|
20.7.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 186/30 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-13 ta’ Lulju 2010
dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv f'Ċipru
(2010/401/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 126(6) flimkien mal-Artikolu 126(13) u l-Artikolu 136 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula minn Ċipru,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern. |
|
(2) |
Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kondizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi. |
|
(3) |
Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) skont l-Artikolu 126 tat-Trattat, kif iċċarata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (1) (li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir), tipprevedi deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness għat-Trattat jistipula dispożizzjonijiet ulterjuri relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistipula definizzjonijiet u regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta' dan il-Protokoll. |
|
(4) |
Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effettività u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tissalvagwardja s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Hija kellha l-għan li tiżgura li, b’mod partikolari, l-isfond ekonomiku u baġitarju jiġi kkunsidrat bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-linji politiċi tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn pożizzjonijiet baġitarji sodi filwaqt li titqies is-sitwazzjoni ekonomika. |
|
(5) |
L-Artikolu 126(5) tat-Trattat jeħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni tqis li jeżisti jew li jista' jinqala' żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Wara li qieset ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 126(4), il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti żbilanċ eċċessiv f'Ċipru. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Kunsill fir-rigward ta' Ċipru fil-15 ta’ Ġunju 2010 (3). |
|
(6) |
L-Artikolu 126(6) tat-Trattat jiddikjara li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara valutazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ ta' Ċipru, din il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet li ġejjin. |
|
(7) |
Skont id-data nnotifikata mill-awtoritajiet Ċiprijotti f'April 2010, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern f'Ċipru laħaq 6,1 % tal-PDG fl-2009, għalhekk qabeż il-valur ta’ referenza ta' 3% tal-PDG. L-iżbilanċ ma kienx qrib tal-valur ta’ referenza ta' 3 % tal-PDG iżda l-eċċess 'il fuq mill-valur ta' referenza jista' jiġi kkwalifikat bħala eċċezzjonali skont it-tifsira tat-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. B’mod partikolari, dan jirriżulta minn tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Skont it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2010, il-PDG reali f'Ċipru huwa pproġettat li ser ikompli jonqos, minkejja li b'livell aktar baxx, b'madwar ½ % fl-2010 maqqabel ma' 1¾ % fl-2009. Madankollu, l-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza ma jistax jitqies bħala temporanju. Skont it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2010, l-iżbilanċ baġitarju huwa pproġettat li jilħaq madwar 7¾ % tal-PDG fl-2011 fuq suppożizzjoni ta' ebda tibdil fil-politika. Il-kriterju tal-iżbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt. |
|
(8) |
Skont id-data nnotifikata mill-awtoritajiet Ċiprijotti f’April 2010, id-dejn gross ġenerali tal-gvern għadu taħt il-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG u kien 56, 2 % tal-PDG fl-2009. Għall-2010, Ċipru nnotifika dejn ippjanat ta' 62 % tal-PDG, li għalhekk jaqbeż il-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG skont it-Trattat. It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2010 jipproġetta li d-dejn se jkompli jiżdied għal 62,3 % tal-PDG fl-2010 u għal 67,6 fl-2011 minħabba bilanċ primarju deterjorat. Fid-dawl ta' dawn ix-xejriet, il-proporzjon tad-dejn ma jistax jitqies bħala wieħed li qed jonqos b'mod suffiċjenti u li qed joqrob lejn il-valur ta' referenza b'pass sodisfaċenti skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-kriterju tad-dejn fit-Trattat mhuwiex sodisfatt. |
|
(9) |
Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-“fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv b'konformità mal-Artikolu 126(6) jekk il-kondizzjoni doppja - li l-iżbilanċ jibqa' qrib il-valur ta' referenza u li l-eċċess tiegħu 'l fuq mill-valur ta' referenza jkun temporanju - tiġi ssodisfata għal kollox. Fil-każ ta' Ċipru, din il-kondizzjoni doppja ma ntlaħqitx. Għalhekk, il-fatturi rilevanti mhumiex qed jitqiesu fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv f'Ċipru.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' Ċipru.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
D. REYNDERS
(2) ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.
(3) Id-dokumenti kollha marbuta mal-PŻE għal Ċipru jinsabu fil-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/deficit/countries/index_en.htm