14.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/1


DEĊIŻJONI Nru 388/2010/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Lulju 2010

li tipprovdi l-għajnuna makrofinanzjarja lill-Ukraina

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-relazzjonijiet bejn l-Ukraina u l-Unjoni Ewropea qegħdin jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Fl-2005, il-Komunità u l-Ukraina qablu dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li jidentifika l-prijoritajiet fuq żmien medju fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina. Dak il-Pjan ta’ Azzjoni ġie sostitwit mill-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina ta’ Novembru 2009. Mill-2007 ‘l hawn, il-Komunità u l-Ukraina ilhom jinnegozjaw Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li hu mistenni jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni eżistenti. Il-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina huwa msaħħaħ ulterjorment mis-Sħubija tal-Lvant li tnediet dan l-aħħar.

(2)

L-ekonomija Ukraina qed tiġi affettwata dejjem iżjed mill-kriżi finanzjarja internazzjonali, bi produzzjoni li qed tonqos b’mod drammatiku, pożizzjoni fiskali li qed tiddeterjora u ħtiġijiet dejjem akbar għal finanzjament estern.

(3)

L-istabbilizzazzjoni u l-irkupru ekonomiċi tal-Ukraina huma appoġġati mill-għajnuna finanzjarja mil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). L-Arranġament ta’ Riżerva (SBA) tal-FMI għall-Ukraina ġie approvat f’Novembru 2008.

(4)

Wara deterjorazzjoni ulterjuri tal-pożizzjoni fiskali tal-Ukraina, biċċa kbira mit-tieni parti tas-self skont l-SBA tal-FMI u l-ammont sħiħ tat-tielet parti ġew diretti għall-baġit tal-Istat tal-Ukraina.

(5)

L-Ukraina talbet l-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni u l-prospettiva ekonomiċi li qed jiddeterjoraw.

(6)

Minħabba li għad hemm diskrepanza finanzjarja residwa fil-bilanċ tal-pagamenti bejn l-2009 u l-2010, l-għajnuna makrofinanzjarja hija meqjusa bħala reazzjoni xierqa għat-talba tal-Ukraina biex tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm attwali tal-FMI. Din l-għajnuna makrofinanzjarja hija mistennija wkoll li se tgħin biex ittaffi l-ħtiġijiet għall-finanzjament estern tal-baġit Statali.

(7)

L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni tista’ tikkontribwixxi biss għall-istabbilizzazzjoni ekonomika jekk il-forzi politiċi ewlenin fl-Ukraina jiżguraw l-istabbiltà politika u jistabbilixxu kunsens wiesa’ dwar implimentazzjoni rigoruża tar-riformi strutturali meħtieġa.

(8)

L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun ipprovduta lill-Ukraina flimkien mal-faċiltà tas-self mogħtija skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/639/KE tat-12 ta’ Lulju 2002 li tipprovdi l-għajnuna makrofinanzjarja supplimentari lill-Ukraina (2).

(9)

L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni m’għandhiex sempliċiment tissupplimenta l-programmi u r-riżorsi tal-FMI u tal-Bank Dinji iżda għandha tiżgura l-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni.

(10)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-miżuri meħuda fi ħdan id-diversi oqsma tal-azzjoni esterna u tal-linji politiċi rilevanti oħrajn tal-Unjoni.

(11)

L-objettivi speċifiċi tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Dawn l-objettivi għandhom jiġu mmonitorati b’mod regolari mill-Kummissjoni.

(12)

Il-kondizzjonijiet li fuqhom hu bbażat l-għoti tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jirriflettu l-prinċipji u l-objettivi fundamentali tal-politika tal-Unjoni lejn l-Ukraina.

(13)

Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effiċenti tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta ma’ din l-għajnuna makrofinanzjarja, huwa meħtieġ li l-Ukraina tadotta miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma’ din l-għajnuna. Huwa meħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tipprevedi kontrolli xierqa u li l-Qorti tal-Awdituri tipprevedi verifiki xierqa.

(14)

Ir-rilaxx tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa bla preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja.

(15)

Din l-għajnuna makrofinanzjarja għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinformahom regolarment dwar l-iżviluppi relatati mal-għajnuna u tipprovdilhom id-dokumenti relevanti.

(16)

Skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu stabbiliti minn qabel permezz ta’ regolament adottat f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Sakemm jiġi adottat dak ir-regolament il-ġdid, għadha tapplika id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (3), bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju li mhijiex applikabbli,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-Ukraina, għajnuna makrofinanzjarja fl-għamla ta’ faċiltà ta’ self b’ammont ta’ kapital massimu ta’ EUR 500 miljun u maturità medja massima ta’ 15-il sena bil-ħsieb li tgħin l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Ukraina u ttaffi l-bilanċ tal-pagamenti u l-ħtiġijiet baġitarji tagħha kif identifikati fil-programm attwali tal-FMI.

2.   Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tissellef ir-riżorsi meħtieġa f’isem l-Unjoni.

3.   Ir-rilaxx tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti milħuqa bejn l-FMI u l-Ukraina u mal-prinċipji u l-objettivi prinċipali tar-riforma ekonomika stabbiliti fl-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju regolarment dwar l-iżviluppi fil-ġestjoni tal-għajnuna u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

4.   L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun disponibbli għal sentejn u sitt xhur li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta’ Qbil imsemmi fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 6(2), għandha tingħata s-setgħa li tiftiehem mal-Awtoritajiet Ukraini il-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika marbuta mal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni, li għandhom jiġu stabbiliti f’Memorandum ta’ Qbil li għandu jinkludi skadenzi biex dawn ikunu ssodisfati (minn hawn ‘il quddiem il-“Memorandum ta’ Qbil”). Il-kondizzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti milħuqa bejn l-FMI u l-Ukraina u mal-prinċipji u l-objettivi prinċipali tar-riforma ekonomika stabbiliti fl-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina. Dawn il-prinċipji u l-objettivi huma mmirati lejn it-tisħiħ tal-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-għajnuna, inklużi b’mod partikolari s-sistemi għall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fl-Ukraina. Il-progress lejn il-kisba ta’ dawn l-objettivi għandu jiġi sorveljat regolarment mill-Kummissjoni. It-termini finanzjarji dettaljati tal-għajnuna għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim ta’ Self li għandu jintlaħaq qbil dwaru bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ukraini.

2.   Matul l-implimentazzjoni tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tissorvelja kemm huma sodi l-arranġamenti finanzjarji, il-proċeduri amministrattivi, il-mekkaniżmi interni u esterni ta’ kontroll Ukraini li huma rilevanti għal tali għajnuna u l-aderenza għall-iskadenza maqbula.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’intervalli regolari li l-linji politiċi ekonomiċi tal-Ukraina jkunu konformi mal-objettivi tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni u li l-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika miftiehma jkunu qed jitwettqu b’mod sodisfaċenti. Waqt li tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji, u fejn meħtieġ, mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Artikolu 3

1.   Soġġett għall-kondizzjonijiet tal-paragrafu 2, l-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Ukraina għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni f’żewġ pagamenti ta’ self. L-ammont ta’ kull pagament għandu jkun stabbilit fil-Memorandum ta’ Qbil.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti soġġett għall-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika miftiehma fil-Memorandum ta’ Qbil. Il-ħlas tat-tieni pagament ma għandux isir qabel tliet xhur mir-rilaxx tal-ewwel pagament.

3.   II-fondi tal-Unjoni għandhom jitħallsu lill-Bank Nazzjonali tal-Ukraina. Soġġett għad-dispożizzjonijiet li jridu jiġu miftiehma fil-Memorandum ta’ Qbil, inkluża konferma ta’ ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lit-Teżor tal-Ukraina bħala l-benefiċjarju finali.

Artikolu 4

1.   L-operazzjonijiet ta’ self u tislif imsemmija f’din id-Deċiżjoni għandhom isiru f’ewro bl-istess data tal-valur u ma għandhomx jinvolvu l-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, fi kwalunkwe riskju fil-kambju jew fir-rata tal-imgħax jew fi kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa, jekk l-Ukraina titlob hekk, biex tiżgura li fit-termini u l-kondizzjonijiet tas-self tkun inkuża klawżola għall-ħlas qabel iż-żmien u li jkollha klawżola korrispondenti fit-termini u l-kondizzjonijiet tal-operazzjonijiet tas-self.

3.   Fuq talba tal-Ukraina, u jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, il-Kummissjoni tista’ tirrifinanzja s-self tal-bidu kollu jew parti minnu, jew tirristruttura l-kondizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta’ rifinanzjar jew ristrutturar għandhom jitwettqu f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità medja tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont tal-kapital li jkun hemm pendenti fid-data tar-rifinanzjar jew tar-ristrutturar.

4.   L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni li huma marbutin mal-operazzjonijiet ta’ self u tislif skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġġarrbu mill-Ukraina.

5.   Il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandhom jinżammu infurmati bl-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 5

L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu (5). B’mod partikolari, il-Memorandum ta’ Qbil u l-Ftehim ta’ Self li għandu jintlaħaq qbil dwarhom mal-awtoritajiet Ukraini, għandhom jipprevedu miżuri speċifiċi li għandhom jiġu implimentati mill-Ukraina marbuta mal-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u irregolaritajiet oħra li jaffettwaw l-għajnuna. Sabiex tkun żgurata trasparenza akbar fil-ġestjoni u l-ħlas tal-fondi, il-Memorandum ta’ Qbil u l-Ftehim ta’ Self għandhom jipprevedu wkoll kontrolli, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, inkluż mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi. Barra minn dan, huma għandhom jipprevedu wkoll verifiki, inklużi fejn xieraq verifiki fuq il-post, mill-Qorti tal-Awdituri.

Artikolu 6

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 7

Sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena preċedenti, inkluża evalwazzjoni tagħha. Ir-rapport għandu jindika r-rabta bejn il-kondizzjonijiet ta’ politika kif stabbiliti fil-Memorandum ta’ Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali li għaddejja tal-Ukraina, u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tirrilaxxa l-pagamenti tal-għajnuna.

Mhux aktar tard minn sentejn wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, is-7 ta’ Lulju 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2010.

(2)   ĠU L 209, 6.8.2002, p. 22.

(3)   ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(4)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(5)  Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1).