxxi, l-eżenzjoni addizzjonali li issa qed tiġi introdotta għall-proċessi taċ-ċeramika taqa’ taħt din l-iskema ġenerali.

(37)

Barra minn hekk il-Pajjiżi l-Baxxi jargumentaw li t-tluq mill-qafas ta’ referenza, i.e. it-trattament tat-taxxa differenti li jibbenefika l-industrija taċ-ċeramika, hu ġustifikat bid-distinzjoni oġġettiva bejn il-materja prima li tintuża għall-produzzjoni tal-prodotti taċ-ċeramika u l-materjal li jintuża fi proċessi mineraloġiċi oħra. Kuntrarju għal proċessi mineraloġiċi oħra, il-proċess tradizzjonali taċ-ċeramika hu irriversibbli.

(38)

Din mhix l-ewwel darba li l-Kummissjoni evalwat eżenzjonijiet minn taxxi fuq l-enerġija għal proċessi mineraloġiċi: notevolment għamlet dan fid-Deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Frar 2007 fil-każ N 820/06 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa għal ċerti proċessi tal-enerġija intensiva fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni kienet hemm iddeċidiet li l-miżura ma kinetx tikkostitwixxi għajnuna mill-istat. Eżaminat partikolarment il-loġika interna tas-sistema Ġermaniża tat-tassazzjoni tal-enerġija, li kienet konformi mal-approċċ meħud fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija li l-karburant ikun intaxxat biss meta jintuża bħala karburant tat-tisħin jew tal-magni. Il-Ġermanja konsistentament eżentat l-użu doppju kollu u kwalunkwe proċessi mineraloġiċi li setgħu jitħaddmu koperti mid-Direttiva, u għaldaqstant segwiet l-istess approċċ fis-sistema tagħha tat-taxxa fuq l-enerġija. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-eżenzjoni mit-taxxa kienet konformi man-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema nazzjonali tat-taxxa fuq l-enerġija.

(39)

L-eżenzjoni mit-taxxa hawn innotifikata tapplika biss għall-industrija taċ-ċeramika Olandiża, u kuntrarju għall-miżura Ġermaniża ma tkoprix il-proċessi mineraloġiċi kollha; il-Kummissjoni mhix sodisfatta, għaldaqstant, li l-eżenzjoni proposta ġejja direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida tas-sistema Olandiża tat-taxxa fuq l-enerġija. Il-Pajjiżi l-Baxxi u l-VKO jargumentaw li hemm distinzjoni oġġettiva bejn il-materja prima li tintuża għall-produzzjoni taċ-ċeramika u l-materjal użat fi proċessi mineraloġiċi oħra (18), peress li l-proċessi taċ-ċeramika huma irriversibbli; iżda dan ir-raġunar fil-fatt ma jispjegax, f’termini tal-istruttura tas-sistema sottostanti tat-taxxa fuq l-enerġija domestika għaliex proċessi mineraloġiċi oħra li wkoll jużaw il-gass naturali fil-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom, bħall-manifattura tal-ħġieġ, ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-eżenzjoni. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa 22 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija, il-prodotti tal-enerġija għandhom ikunu soġġetti għal qafas Komunitarju essenzjalment meta jintużaw bħala karburant tat-tisħin jew karburant tal-magni. Kien f’dan l-ispirtu li l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva eskluda l-proċessi mineraloġiċi. F’dawk il-proċessi, il-karburant hu meqjus li jintuża mhux bħala karburant tal-magni jew karburant tat-tisħin, iżda biex jappoġġja l-proċess kimiku. L-element komuni fl-esklużjoni tal-proċessi mineraloġiċi kollha mill-ambitu tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija, għaldaqstant, hu li l-karburant qed jintuża għall-proċess kimiku minflok bħala karburant tat-tisħin jew tal-magni. Eżenzjoni mit-taxxa għall-proċessi kkonċernati hawn (19) tkun ġustifikata biss jekk tapplika għall-proċessi mineraloġiċi kollha in ġenerali, biex b’hekk jiġi żgurat li l-proċessi mineraloġiċi kollha kienu qed jiġu trattati b’mod konsistenti (20). Kif indikat, dan ikun konformi mar-raġunar tal-Kummissjoni fil-Każ N 820/06. Il-fatt li proċessi mineraloġiċi differenti jistgħu jużaw materja prima differenti, u li l-proċess taċ-ċeramika jista’ jkun irriversibbli, huma kunsiderazzjonijiet li huma irrilevanti f’dan il-kuntest.

(40)

Barra minn hekk, mill-istorja parlamentari tal-Att, joħroġ li l-għan tal-miżura intiża hu li jtejjeb il-pożizzjoni kompetittiva internazzjonali tal-industrija taċ-ċeramika fil-Pajjiżi l-Baxxi (21). Il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha ċara li l-fatt li miżura tista’ ġġib tariffi f’settur partikolari iżjed konformi ma’ dawk tal-kompetituri fi Stati Membri oħra ma jibdilx il-fatt li din tikkostitwixxi għajnuna. (22)

(41)

Il-Kummissjoni għaldaqstant tqis li l-eżenzjoni mit-taxxa hi selettiva, fis-sens li tiffavorixxi l-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti u, de facto, ċerti impriżi, u ma tistax tiġi ġustifikata fuq il-bażi tal-istruttura ġenerali tas-sistema domestika tat-tassazzjoni tal-enerġija.

TFIXKIL TAL-KOMPETIZZJONI U EFFETT FUQ IL-KUMMERĊ

(42)

Il-VKO kkontestat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li peress li l-miżura proposta kienet se tkopri parti sinifikanti mill-ispejjeż operattivi, u b’hekk tippermetti lir-reċipjenti li jitolbu prezz iżjed baxx għall-prodotti taċ-ċeramika tagħhom, kienet se tfixkel il-kompetizzjoni jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni fis-swieq taċ-ċeramika rilevanati. Skont il-VKO, l-ispejjeż tal-kunsinna u l-użu tal-enerġija huma multipliċi tal-ispiża tat-taxxa fuq l-enerġija.

(43)

Il-Kummissjoni tqis li dan l-argument mhuwiex rilevanti. Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, titjib fil-pożizzjoni kompetittiva ta’ impriża li tirriżulta minn miżura ta’ għajnuna mill-istat normalment jindika li hemm tfixkil fil-kompetizzjoni bejn impriżi oħra li jikkompetu li ma jirċevux din l-assistenza (23). Barra minn hekk, miżura tinqabad mill-Artikolu 107(1) TFEU ladarba “thedded li tfixkel il-kompetizzjoni”. L-eżenzjoni tat-taxxa in kwistjoni għandha l-potenzjal li tfixkel il-kompetizzjoni fis-swieq taċ-ċeramika peress li twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż operattivi tar-reċipjenti. Barra minn hekk, l-għan tal-miżura proposta hu fil-fatt li ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva internazzjonali tal-industrija taċ-ċeramika fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Pajjiżi l-Baxxi ddikjaraw li l-eżenzjoni mit-taxxa kellha, mill-inqas sa ċertu punt, iġġib lura kundizzjonijiet ekwi għall-industrija fis-suq intern. Loġikament għandu jiġi konkluż, anke mingħajr dejta dettaljata li tissostanzja l-effett kompetittiv tal-miżura fis-settur taċ-ċeramika, li l-miżura għandha l-potenzjal li tfixkel il-kompetizzjoni fis-swieq taċ-ċeramika rilevanti.

(44)

Il-Pajjiżi l-Baxxi spjegaw li l-industrija tal-briks fil-Pajjiżi l-Baxxi, li tammonta għal 85-90 % tal-konsum tal-gass naturali u tal-enerġija fl-industrija taċ-ċeramika Olandiża, tħaddem madwar 1 500 persuna. Fl-2008, dan is-sotto-settur kellu dħul ta’ madwar EUR 370 miljun. L-industrija Olandiża tal-briks tesporta madwar 20 % tal-produzzjoni annwali tagħha, filwaqt li l-livell tal-importazzjonijiet tammonta għal 8 % tal-produzzjoni Olandiża annwali. Minħabba l-piż tal-briks, is-suq rilevanti hu definit li jestendi madwar 250 km mill-impjant tal-briks fejn jiġu prodotti. Għaldaqstant is-swieq rilevanti li jikkompetu għal dan is-sotto-settur huma r-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Belġju.

(45)

Fl-ittra tas-26 ta’ Mejju 2009, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu lill-Kummissjoni biex tikkwantifika u tissostanzja l-konklużjoni tagħha li l-miżura proposta tfixkel il-kompetizzjoni jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti fis-settur taċ-ċeramika b’referenza għad-dejta mill-Uffiċċju Olandiż tal-Istatistika Ċentrali (Centraal Bureau voor de Statistiek) li l-Pajjiżi l-Baxxi kienu issottomettew lill-Kummissjoni fil-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, u b’mod partikolari l-figuri ta’ importazzjoni u esportazzjoni tal-briks li jidhru fit-Tabelli 1 u 2.

Tabella 1

Esportazzjonijiet tal-briks Olandiżi lejn il-Ġermanja u l-Belġju

Sena

Persentaġġ

Sehem f’EUR

2007

59 % ta’ total ta’ EUR 255 miljun

EUR 150 miljun

2006

64 % ta’ total ta’ EUR 234 miljun

EUR 150 miljun

2005

68 % ta’ total ta’ EUR 213 miljun

EUR 145 miljun

2004

74 % ta’ total ta’ EUR 242 miljun

EUR 180 miljun

2003

82 % ta’ total ta’ EUR 234 miljun

EUR 191 miljun

2002

80 % ta’ total ta’ EUR 183 miljun

EUR 146 miljun

2001

95 % ta’ total ta’ EUR 189 miljun

EUR 180 miljun

(46)

Il-figuri fit-Tabella 1, skont il-Pajjiżi l-Baxxi, għandhom jinqraw fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi. Fil-bidu ta’ dan is-seklu, kien hemm staġnar serju fis-swieq tal-kostruzzjoni tad-djar fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi (fl-2000/2001 l-industrija tal-briks fil-Ġermanja ġarrbet telf ta’ madwar 20 % tad-dħul u l-bejgħ). Wara, is-sitwazzjoni fis-suq tad-djar Olandiż u Ġermaniż tjiebet, u laħħqet il-quċċata fl-2006 u l-2007. Skont il-Pajjiżi l-Baxxi, id-dejta mill-Federazzjoni Ġermaniża tal-Madum (Ziegelverband) turi li l-industrija Ġermaniża rkuprat mill-2004/2005 ’il quddiem. Madankollu, il-Pajjiżi l-Baxxi tinnota li l-figuri mill-Uffiċċju Olandiż tal-Istatistika Ċentrali li ġew sottomessi juri li minn dak iż-żmien ’il quddiem, l-esportazzjoni tal-briks Olandiżi lejn il-Ġermanja waqgħet lura. Fil-qosor, fil-bidu tas-seklu kemm l-industrija Ġermaniża kif ukoll dik Olandiża għamlu telf qawwi fis-suq Ġermaniż, iżda s-settur tal-briks Ġermaniż irkupra b’konsegwenza tal-irkupru tas-suq tad-djar fil-Ġermanja, u l-produtturi tal-briks Olandiżi m’għamlux dan. Skont il-Pajjiżi l-Baxxi, dan hu kkonfermat bil-figuri għall-importazzjonijiet mill-Ġermanja li jidhru fit-Tabella 2.

Tabella 2

Importazzjonijiet mill-Ġermanja għall-Pajjiżi l-Baxxi

Sena

Persentaġġ

Sehem f’EUR

2007

42 % minn total ta’ EUR91 miljun

EUR 36 miljun

2006

25 % ta’ total ta’ EUR101 miljun

EUR 25 miljun

2005

22 % ta’ total ta’ EUR82 miljun

EUR 18 miljun

2004

17 % minn total ta’ EUR121 miljun

EUR 21 miljun

2003

16 % minn total ta’ EUR110 miljun

EUR 18 miljun

2002

18 % minn total ta’ EUR107 miljun

EUR 20 miljun

2001

11 % minn total ta’ EUR124 miljun

EUR 14 miljun

2000

12 % minn total ta’ EUR155 miljun

EUR 19 miljun

(47)

Il-Pajjiżi l-Baxxi jindikaw li l-figuri fit-Tabella 2 juru tkabbir sod fl-importazzjonijiet tal-briks Ġermaniżi fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-2006/2007 ’il quddiem. Il-figuri sottomessi mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-ewwel kwart tal-2008 juru li din it-tendenza kompliet. Skont il-Pajjiżi l-Baxxi, l-industrija taċ-ċeramika Ġermaniża gawdiet eżenzjoni mit-taxxa fuq l-enerġija minn Awwissu 2006, eżenzjoni li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004.

Tabella 3

Esportazzjonijiet mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn Stati Membri oħra minbarra l-Belġju u l-Ġermanja (l-iżjed ir-Renju Unit u l-Irlanda)

Sena

Persentaġġ

Sehem f’EUR

2007

40 % minn total ta’ EUR255 miljun

EUR 102 miljun

2006

37 % minn total ta’ EUR234 miljun

EUR 86 miljun

2005

32 % minn total ta’ EUR213 miljun

EUR 68 miljun

2004

17 % minn total ta’ EUR242 miljun

EUR 41 miljun

2003

10 % minn total ta’ EUR234 miljun

EUR 23 miljun

2002

18 % minn total ta’ EUR183 miljun

EUR 32 miljun

2001

12 % minn total ta’ EUR189 miljun

EUR 23 miljun

(48)

Abbażi ta’ dawn il-figuri, il-Pajjiżi l-Baxxi kkumentaw li fattur importanti li jgħin biex jispjega l-esportazzjonijiet miżjuda lejn dawn il-pajjiżi hu r-rata tal-kambju verament vataġġjuża bejn l-isterlina u l-euro. Il-Pajjiżi l-Baxxi jiddikjaraw li dan il-fattur jikkumpensa għall-ispejjeż għoljin tat-trasport.

(49)

Il-Kummissjoni taċċetta li l-informazzjoni turi li l-Ġermanja u l-Belġju naqsu fl-importanza bħala destinazzjonijiet tal-esportazzjoni għal briks Olandiżi matul is-snin 1998-2007, li l-importazzjonijiet tal-briks Ġermaniżi fil-Pajjiżi l-Baxxi żdiedu fis-snin 2000-2007, u li l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi oħra minbarra l-Ġermanja u l-Belġju (l-iżjed ir-Renju Unit u l-Irlanda) żdiedu fil-perjodu 2001-2007. Fir-rigward tal-figuri preżentati għal pajjiżi oħra, b’mod partikolari r-Renju Unit u l-Irlanda, iż-żieda fl-esportazzjonijiet hi dovuta primarjament għar-rata tal-kambju favorevoli.

(50)

Dawn il-figuri huma informattivi fir-rigward tal-flussi tal-kummerċ fis-settur tal-briks bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-pajjiżi tal-madwar, il-Ġermanja, il-Belġju u r-Renju Unit, iżda ma jippermettux li wieħed jasal għall-konklużjoni li l-miżura tat-taxxa mhijiex kapaċi tfixkel il-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti fl-industrija taċ-ċeramika. Sabiex miżura taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 107(1) TFEU, kif issemma, hu biżżejjed li jkun hemm il-potenzjal għal dan it-tfixkil.

(51)

Il-miżura probabbilment taffetwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, għax il-prodotti taċ-ċeramika jinxtraw u jinbiegħu internazzjonalment, kif jidher mill-informazzjoni statistika provduta mill-Pajjiżi l-Baxxi li tidher fit-Tabelli 1, 2 u 3.

KONKLUŻJONI

(52)

Fid-dawl ta’ dak li ssemma, il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-miżura notifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li taqa’ taħt l-Artikolu 107(1) TFEU.

LEGALITÀ TAL-GĦAJNUNA

(53)

Il-Pajjiżi l-Baxxi kkonformaw mal-obbligu impost mill-Artikolu 108(3) TFEU billi nnotifikaw il-miżura tal-għajnuna qabel ma implimentawha.

KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA

INTRODUZZJONI

(54)

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-eżenzjoni proposta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-linji gwidi dwar l-għajnuna ambjentali. It-tip ta’ eżenzjoni mit-taxxa ambjentali li hi s-suġġett ta’ din in-Notifika hi indirizzata b’mod ċar fil-Kapitolu 4 tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali, “Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxi ambjentali”. Għall-evalwazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa in kwistjoni, il-Kapitolu 4 tal-linji gwidi dwar l-għajnuna ambjentali għandu jiġi kkunsidrat eżawrjenti. B’konsegwenza, il-miżura ma tistax tiġi evalwata fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFEU, kif argumentaw il-Pajjiżi l-Baxxi.

(55)

Il-Pajjiżi l-Baxxi jaqblu mal-Kummissjoni li l-miżura proposta għandha titqies bħala “eżenzjoni minn taxxa ambjentali” skont it-tifsira tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali (24). Madankollu, il-Pajjiżi l-Baxxi ma jqisux li dan hu biżżejjed sabiex il-miżura tiddaħħal fl-ambitu tal-linji gwida. Fil-fehma tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-miżura ma tilħaqx ir-rekwiżit fil-punt 151 tal-linji gwida, li jitkellem dwar miżura li “tikkontribwixxi mill-inqas indirettament għal titjib fil-livell tal-protezzjoni ambjentali”, għax l-eżenzjoni proposta m’għandhiex dan l-għan.

(56)

Dan ir-raġunar ma jistax jiġi aċċettat. Kemm it-titolu tal-Kapitolu 4 tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali (“Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis ta’ jew eżenzjonijiet minn taxxi ambjentali”) kif ukoll l-ewwel parti tal-punt 151 - li hi identika - jagħmluha ċara li dan il-kapitolu ma japplikax għall-għajnuna proposta. Il-kapitolu fih dispożizzjonijiet dettaljati li jispjegaw iċ-ċirkostanzi li fihom l-eżenzjonijiet minn taxxi ambjentali jitqiesu kompatibbli mas-suq intern. Il-punt 151 tal-linji gwida jistabbilixxi kundizzjoni ġenerali għall-kompatibbiltà tal-eżenzjonijiet minn taxxi ambjentali skont il-Kapitolu 4. Dan jgħid li l-għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli biss jekk “tikkontribwixxi mill-inqas indirettament għal titjib fil-livell tal-protezzjoni ambjentali”.

(57)

Sabiex jiġi ċċarat il-ħsieb wara l-punt 151 tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali, il-Kummissjoni tosserva li eżenzjoni proposta minn taxxa ambjentali tista’ tagħmilha possibbli li jiġu stabbiliti jew jinżammu rati ogħla ta’ tassazzjoni ambjentali domestika għal impriżi oħra, biex b’hekk ikun jista’ jkollha effett ambjentali pożittiv għall-inqas indirettament (25). Il-Kummissjoni mhijiex qed tifhem l-argumenti mressqa mill-Pajjiżi l-Baxxi jew il-VKO biex juru li l-eżenzjoni proposta se tikkontribwixxi għall-applikazzjoni kontinwata tat-taxxa ambjentali Olandiża in kwistjoni. Il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew li r-rata tat-taxxa fl-ogħla faxx tiġi miżjuda fl-istess żmien li l-eżenzjoni tkun daħlet fis-seħħ, iżda tagħmel dan biex targumenta li l-eżenzjoni proposta mhux se twassal għal telfien tar-riżorsi tal-istat, u ma jidhirx li qed tallega lanqas li l-eżenzjoni proposta hi meħtieġa sabiex din iż-żieda tkun iżjed fattibbli. Għaldaqstant, ma ntweriex li l-punt 151 tal-linji gwida ambjentali hu sodisfatt.

(58)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni mill-Pajjiżi l-Baxxi sabiex tippermettilha li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu 4 tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali, b’referenza speċjali għall-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-għajnuna u l-effetti tagħha fuq is-settur taċ-ċeramika, kif mitlub mill-punti 155-159 tal-linji gwidi (26).

(59)

Fir-rigward tal-ħtieġa tal-għajnuna, il-Kummissjoni għamlet numru ta’ mistoqsijiet speċifiċi sabiex tkun tista’ tevalwa jekk kwalunkwe żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-industrija taċ-ċeramika Olandiża (minħabba t-taxxa ambjentali) setgħetx tiġi trasferita lill-klijenti mingħajr ma twassal f’telf sostanzjali tal-bejgħ. Intalbet ukoll informazzjoni dwar dawn il-punti b’mod partikolari: il-figuri tal-bejgħ tal-industrija taċ-ċeramika fis-swieq rilevanti matul l-aħħar 10 snin; ir-rata tat-taxxa fuq l-enerġija u l-ammont totali tat-taxxa mħallsa; l-ispejjeż tal-enerġija totali għal kull impriża matul l-aħħar 10 snin; stimi tal-elastiċità tal-prezzijiet tal-prodotti tal-industrija fis-swieq rilevanti; stimi ta’ bejgħ mitluf jew profitti mnaqqsa jew it-tnejn; informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-flussi tal-kummerċ fl-industrija taċ-ċeramika Olandiża fil- u barra l-Pajjiżi l-Baxxi lejn u minn swieq ġeografiċi rilevanti; l-ishma tas-suq tar-reċipjenti fis-swieq ġeografiċi rilevanti; u kwalunkwe fattur ieħor li jista’ jkollu rwol fl-evalwazzjoni tal-għan tat-trasferiment tal-ispejjeż. Il-Kummissjoni għamlet ukoll mistoqsijiet lill-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward tal-proporzjonalità tal-għajnuna, b’referenza għall-punt 159 fil-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali.

EVALWAZZJONI

Osservazzjonijiet preliminari

(60)

Bi tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ottubru 2009, il-Pajjiżi l-Baxxi provdew informazzjoni fir-rigward ta’ prodottur tal-briks medju ipotetiku fil-Pajjiżi l-Baxxi (27). Il-Pajjiżi l-Baxxi ddikjaraw li ma kienx possibbli li jwieġbu l-mistoqsijiet tal-Kummissjoni dwar is-sotto-setturi kollha tal-industrija taċ-ċeramika Olandiża, għax f’ċerti sotto-setturi, bħal dak tal-madum, tal-pajpijiet taċ-ċeramika, u tal-prodotti taċ-ċeramika sanitarji, kien hemm biss fornitur wieħed Olandiż. Tista’ tiġi deskritta sitwazzjoni rappreżentattiva għall-fornituri tal-briks, għax fil-preżent hemm 13 minnhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, b’madwar 40 postijiet tal-produzzjoni. F’każijiet oħra, bħall-prodotti tal-fuħħar dekorattivi, il-Pajjiżi l-Baxxi qiesu li ma kienx possibbli li jinkiseb biżżejjed għarfien dwar is-sotto-setturi rilevanti fil-limitu taż-żmien strett.

(61)

Il-Kummissjoni tindika li fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-11 ta’ Frar 2009, kienet qalet li kienet diġà talbet din l-informazzjoni addizzjonali – inkluża l-informazzjoni dwar id-diversi setturi tal-industrija taċ-ċeramika kif identifikati mill-Pajjiżi l-Baxxi – matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, iżda din l-informazzjoni ma kinetx ġiet preżentata.

(62)

Il-Kummissjoni ma tqisx li informazzjoni dwar manifattur tal-briks medju ipotetiku hi suffiċjenti għal evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-eżenzjoni mit-taxxa proposta fir-rigward tal-industrija taċ-ċeramika fil-Pajjiżi l-Baxxi in ġenerali, għax produttur wieħed medju partikolari ma jistax jitqies rappreżentattiv tal-industrija kollha. Kif enfasizzat mill-Pajjiżi l-Baxxi nnifisha b’rabta mad-dejta tal-importazzjoni u l-esportazzjoni sottomessa lill-Kummissjoni, l-informazzjoni rilevanti hi relatata biss mas-settur tal-briks u ma tistax awtomatikament tintuża bħala mudell għal tendenzi f’setturi oħra taċ-ċeramika, għax kull settur taċ-ċeramika għandu kombinazzjonijiet tal-prodotti/tas-suq li fihom għandhom rwol fatturi ekonomiċi oħra. Fid-dikjarazzjoni tagħha tal-24 ta’ Mejju 2009, il-VKO waslet għal konklużjoni simili (28). L-argument li l-ebda informazzjoni ma tista’ tiġi provduta dwar sotto-setturi fejn ikun qed jopera reċipjent wieħed biss mhuwiex konvinċenti. Għall-kuntrarju, kien ikun iżjed faċli li tinkiseb informazzjoni dwar ditta individwali (kif intwera riċentement f’każ Daniż (29).

(63)

Barra minn hekk, parti mill-informazzjoni mitluba ma ngħatatx. Pereżempju, kif indikat fil-premessa 59, il-Kummissjoni talbet informazzjoni fir-rigward tan-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna. Fir-rigward tal-ħtieġa tal-għajnuna, il-Kummissjoni talbet stimi tal-elastiċità tal-prezzijiet tal-prodotti tal-industrija fis-swieq rilevanti, stimi tal-bejgħ mitluf jew profitti mnaqqsa jew it-tnejn li huma, l-ishma tas-suq tar-reċipjenti fis-swieq ġeografiċi rilevanti, u l-iżvilupp tal-ishma tal-manifatturi Olandiżi f’dawk is-swieq. L-ittra tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009 tat lill-Pajjiżi l-Baxxi opportunità oħra sabiex tipprovdi l-informazzjoni nieqsa, iżda din qatt ma ngħatat.

(64)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, tista’ ssir din l-analiżi tas-settur tal-briks.

Ħtieġa tal-għajnuna

(65)

Il-punt 155 tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali jiddikjara li meta jiġu analizzati l-iskemi tat-taxxa li jinkludu l-elementi tal-għajnuna mill-istat fil-forma ta’ tnaqqis ta’ jew eżenzjonijiet minn taxxa ambjentali, il-Kummissjoni għandha tanalizza b’mod partikolari l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-għajnuna u l-effetti tagħha fuq il-livell tas-setturi ekonomiċi kkonċernati.

(66)

Il-punt 158 tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali jiddikjara li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-għajnuna li hi meħtieġa jekk jintlaħqu dawn it-tliet kundizzjonijiet. L-ewwel, l-għażla tal-benefiċjarji għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, u l-għajnuna għandha tingħata fil-prinċipju bl-istess mod għall-kompetituri kollha fl-istess settur jekk ikunu f’sitwazzjoni fattwali simili (punt 158(a) tal-linji gwida). It-tieni, it-taxxa mingħajr tnaqqis għandha twassal għal żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni (punt 158(b)) It-tielet, għandu jkun hemm assigurazzjoni li ż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni ma jistgħux jiġu trasferiti lill-klijenti mingħajr ma jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ (punt 158(c)) F’dan ir-rigward, l-Istat Membru jista’ jipprovdi stimi inter alia tal-elastiċità tal-prezz tal-prodott tas-settur ikkonċernat fis-suq ġeografiku rilevanti u tal-bejgħ mitluf jew il-profitti mnaqqsa għall-kumpaniji fis-settur jew il-kategorija kkonċernata.

Il-punt 158(a) tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali

(67)

Il-Pajjiżi l-Baxxi argumentaw li l-eżenzjoni hi mmirata lejn il-proċess taċ-ċeramika: il-produtturi kollha tal-prodotti taċ-ċeramika, u l-kompetituri kollha fis-settur taċ-ċeramika (jew fl-istess suq rilevanti meta jkunu f’sitwazzjoni fattwali simili), huma eliġibbli għall-eżenzjoni sakemm jissodisfaw dawn it-testijiet:

għandu jkun hemm provvista ta’ gass naturali;

il-gass naturali għandu jintuża fl-impjanti għall-manifattura ta’prodotti bit-tisħin;

il-prodotti għandhom jikkonsistu mill-inqas minn 90 % tafal.

(68)

Dawn it-testijiet huma stabbiliti fl-abbozz tal-leġiżlazzjoni (30). Għaldaqstant, jidher, li l-kriterji li jiddeterminaw l-għażla tar-reċipjenti huma kemm oġġettivi kif ukoll trasparenti.

Il-punt 158(b) tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali

(69)

Ir-rekwiżit li fin-nuqqas tat-tnaqqis, it-taxxa għandha twassal għal żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni għandu jitqies milħuq, kif spjegat fin-nota f’qiegħ il-paġna 55 tal-linji gwida, jekk ir-reċipjent ikun “negozju li jimmira fuq l-enerġija” kif definit fl-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija, i.e. wieħed fejn jew ix-xiri tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku jammontaw għal mill-inqas 3,0 % tal-valur tal-produzzjoni (31) jew it-taxxa nazzjonali fuq l-enerġija li għandha titħallas tammonta għal mill-inqas 0,5 % tal-valur miżjud.

(70)

Il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew li l-produtturi tal-briks jappartjenu għall-grupp ta’ utenti li jużaw ħafna enerġija, għax l-ispejjeż tal-enerġija tagħhom jammontaw għal 20-30 % tal-ispejjeż tal-produzzjoni totali tagħhom.Il-Pajjiżi l-Baxxi ma speċifikawx kif l-ispejjeż tal-produzzjoni totali jidhru fi proporzjon mal-valur tal-produzzjoni; iżda jista’ jiġi preżunt li f’ċirkostanzi tan-negozju normali, i.e. meta l-oġġetti jinbiegħu bi prezz ’il fuq mill-ispejjeż tal-produzzjoni, l-ispejjeż tal-produzzjoni għandhom ikunu inqas mill-valur tal-produzzjoni, għax il-valur tal-produzzjoni hu konness mad-dħul u għaldaqstant mal-prezz tal-prodott mibjugħ. Jekk iċ-ċirkostanzi tan-negozju jkunu normali, għaldaqstant, is-sehem tal-ispejjeż tal-enerġija fil-valur ta’ produzzjoni għandhom ikunu inqas mis-sehem tal-ispejjeż tal-enerġija fl-ispejjeż tal-produzzjoni sottomessi mill-Pajjiżi l-Baxxi. U jista’ jiġi preżunt ukoll li l-valur tal-produzzjoni ma għandux ikun tant ogħla mill-ispejjeż tal-produzzjoni, li jgħolli s-sehem tal-ispejjeż tal-enerġija minn 20-30 % meta d-denominatur ikun l-ispejjeż tal-produzzjoni sa taħt it-3 % meta d-denominatur ikun il-valur tal-produzzjoni. Konsegwentament il-Kummissjoni taċċetta li l-impriżi fl-industrija taċ-ċeramika Olandiża huma “negozji li jimmiraw fuq l-enerġija” kif definit fid-Direttiva msemmija qabel, sabiex jintlaħaq ir-rekwiżit tal-punt 158(b) ta’ żieda sostanzjali fl-ispiża. Il-Kummissjoni għaldaqstant qed tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq il-preżunzjoni legali fin-nota f’qiegħ il-paġna 55 tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali.

Il-Punt 158(b) tal-linji gwida tal-għajnuna ambjentali

(71)

Dwar il-kriterju fil-Punt 158(c) tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali, saru mistoqsijiet dettaljati sabiex jiġi evalwat jekk żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni setgħetx tiġi trasferita lill-klijenti mingħajr ma twassal għal telf sinifikanti fil-bejgħ. B’mod partikolari, il-Pajjiżi l-Baxxi ġew mitluba jipprovdu informazzjoni dwar il-figuri tal-bejgħ tal-industrija taċ-ċeramika fis-swieq rilevanti matul l-aħħar 10 snin; ir-rata tat-taxxa fuq l-enerġija u l-ammont totali ta’ taxxa mħallsa; l-ispejjeż tal-enerġija totali għal kull impriża matul l-aħħar 10 snin; l-istimi tal-elastiċità tal-prezzijiet tal-prodotti tal-industrija fis-swieq rilevanti; l-istimi tal-bejgħ mitluf jew il-profitti mnaqqsa jew it-tnejn; informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-flussi tal-kummerċ fl-industrija taċ-ċeramika Olandiża fil- u barra mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn u mis-swieq ġeografiċi rilevanti; l-ishma tas-suq tar-reċipjenti fis-swieq ġeografiċi rilevanti; u kwalunkwe fattur ieħor li jista’ jkollu rwol fl-evalwazzjoni tal-għan għat-trasferiment tal-ispejjeż (ara l-premessi 59 u 63).

(72)

Il-Pajjiżi l-Baxxi kkonfermaw li bħala prinċipju l-ispejjeż rilevanti jistgħu jiġu trasferiti, iżda jiddikjaraw li dan qed isir iżjed u iżjed diffiċli. Fis-snin riċenti, il-produtturi li ma setgħux jittrasferixxu l-ispejjeż tagħhom għalqu jew ġew iddikjarati falluti. Madankollu, il-Pajjiżi l-Baxxi ma fornew l-ebda provi li juru konnessjoni każwali bejn l-ispiża tat-taxxa u l-fatt li dawn id-ditti m’għadhomx fin-negozju. Il-Kummissjoni tosserva li hu l-Istat Membru li għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex isostni t-talbiet tiegħu.

(73)

Il-Pajjiżi l-Baxxi indikaw ukoll li l-elastiċità tal-prezz tad-domanda għall-briks hi baxxa, iżda ma ssostanzjatx dan b’referenza għad-dejta attwali.

(74)

Il-Pajjiżi l-Baxxi spjegaw li l-kompetizzjoni fis-settur tal-briks qegħda dejjem tiżdied, minħabba l-importazzjonijiet ta’ briks simili prodotti mill-kompetituri fi Stati Membri oħra, u li s-sehem tas-suq tal-briks magħmula fil-Pajjiżi l-Baxxi qed jonqos. F’anness għall-ittra tat-30 ta’ Ottubru 2009, il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew dejta tal-importazzjoni u l-esportazzjoni li turi li l-importazzjonijiet mill-Ġermanja għall-Pajjiżi l-Baxxi żdiedu fis-snin riċenti u li l-esportazzjonijiet mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-Ġermanja u l-Belġju kienu naqsu (32). Ir-raġuni ewlenija, skont il-Pajjiżi l-Baxxi, hi li l-produtturi barranin tal-briks igawdu eżenzjoni mit-taxxa fuq l-enerġija, filwaqt li l-produtturi Olandiżi ma jgawdux minnha.

(75)

Bħala prinċipju, madankollu, l-għajnuna mill-istat, inkluża l-eżenzjoni minn taxxa ambjentali, ma tistax tiġi ġustifikata biss bl-eżistenza ta’ miżuri komparabbli fi Stati Membri oħra. Li tiġi aċċettata din il-ġustifikazzjoni jkun ifisser li tkun qed tiġi aċċettata li l-eżistenza ta’ miżuri tal-istat fi Stat Membru wieħed tippermetti li Stati Membri oħra jieħdu miżuri kumpensatorji sabiex jitnaqqas l-effett detrimentali fuq l-industrija tagħhom. Minn perspettiva ta’ għajnuna mill-istat, ma tistax tiġi aċċettata ritaljazzjoni ta’ din ix-xorta. Ir-rimedju veru għall-ħsara kkawżata mill-għajnuna mill-istat mhuwiex tellieqa għas-sussidji iżda l-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, inklużi l-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali. Għaldaqstant, il-miżura notifikata ma tista’ bl-ebda mod tiġi ġustifikata biss bħala rimedju leġittimu għall-għajnuna li hi suspettata li teżisti band’oħra: jekk din għandha tiġi approvata, għandu jintwera li hemm żieda sostanzjali fl-ispejjeż, u li l-ispejjeż ma jistgħux jiġu trasferiti lill-klijenti.

(76)

Minkejja l-limitazzjonijiet imposti mill-ispejjeż tat-trasport, li jnaqqsu s-suq ġeografiku għall-briks għal 250 km, mill-informazzjoni sottomessa l-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-industrija tal-briks hi esposta għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew li 20 % tal-briks prodotti kull sena jiġu esportati. Mid-dejta provduta, il-Kummissjoni setgħet tikkalkula valur approssimattiv għall-intensità tal-kummerċ (33), li jammonta għal 75 %. Minħabba n-nuqqas ta’ dejta konsistenti, madankollu, din il-figura għall-intensità tal-kummerċ kellha tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta’ dejta tal-2007 għall-flussi tal-kummerċ u d-dejta tal-2008 għad-dħul. Dawn iċ-ċirkostanzi jistgħu jissuġġerixxu li l-industrija qed tesperjenza diffikultà biex tgħaddi l-piż tat-taxxa impost mill-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, l-allegazzjoni li hu diffiċli li ż-żieda fl-ispejjeż jiġi trasferit qed tiġi kontradetta mid-dikjarazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi li t-taxxa sa issa ġiet trasferita, u mill-fatt li matul il-perjodu li fih id-dejta ġiet sottomessa, l-esportazzjonijiet mis-settur tal-briks Olandiż żdiedu, minn EUR 189 miljun fl-2001 għal EUR 225 miljun fl-2007. Minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni u dejta addizzjonali, l-ebda analiżi oħra iżjed konklussiva ma hi possibbli.

(77)

Barra minn hekk, u minkejja t-talba espressa tal-Kummissjoni li l-ishma tas-suq tar-reċipjenti fis-swieq ġeografiċi rilevanti għandhom jiġu provduti wkoll, l-ebda dejta tas-suq multiannwali ma ġiet sottomessa b’appoġġ tad-dikjarazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi li s-sehem tas-suq tal-briks magħmula fil-Pajjiżi l-Baxxi qed jonqos.

(78)

Din l-informazzjoni ntalbet ukoll għal skopijiet ta’ evalwazzjoni tal-possibbiltà li jiġu trasferiti l-ispejjeż, iżda ma ġietx provduta: figuri tal-bejgħ għaċ-ċeramika, skont il-volum u l-valur fis-sena, għal impriża medja f’kull suq rilevanti matul l-aħħar 10 snin (fil-fatt ġie sottomess li s-settur tal-briks kellu dħul annwali ta’ EUR 370 miljun fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar il-volum; fuq il-bażi ta’ informazzjoni storika, ġie stmat ukoll li s-settur tal-prodotti tal-fuħħar dekorattivi kellu dħul annwali ta’ EUR 7-10 miljun); il-figura totali mħallsa fis-sena għat-taxxa fuq l-enerġija minn impriża fis-suq rilevanti matul l-aħħar 10 snin (il-Pajjiżi l-Baxxi pprovdew dejta biss għal kumpanija tal-briks medja fl-2009); spejjeż tal-enerġija għal impriża fis-suq rilevanti matul l-aħħar 10 snin (Il-Pajjiżi l-Baxxi pprovdew dejta biss għal kumpanija tal-briks medja fl-2009); stimi tal-elastiċità tal-prezz għal prodotti fis-swieq tal-prodotti u ġeografiċi rilevanti; stimi ta’ dħul jew profitti li qed jonqsu, jew it-tnejn, għal impriżi f’dawn is-swieq; u l-iżvilupp tal-ishma tas-suq ta’ produtturi Olandiżi fis-swieq ġeografiċi rilevanti. Il-Kummissjoni talbet ukoll dejta dwar flussi tal-kummerċ li qed jinbidlu fl-industrija taċ-ċeramika Olandiża, i.e. importazzjonijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi mis-swieq ġeografiċi rilevanti u esportazzjonijiet mill-Pajjiżi l-Baxxi għal dawn is-swieq, iżda ma ġiet sottomessa l-ebda informazzjoni multiannwali fir-rigward tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet totali tal-industrija taċ-ċeramika (lanqas fuq bidliet fid-dħul totali tal-industrija matul is-snin). Għaldaqstant, mhuwiex possibbli tintlaħaq kwalunkwe konklużjoni sinifikanti fir-rigward tal-livell ta’ intensità tal-kummerċ fl-industrija taċ-ċeramika, u għall-industrija tal-briks, hemm biss il-valur approssimattiv imsemmi fil-premessa 76.

(79)

Għas-setturi l-oħra identifikati mill-Pajjiżi l-Baxxi, l-aktar madum tal-bejt, pajpijiet tad-dranaġġ, prodotti sanitarji, madum taċ-ċeramika u tal-art, materjal reżistenti għan-nar u porċellana u prodotti tal-fuħħar dekorattivi, il-Pajjiżi l-Baxxi jirreferu għall-informazzjoni provduta dwar impriża medja fis-settur tal-briks. Barra minn hekk, ġiet provduta biss informazzjoni limitata ħafna dwar is-setturi separati. Fl-ittra tas-16 ta’ Settembru 2008, il-Pajjiżi l-Baxxi ddikjaraw id-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti għal kull settur u s-sehem tal-produzzjoni nazzjonali impurtata jew esportata, f’punti ta’ persentaġġ, li jispeċifikaw id-diversi destinazzjonijiet tal-esportazzjoni differenti (34). Madankollu, l-informazzjoni dettaljata għal kull settur li kienet talbet il-Kummissjoni, deskritta fil-Premessa 78, ma ġietx provduta.

(80)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni ma tistax tasal għall-konklużjoni li żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produtturi taċ-ċeramika Olandiżi ma tistax tiġi trasferita lill-klijenti mingħajr ma twassal għal tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ. Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-Pajjiżi l-Baxxi ma wrewx li l-kriterju stabbilit fil-Punt 58(c) tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali ntlaħaq.

KONKLUŻJONI DWAR IL-ĦTIEĠA TAL-GĦAJNUNA PROPOSTA

(81)

Il-Kummissjoni għaldaqstant tqis li l-informazzjoni provduta ma turix li l-għajnuna proposta għall-industrija taċ-ċeramika Olandiża hi meħtieġa. Għal din ir-raġuni biss, għandu jiġi konkluż li l-miżura tal-għajnuna hi inkompatibbli mas-suq intern.

Proporzjonalità tal-għajnuna

(82)

Dwar il-kwistjoni tal-proporzjonalità, il-punt 159 tal-linji gwida tal-għajnuna ambjentali jgħid li kull benefiċjarju għandu jissodisfa wieħed minn dawn it-testijiet:

(a)

Il-benefiċjarju jħallas proporzjon tal-livell tat-taxxa nazzjonali li hu bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għall-prestazzjoni ambjentali ta’ kull benefiċjarju individwali meta mqabbel mal-prestazzjoni marbuta mal-aħjar teknika tal-prestazzjoni fi ħdan iż-ŻEE. Il-benefiċjarju jista’ jgawdi, l-aktar, minn tnaqqis li jikkorrispondi maż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni mit-taxxa, bl-użu tal-aħjar teknika tal-prestazzjoni, u li ma jistax jiġi trasferit lill-klijenti.

(b)

Il-benefiċjarju jħallas mill-inqas 20 % tat-taxxa nazzjonali, sakemm ma tistax tiġi ġustifikata rata inqas.

(ċ)

Il-benefiċjarju jista’ jidħol fi ftehim mal-Istat Membru li permezz tiegħu jobbliga ruħu li jikseb l-għanijiet tal-protezzjoni ambjentali li għandhom l-istess effett daqs li kieku kellhom jiġu applikati l-punt (a) jew (b) jew il-livell minimu tat-taxxa Komunitarja.

(83)

Il-Pajjiżi l-Baxxi kkonfermaw li t-test fil-punt (a) ma ġiex sodisfatt. Il-Pajjiżi l-Baxxi ma ddiskutewx it-test fil-punt (c). Fir-rigward tat-test fil-punt (b), i.e. li l-benefiċjarju għandu jħallas mill-inqas 20 % tat-taxxa nazzjonali sakemm ma tistax tiġi ġustifikata rata iżjed baxxa, il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew li l-benefiċjarji kollha flimkien ma jħallsux mill-inqas 20 % tat-taxxa nazzjonali (fuq l-enerġija) (id-dħul li jiġi minn pereżempju t-taxxa fuq l-elettriku li l-kumpaniji għadhom iħallsu). Skont il-Pajjiżi l-Baxxi, id-daqs tas-settur ifisser li l-proporzjon li fil-fatt jitħallas hu ħafna inqas. Il-Pajjiżi l-Baxxi sostnew f’dan il-kuntest li l-applikazzjoni tal-eżenzjoni għall-prodotti taċ-ċeramika mit-taxxa fuq l-enerġija fuq il-gass naturali tneħħi tfixkil tal-kompetizzjoni, għax joħloq livell ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-impjanti kollha taċ-ċeramika fis-suq intern.

(84)

Il-punt (b) jirriferi għar-rata nazzjonali tat-taxxa fuq l-enerġija, u mhux għal proporzjon ta’ 20 % tal-ammont totali tat-taxxa merfugħa mill-persuni li jħallsu t-taxxa fir-rigward ta’ prodotti tal-enerġija differenti. Il-miżura notifikata tinvolvi eżenzjoni totali mir-rata nazzjonali tat-taxxa fuq il-gass naturali, li tfisser li l-limitu ta’ persentaġġ stabbilit fil-punt 159(b) tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali ma jintlaħaqx. Barra minn hekk, il-Pajjiżi l-Baxxi ma wrewx li hemm biss “tfixkil limitat tal-kompetizzjoni”, li jista’ jiġġustifika rata iżjed baxxa: dan hu sempliċiment minħabba li d-dejta tas-suq mitluba dwar il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija ma ġietx provduta. Mill-informazzjoni li ġiet provduta, għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li dan il-kriterju jintlaħaq.

KONKLUŻJONI DWAR IL-PROPORZJONALITÀ TAL-GĦAJNUNA PROPOSTA

(85)

Il-Kummissjoni għaldaqstant tqis li l-informazzjoni provduta ma turix li l-għajnuna proposta għall-industrija taċ-ċeramika Olandiża hi proporzjonali.

VII.   KONKLUŻJONI

(86)

Il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni mit-taxxa proposta, li tikkostitwixxi għajnuna operattiva, mhijiex eliġibbli għal kwalunkwe mill-eżenzjonijiet mill-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-istat fit-TFEU, u għaldaqstant hi inkompatibbli mas-suq intern. B’konsegwenza, il-miżura tal-għajnuna ma tistax tiddaħħal fis-seħħ,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-istat fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq l-enerġija fuq il-gass naturali li l-Pajjiżi l-Baxxi qed jippjanaw li jagħtu lill-industrija taċ-ċeramika Olandiża hi inkompatibbli mas-suq intern.

B’konsegwenza, il-miżura tal-għajnuna ma tistax tidħol fis-seħħ.

Artikolu 2

Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li tkun ħadet biex tikkonforma magħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Magħmula fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 96, 25.4.2009, p. 16.

(2)  Mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE saru l-Artikoli 101 u 102 tat-TFEU. Is-sostanza taż-żewġ Artikoli ma ġietx mibdula. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 TFEU għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE fejn applikabbli.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

(4)  Hemm proviżjoni għat-taxxa fuq l-enerġija fl-Att dwar it-Taxxi Ambjentali (Wet belastingen op milieugrondslag) mill-1 ta’ Jannar 1996, u din titħallas fuq gass naturali, elettriku u żjut minerali. Ir-rati huma stabbiliti f’termini tal-ammonti ta’ enerġija użati.

(5)  Il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew dawn ir-rati għat-taxxa fuq l-enerġija fuq il-gass naturali kkunsmat minn produttur tal-briks rappreżentattiv fil-Pajjiżi l-Baxxi (dejta tal-2009): 0–5 000 m3: 0,1580 EUR/m3; 5 000–170 000 m3: 0,1385 EUR/m3; 170 000–1 000 000 m3: 0,0384 EUR/m3; 1 000 000–10 000 000 m3: 0,0122 EUR/m3; > 10 000 000 m3: 0,0080 EUR/m3.

(6)  “Proċessi mineraloġiċi” hawn tfisser il-proċessi li skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 tad-9 ta’ Ottubru 1990 dwar il-klassifikazzjoni statistika ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (ĠU L 293, 24.10.1990, p. 1) huma klassifikati taħt il-kodiċi DI 26 tan-nomenklatura NACE, “manifattura ta’ prodotti minerali oħra mhux metalliċi”. Minbarra l-proċess taċ-ċeramika, dawn il-proċessi jinkludu pereżempju l-produzzjoni tal-ħġieġ jew tas-siment.

(7)  Il-Pajjiżi l-Baxxi jirrapportaw li l-industrija taċ-ċeramika fil-Pajjiżi l-Baxxi hi magħmula l-iżjed minn kumpaniji fuq skala kbira, kultant multi-nazzjonali, bi dħul totali stmat ta’ madwar EUR650-700 miljun u forza tax-xogħol ta’ madwar 3 000 (fl-2008). Hemm iżjed minn 60 post tal-produzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-prodotti jinkludu briks, madum tal-bejt, madum taċ-ċeramika tal-ħajt u tal-art, prodotti sanitarji, prodotti dekorattivi tal-fuħħar u tal-porċellana, u briks reżistenti għan-nar għal applikazzjonijiet fl-industrija tal-azzar u tal-aluminju. Ħafna postijiet tal-produzzjoni jinsabu fir-reġjuni li jmissu mal-Ġermanja u l-Belġju, u parti kbira minnhom jappartjenu għal gruppi industrijali b’fergħat f’pajjiżi oħra Ewropej.

(8)  ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

(9)  L-Artikolu 64(4) tal-Att dwar it-Taxxi Ambjentali.

(10)  L-Artikolu 64(3) tal-Att dwar it-Taxxi Ambjentali.

(11)  L-Artikolu 44(1) u (3) tal-Att dwar it-Taxxi Ambjentali. Skont l-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirristruttura l-qafas tal-Komunità għat-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51, “id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija”), il-faħam għandu “użu doppju” meta jintuża kemm bħala karburant tat-tisħin u għal skopijiet oħra minbarra bħala karburant tal-magni u karburant tat-tisħin.

(12)  Dokument tal-Kunsill 8084/03 ADD 1 Fisc 59, 3 ta’ April 2003.

(13)  Parti interessata, il-VKO (ara wkoll it-Taqsima V isfel), qalet li l-produzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi kienet ibbażata kompletament fuq l-ipproċessar tat-tafal niedi. It-tibdil tat-tafal niedi b’tafal niexef minn barra l-pajjiż ma kienetx possibbiltà reali, anke jekk l-effetti ambjentali tat-trasportazzjoni tat-tafal kellhom jiġu injorati. Il-VKO kkonfermat li minħabba l-pożizzjoni ġeografika speċifika, il-produzzjoni taċ-ċeramika kellha bżonn iżjed enerġija fil-Pajjiżi l-Baxxi milli fil-pajjiżi tal-madwar.

(14)  Ara d-Deċiżjoni dwar il-miżura tal-għajnuna mill-istat N 820/06, 7 ta’ Frar 2007, Taqsima 4.

(15)  Il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-emenda parlamentari li tipprovdi għal din l-eżenzjoni mit-taxxa jiddikjara li l-eżenzjoni għandha tiġi ffinanzjata billi tiżdied ir-rata tat-taxxa tal-enerġija fuq il-gass naturali fl-ogħla faxx b’EUR0,08.

(16)  L-Anness 1 tan-Notifika.

(17)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim Istanza fil-Każijiet Konġunti T-211/04 u T-215/04 Gibraltar, 18 ta’ Diċembru 2008, li għadhom ma ġewx irrappurtati (tressaq appell kontra s-sentenza, iżda dan ma jikkonċernax il-passi fl-analiżi tal-għajnuna mill-istat standard segwita qabel).

(18)  Il-Pajjiżi l-Baxxi jniżżlu ħġieġ, mortar, konkrit, ġibs u ġir tar-ramel.

(19)  Fin-Notifika, il-Pajjiżi l-Baxxi kklassifikaw dawn taħt il-Kodiċi NACE DI 26, “manifattura ta’ prodotti minerali oħra mhux metalliċi”.

(20)  Fil-każ Ġermaniż N 820/06 din il-konsistenza ġiet rinfurzata mill-fatt li l-Ġermanja b’mod espliċitu impenjat ruħha li titratta kwalunkwe użu doppju ieħor jew proċessi mineraloġiċi li jkunu ġew avżati lilha b’mod ugwali, biex b’hekk jiġi żgurat li l-proċessi mineraloġiċi kollha jiġu trattati b’mod konsistenti.

(21)  Emenda mressqa minn Jules Kortenhorst, Membru tal-Lower House, u oħrajn, datata l-21 ta’ Novembru 2007, Tweede Kamer, vergaderjaar 2007-2008, 31 205, nr.35

(22)  Il-Każ C-173/73 Commission v Italy [1974] ECR 709.

(23)  Il-Każ C-730/79 Philip Morris Holland v Commission [1980] 2671, paragrafi 11 u 12.

(24)  Kif ikkonfermat fl-ittra tad-19 ta’ Diċembru 2008.

(25)  F’dan il-kuntest, ara wkoll il-punt 57 tal-linji gwidi dwar l-għajnuna ambjentali, li jgħid li “din it-tip ta’ għajnuna tista’ tkun meħtieġa biex jindirizza esternalitajiet negattivi indirettament billi jiffaċilita l-introduzzjoni jew il-manutenzjoni ta’ tassazzjoni ambjentali nazzjonali relattivament għolja”.

(26)  Dawn il-mistoqsijiet saru fit-tieni talba għall-informazzjoni ndirizzati lill-Pajjiżi l-Baxxi fis-17 ta’ Novembru 2008 (D/54544).

(27)  Il-Pajjiżi l-Baxxi ddikjaraw li jqisu din l-informazzjoni bħala applikabbli għas-setturi l-oħra distinti tal-industrija taċ-ċeramika, qalu li dan il-metodu kien intuża f’kuntesti oħra, bħal-leġiżlazzjoni Ewropea (pereżempju għall-E-PRTR, ir-Reġistru Ewropew tar-Rilaxx u t-Trasferiment tat-Tniġġis) u studji dwar il-ġestjoni nazzjonali (pereżempju għall-aħjar tekniki NL-BAT disponibbli). Għall-finijiet ta’ analiżi kompetittiva, madankollu, il-Kummissjoni ma tqisx li l-informazzjoni dwar impriża waħda medja fis-settur tal-briks tista’ titqies rappreżentattiva tal-industrija taċ-ċeramika kollha.

(28)  Il-linji gwida ambjentali ma jgħidux b’mod ċar jekk l-evalwazzjoni għandhiex issir fil-livell tal-industrija jew tas-sotto-settur. Hawn, madankollu, il-Pajjiżi l-Baxxi nnifishom ndikaw li s-sotto-setturi differenti jiffaċċjaw kundizzjonijiet kompetittivi differenti. Għall-finijiet ta’ dan il-każ, għaldaqstant, kellha ssir evalwazzjoni fil-livell tas-sotto-settur.

(29)  Il-Każ dwar l-għajnuna mill-istat N 327/08, 29 ta’ Ottubru 2009, li għadu ma ġiex ippubblikat.

(30)  L-abbozz tal-leġiżlazzjoni (id-dispożizzjoni għandha tiġi inkluża fl-Artikolu 64 tal-Att dwar it-Taxxi Ambjentali) jirreferi għall-prodotti taċ-ċeramika li jikkonsistu b’mod esklussiv jew kważi esklussiv minn tafal.

(31)  L-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija jiddikjara li “Valur tal-produzzjoni” għandu jfisser dħul, inklużi sussidji konnessi direttament mal-prezz tal-prodott, bil- jew mingħajr il-bidliet fl-istokks tal-prodotti lesti, ix-xogħol li jinsab għaddej u l-oġġetti u s-servizzi mixtrija għall-bejgħ mill-ġdid, bi tnaqqis tax-xiri ta’ oġġetti u servizzi għall-bejgħ mill-ġdid.

(32)  L-istess dejta ġiet provduta mal-ittra datata s-16 ta’ Settembru 2008.

(33)  “Intensità tal-kummerċ” tfisser il-valur totali ta’ esportazzjonijiet u importazzjonijiet diviżi bil-valur totali tad-dħul u l-importazzjonijiet fis-suq rispettiv.

(34)  Mal-ittra tas-16 ta’ Settembru 2008, il-Pajjiżi l-Baxxi provdew din l-informazzjoni speċifika dwar is-sotto-setturi tal-industrija taċ-ċeramika identifikati; mhuwiex ċar ma’ liema sena hi marbuta din id-dejta: mid-deskrizzjoni ġenerali tal-industrija taċ-ċeramika, jista’ jiġi preżunt li d-dejta għal kull settur bl-istess mod tirrelata għall-2008. Briks: Is-settur għandu dħul ta’ madwar EUR […] (*) u jħaddem madwar […] persuna. L-industrija tal-briks Olandiża tesporta madwar […] % tal-produzzjoni annwali tagħha. L-importazzjonijiet jammontaw għal madwar […] % tal-produzzjoni annwali Olandiża. Minħabba l-piż tal-briks, is-suq ġeografiku hu mdawwar b’ċirku ta’ […] km madwar in-negozju li jipproduċihom, u għaldaqstant jinkludi […], […] u […]. Madum tal-bejt taċ-ċeramika: L-ebda figura tad-dħul ma ġiet provduta. Dan is-settur iħaddem madwar […] persuna. Jesporta madwar […] % tal-produzzjoni annwali tiegħu, l-iżjed lil pajjiżi direttament madwaru. L-importazzjonijiet jammontaw għal […] %, u jiġu mill-istess pajjiżi ġirien. Minħabba l-piż tal-prodotti, is-suq ġeografiku hu mdawwar b’ċirku ta’ […] km madwar in-negozju li jipproduċihom, u għaldaqstant jinkludi […] u […]..Pajpijiet tad-dranaġġ taċ-ċeramika: Hemm produttur wieħed, li għandu żewġ postijiet tal-produzzjoni. Minħabba l-piż tal-prodotti, is-suq ġeografiku hu mdawwar b’ċirku ta’ […] km madwar in-negozju li jipproduċihom, għalkemm intqal li l-kumpanija kkonċernata tesporta madwar l-Ewropa. Prodotti sanitarji: L-ebda figura ta’ dħul ma ġiet provduta; is-settur iħaddem madwar […] persuna. Madwar […] % tal-produzzjoni Olandiża annwali tiġi esportata, filwaqt li madwar […] % tiġi mpurtata. Is-suq ġeografiku rilevanti hu mdawwar b’ċirku […] km madwar in-negozju li jipproduċi l-prodotti. Il-produttur hu parti minn grupp Ewropew. Materjali reżistenti għan-nar: Dan is-settur hu orjentat kważi esklussivament internazzjonalment. Iħaddem madwar […] persuna. Jesporta madwar […] % tal-produzzjoni annwali tiegħu, u jimporta madwar […]%. Madum taċ-ċeramika: Is-settur iħaddem madwar […] persuna, u jesporta […] % tal-produzzjoni annwali tiegħu. L-importazzjonijiet jammontaw għal […] % tal-produzzjoni annwali. L-ikbar pajjiżi importaturi importanti fl-UE huma […], […] u […]. L-ikbar pajjiżi importaturi barra l-UE huma […] u […]. Prodotti tal-fuħħar dekorattivi: Dan is-settur għandu erba’ postiiet tal-produzzjoni u jħaddem madwar […] persuna. Jesporta […] % tal-produzzjoni annwali tiegħu, u l-importazzjonijiet jammontaw għal madwar […] % tal-produzzjoni Olandiża annwali. Fuq il-bażi tad-dejta storika, id-dħul minn dan is-settur hu stmat għal madwar EUR […] miljun (b’mod wiesa’ […] % tad-dħul totali stmat tal-industrija taċ-ċeramika fil-Pajjiżi l-Baxxi).

(*)  Informazzjoni kunfidenzjali.