9.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 174/46


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Lulju 2010

li temenda d-Deċiżjoni 2008/840/EC dwar miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Anoplophora chinensis (Forster)

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 4546)

(2010/380/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari r-raba’ sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/840/KE tas-7 ta’ Novembru 2008 dwar miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tal- Anoplophora chinensis (Forster) (2) tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw miżuri biex jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fi ħdan l-Unjoni ta’ Anoplophora chinensis (Forster).

(2)

Il-missjoni mwettqa mill-Kummissjoni fiċ-Ċina mid-9 sal-20 ta’ Frar 2009 uriet li l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza previsti mid-Deċiżjoni 2008/840/KE ma kinitx sodisfaċenti għal kollox fir-rigward tal-produzzjoni u s-sorveljanza tal-pjanti li jaqgħu fl-ambitu ta’ dik id-Deċiżjoni, minn hawn ’il quddiem imsejħa “pjanti speċifikati”.

(3)

Il-Kummissjoni kkuntattjat liċ-Ċina fit-3 ta’ Lulju 2009 u spjegat li l-konklużjonijiet li saru kienu abbażi ta’ din il-missjoni.

(4)

Fid-29 ta’ Settembru 2009, iċ-Ċina ppreżentat sensiela ta’ miżuri għal kontroll aħjar tal-Anoplophora chinensis (Forster) fir-rigward tal-produzzjoni ta’ pjanti speċifikati destinati għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. B'mod partikolari, iċ-Ċina għamlet proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-postijiet ta’ produzzjoni għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Hija llimitat in-numru tal-postijiet ta’ produzzjoni minn fejn il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu esportati lejn l-Unjoni għall-postijiet ta’ produzzjoni li kienu ġew reġistrati mill-organizzazzjoni nazzjonali tagħha għall-ħarsien tal-pjanti f'konformità mal-punt (1)(b) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2008/840/KE, kif emendata. Fl-istess ġurnata hi tat notifika dwar dan ir-reġistru lill-Kummissjoni. Iċ-Ċina ħabbret ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri fil-każ li l-Anoplophora chinensis (Forster) tinstab f’wieħed mill-postijiet ta’ produzzjoni rreġistrati, inkluż it-tneħħija, f’xi ċirkostanzi, tal-post ta’ produzzjoni konċernat mir-reġistru. Il-Kummissjoni kkomunikat l-informazzjoni li waslitilha miċ-Ċina lill-Istati Membri.

(5)

Fit-23 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni infurmat liċ-Ċina li din tistenna li r-riżultati tal-Anoplophora chinensis (Forster) għandhom iwasslu għat-tneħħija awtomatika tal-post ta’ produzzjoni konċernat mir-reġistru.

(6)

L-ebda sejba oħra ta’ pjanti speċifikati importati miċ-Ċina ma kienet irrappurtata sal-aħħar ta’ Frar 2010. Madankollu, fl-1 u fit-3 ta’ Marzu 2010, il-Pajjiżi l-Baxxi rrapurtaw sejbiet tal-Anoplophora chinensis (Forster) fuq pjanti speċifikati li joriġinaw minn żewġ postijiet ta’ produzzjoni inklużi fir-reġistru.

(7)

Fil-25 ta’ Marzu 2010 iċ-Ċina kkomunikat lill-Kummissjoni li hi intrabtet li żżomm ir-reġistru li kkomunikat lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Settembru 2009 aġġornat permezz, inter alia, tat-tneħħija fil-pront taż-żewġ postijiet msemmija ta’ produzzjoni mir-reġistru u li tagħmel il-verżjonijiet aġġornati tar-reġistru disponibbli għall-Kummissjoni.

(8)

Huwa meħtieġ li jiġu adattati l-miżuri previsti mid-Deċiżjoni 2008/840/KE dwar l-importazzjoni ta’ pjanti speċifikati miċ-Ċina biex jittieħdu inkonsiderazzjoni dawn l-iżviluppi.

(9)

Minħabba li l-biċċa l-kbira tat-trażżin tal-moviment ta’ pjanti speċifikati impurtati miċ-Ċina ġew irrappurtati fil-każ tal-pjanti tal-ispeċi Acer spp., huwa xieraq li tiġi pprojbita l-importazzjoni tagħhom għal sentejn filwaqt li jitqies iċ-ċiklu tal-ħajja tal-insett.

(10)

B'żieda mar-rekwiżiti applikabbli għal pjanti speċifikati impurtati minn pajjiżi terzi fejn hija preżenti l-Anoplophora chinensis (Forster), il-pjanti speċifiċi li joriġinaw fiċ-Ċina għandhom jiġu impurtati biss jekk ikunu ġejjin minn post ta’ produzzjoni li huwa elenkat fir-reġistru tal-postijiet ta’ produzzjoni fiċ-Ċina stabbilit mill-organizzazzjoni nazzjonali Ċiniża għall-ħarsien tal-pjanti. L-Istati Membri għandhom jinżammu infurmati mill-Kummissjoni dwar kull aġġornament f'dan ir-reġistru mill-awtoritajiet Ċiniżi. Fejn post ta’ produzzjoni jitneħħa mir-reġistru mill-awtoritajiet Ċiniżi, pjanti speċifikati mkabbra f'dak il-post ta’ produzzjoni m'għandhomx ikunu impurtati fl-Unjoni għal sentejn mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri b'dak l-aġġornament.

(11)

Fejn il-Kummissjoni jkollha xhieda li hemm post ta’ produzzjoni elenkat fir-reġistru li ma għadux konformi mal-punt (1)(b) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2008/840/KE jew li l-Anoplophora chinensis (Forster ) instab fuq il-pjanti speċifikati impurtati minn tali post ta’ produzzjoni, din għandha tikkomunika dik l-informazzjoni lill-Istati Membri. Wara dik il-komunikazzjoni, il-pjanti sepċifikati li joriġinaw minn dak il-post ta’ produzzjoni ma għandhomx ikunu impurtati fl-Unjoni għal sentejn mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tkun infurmat l-Istati Membri bin-nuqqas ta’ konformità, irrispettivament mill-azzjoni meħuda miċ-Ċina biex taġġorna r-reġistru.

(12)

Huwa meħtieġ li post ta’ produzzjoni li jinsab f'żona ħielsa mill-insetti f'pajjiż terz, kif imsemmi fil-punt (1)(a) tat-Taqsima I tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2008/840/KE kif inhi bħalissa, ikun reġistrat u sorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti ta’ dak il-pajjiż.

(13)

Meta jitqiesu r-riżultati tal-ispezzjonijiet riċenti ta’ pjanti speċifikati, imwettqa fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni, skont il-punt (2) tat-Taqsima I tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2008/840/KE kif inhi bħalissa, huwa neċessarju wkoll li l-kampjunar distruttiv ikun parti mill-ispezzjoni f'pajjiżi terzi immedjatament qabel l-esportazzjoni u mill-ispezzjoni skont id-dispożizzjonijiet imsemmija.

(14)

Id-Deċiżjoni 2008/840/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata skont dan.

(15)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/840/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Importazzjoni tal-pjanti speċifikati minn pajjiżi terzi ħlief iċ-Ċina

Fir-rigward tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi fejn hu magħruf li l-Anoplophora chinensis (Forster) hija preżenti, minbarra ċ-Ċina, il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti biss fl-Unjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi tal-importazzjoni kif imniżżla f'punt (1) tat-Taqsima I(A) tal-Anness I;

(b)

jekk, bla ħsara għall-Artikolu 13a(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, mad-dħul ġewwa l-Unjoni dawn jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont il-punt (2) tat-Taqsima I(A) tal-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni għall-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), u ma jinstab l-ebda sinjal ta’ dak l-organiżmu.

Artikolu 2a

Importazzjoni tal-pjanti speċifikati miċ-Ċina

1.1.   Fir-rigward ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina, il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti biss fl-Unjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi tal-importazzjoni kif imniżżla f'punt (1) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I;

(b)

jekk, bla ħsara għall-Artikolu 13a(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, mad-dħul ġewwa l-Unjoni dawn jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont il-punt (2) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni għall-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), u ma jinstab l-ebda sinjal ta’ dak l-organiżmu;

(c)

il-post ta’ produzzjoni ta’ dawk il-pjanti:

(i)

ikollu numru ta’ reġistrazzjoni uniku assenjat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti taċ-Ċina,

(ii)

ikun inkluż fl-iktar verżjoni riċenti tar-reġistru kkomunikat mill-Kummissjoni lill-Istati Membri skont il-paragrafu 3,

(iii)

ma jkunx, fis-sentejn ta’ qabel, suġġett ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri tat-tneħħija mir-reġistru skont il-paragrafu 3, u

(iv)

ma jkunx, fis-sentejn ta’ qabel, suġġett ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri kif hemm imsemmi fil-paragrafu 4 jew il-paragrafu 5.

2.   Madankollu, il-pjanti ta’ Acer spp. ma għandhomx ikunu introdotti fl-Unjoni sat-30 ta’ April 2012.

Mill-1 ta’ Mejju 2012, il-paragrafu 1 għandu japplika għall-pjanti ta’ Acer spp

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri r-reġistru ta’ postijiet ta’ produzzjoni fiċ-Ċina li l-organizzazzjoni nazzjonali tagħha għall-ħarsien tal-pjanti stabbiliet bħala konformi mal-punt (1)(b) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I.

Fejn dik l-organizzazzjoni taġġorna r-reġistru minħabba t-tneħħija ta’ post ta’ produzzjoni jew minħabba li dik l-organizzazzjoni tkun sabet li l-post ta’ produzzjoni ma għadux konformi mal-punt (1)(b) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I jew minħabba li l-Kummissjoni tkun infurmat liċ-Ċina bl-evidenza tal-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) mal-wasla ta’ pjanti speċifikati minn wieħed minn dawk il-postijiet ta’ produzzjoni, u ċ-Ċina tagħmel il-verżjoni aġġornata tar-reġistru disponibbli għall-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-verżjoni aġġornata tar-reġistru lill-Istati Membri permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-internet.

Fejn dik l-organizzazzjoni taġġorna r-reġistru billi tinkludi post ta’ produzzjoni minħabba li dik l-organizzazzjoni tkun sabet li l-post ta’ produzzjoni hu konformi mal-punt (1)(b) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I u ċ-Ċina tagħmel il-verżjoni aġġornata tar-reġistru disponibbli lill-Kummissjoni kif ukoll l-informazzjoni meħtieġa li tispjega dan, il-Kummissjoni għandha tikkomunika din il-verżjoni aġġornata u, fejn xieraq, dik l-informazzjoni ta’ spjegazzjoni lill-Istati Membri permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-internet.

Permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-internet, il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-reġistru u l-aġġornamenti tiegħu disponibbli għall-pubbliku.

4.   Meta matul spezzjoni fil-post ta’ produzzjoni rreġistrat, kif stipulat fil-punti (ii), (iii) u (iv) tal-punt (1)(b) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I, l-organizzazzjoni Ċiniża għall-ħarsien tal-pjanti ssib evidenza tal-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster) u l-Kummissjoni tiġi nnotifikata b'dan miċ-Ċina, il-Kummissjoni għandha minnufih tikkomunika b'dan l-iżvilupp lill-Istati Membri permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-internet.

Permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-internet, il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

5.   Fejn il-Kummissjoni jkollha xhieda minn sorsi oħra minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 li l-post ta’ produzzjoni elenkat fir-reġistru ma għadux konformi mal-punt (1)(b) tat-Taqsima I(B) tal-Anness I jew li l-Anoplophora chinensis (Forster ) instab fuq il-pjanti speċifiċi impurtati minn tali post ta’ produzzjoni, din għandha tikkomunika l-informazzjoni dwar dak il-post ta’ produzzjoni lill-Istati Membri permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-internet.

Permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-internet, il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.”

(2)   L-Anness I tad-Deċiżjoni 2008/840/KE hu emendat skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  ĠU L 300, 11.11.2008, p. 36.


ANNESS

It-Taqsima I tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2008/840/KE hija mibdula b'dan li ġej:

“I.   Rekwiżiti speċifiċi dwar l-importazzjoni

A. –   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ħlief iċ-Ċina

(1)

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness III, il-Parti A(9, 16, 18) u l-Anness IV, il-Parti A(I)(14, 15, 17, 18, 19.2, 20, 22.1, 22.2, 23.1, 23.2, 32.1, 32.3, 33, 34, 36.1, 39, 40, 43, 44, 46) tad-Direttiva 2000/29/KE, il-pjanti speċifikati li joriġinaw minn pajjiżi terzi, apparti ċ-Ċina, u fejn hi magħrufa l-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), għandhom ikunu akkumpanjati b’ċertifikat kif imniżżel fl-Artikolu 13(1) ta’ dik id-Direttiva li taħt it-taqsima ‘Dikjarazzjoni addizzjonali’ jiddikjara:

(a)

li l-pjanti ġew imkabbra tul ħajjithom kollha f'post ta’ produzzjoni li hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini u li jinsabu f'żona ħielsa minn insetti stabbilita minn dik l-organizzazzjoni skont l-Istandards Internazzjonali rilevanti għall-Miżuri Fitosanitarji. L-isem taż-żona ħielsa mill-insetti għandha tissemma taħt it-taqsima ‘post ta’ oriġini’; jew

(b)

li l-pjanti jkunu tkabbru, waqt perijodu ta’ mill-inqas sentejn qabel l-esportazzjoni, f'post ta’ produzzjoni stabbilit bħala ħieles mill-Anoplophora chinensis (Forster) skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji:

(i)

li jkun reġistrat u sorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini, u

(ii)

li kull sena jkun ġie suġġett għal tal-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali għal sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster) li jkunu saru fi żmien xieraq u ma jkunu nstabu l-ebda sinjali tal-organiżmu; kif ukoll

(iii)

fejn il-pjanti jkunu tkabbru f’post:

bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-Anoplophora chinensis (Forster); jew

bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa u mdawra b’żona ta’ lqugħ b'raġġ ta’ mill-inqas żewġ kilometri fejn isiru darba fis-sena u fi żmien xieraq l-istħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew għas-sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster). Fil-każ li jinstabu sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), għandhom jittieħdu miżuri preventivi biex iż-żona ta’ lqugħ tinħeles mill-ġdid mill-insetti; u

(iv)

fejn, immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-kunsinni tal-pjanti jkunu suġġetti għal spezzjoni uffiċjali metikoluża għall-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti. Din l-ispezzjoni għandha tinkludi l-kampjun distruttiv fil-mira. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti għall-inqas l-iskoperta ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni bil-livell ta’ fiduċja ta’ 99 %.

(2)

Pjanti speċifikati impurtati skont il-punt (1) għandhom jiġu spezzjonati b’mod metikoluż fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (*). Il-metodi ta’ spezzjoni applikati għandhom jiżguraw il-lokalizzazzjoni ta’ kwalunkwe sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti. Din l-ispezzjoni għandha tinkludi l-kampjun distruttiv fil-mira. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti għall-inqas l-iskoperta ta’ livell ta’ 1% ta’ infestazzjoni bil-livell ta’ fiduċja ta’ 99 %.

B. –   Importazzjoni miċ-Ċina

(1)

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness III, il-Parti A(9, 16, 18) u l-Anness IV, il-Parti A(I)(14, 15, 17, 18, 19.2, 20, 22.1, 22.2, 23.1, 23.2, 32.1, 32.3, 33, 34, 36.1, 39, 40, 43, 44, 46) tad-Direttiva 2000/29/KE, pjanti speċifikati li joriġinaw fiċ-Ċina għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) ta’ dik id-Direttiva li tiddikjara taħt it-Taqsima ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’ li:

(a)

l-pjanti ġew imkabbra tul ħajjithom kollha f'post ta’ produzzjoni li hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti fiċ-Ċina u li jinsabu f'żona ħielsa mill-insetti stabbilita minn dik l-organizzazzjoni skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti. L-isem taż-żona ħielsa mill-insetti għandha tissemma taħt it-taqsima ‘post ta’ oriġini’; jew

(b)

l-pjanti jkunu tkabbru, waqt perijodu ta’ mill-inqas sentejn qabel l-esportazzjoni, f'post ta’ produzzjoni stabbilit bħala ħieles mill-Anoplophora chinensis (Forster) skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji:

(i)

li jkunu reġistrat u sorveljati mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti; kif ukoll

(ii)

li kull sena jkunu ġew suġġetti għal tal-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali għal sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster) li jsiru fi żmien xieraq u ma jkunu nstabu l-ebda sinjali tal-organiżmu; u

(iii)

fejn il-pjanti jkunu tkabbru f’post:

bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-Anoplophora chinensis (Forster); jew

bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa u mdawra b’żona ta’ lqugħ b' raġġ ta’ mill-inqas żewġ kilometri fejn isiru darba fis-sena u fi żmien xieraq l-istħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew is-sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster). Fil-każ li jinstabu sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), għandhom jittieħdu miżuri preventivi biex iż-żona ta’ lqugħ tinħeles mill-ġdid mill-insetti; u

(iv)

fejn, immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-kunsinni tal-pjanti jkunu suġġetti għal spezzjoni uffiċjali metikoluża, inklużi l-kampjuni distruttivi fil-mira fuq kull lott, għall-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti.

Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti għall-inqas l-iskoperta ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni bil-livell ta’ fiduċja ta’ 99 %.

(c)

in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-post ta’ produzzjoni.

(2)

Pjanti speċifikati impurtati skont il-punt (1) għandhom jiġu spezzjonati b’mod metikoluż fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva 2004/103/KE. Il-metodi ta’ spezzjoni applikati, inklużi l-kampjuni distruttivi fil-mira fuq kull lott, għandhom jiżguraw il-lokalizzazzjoni ta’ kwalunkwe sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti għall-inqas l-iskoperta ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni bil-livell ta’ fiduċja ta’ 99 %.

Il-kampjunar distruttiv imsemmi fl-ewwel paragrafu għandu jsir fuq il-livell stabbilit fit-tabella li ġejja:

Numru ta’ pjanti fil-lott

Livell ta’ kampjunar distruttiv (numru ta’ pjanti li għandhom jinqatgħu)

1 – 4 500

10 % tad-daqs tal-lott

> 4 500

450