3.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ Ġunju 2010

dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Madagaskar taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

(2010/371/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1), kif rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (2), (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubijia AKP-KE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, imsemmija fl-Artikolu 9 tiegħu, ma ġewx rispettati.

(2)

Skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, fis-6 ta’ Lulju 2009 inbdew konsultazzjonijiet mal-Madagaskar, fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, li matulhom ir-rappreżentanti tal-Awtorità Għolja ta’ Transizzjoni li jinsabu fil-poter la ressqu proposti u lanqas impenji sodisfaċenti.

(3)

L-Unjoni Ewropea pproponiet li l-konsultazzjonijiet jibqgħu miftuħa biex l-Awtorità Għolja ta’ Transizzjoni tal-Madagaskar tissokta bin-negozjati tagħha mal-movimenti politiċi, taħt il-patroċinju ta’ tim konġunt ta’ medjazzjoni, biex jintlaħaq ftehim kunsenswali.

(4)

Taħt il-patroċinju tat-tim konġunt ta’ medjazzjoni, immexxija mis-Sur Chissano, fid-9 ta’ Awwissu 2009, l-erba’ movimenti politiċi tal-Madagaskar iffirmaw f’Maputo, ftehimiet li prinċipalment jipprevdu l-ħolqien tal-istituzzjonijiet ta’ transizzjoni li għandhom imexxu l-proċess ta’ transizzjoni u jorganizzaw, fil-ħmistax-il xahar li ġejjin, l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi. Dawn il-ftehimiet ġew iffinalizzati permezz tal-“Att Addizzjonali għall-Karta ta’ Transizzjoni tal-Madagaskar” li ġie ffirmat f’Addis Ababa fis-6 ta’ Novembru 2009.

(5)

Minn dakinhar ma ntlaħaq l-ebda kompromess bejn l-erba’ movimenti politiċi għall-implimentazzjoni effettiva tal-ftehimiet. Minflok l-Awtorità Għolja ta’ Transizzjoni impenjat ruħha fi proċess ta’ transizzjoni unilaterali, li jinkludi n-nomina ta’ Prim Ministru u ta’ Gvern u l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet għall-2010, passi li jmorru għalkollox kontra kemm l-ispirtu u t-testi tal-ftehimiet ta’ Maputo u l-Karta ta’ Addis Ababa.

(6)

Għaldaqstant il-konsultazzjonijiet li nbdew abbażi tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE għandhom jitwaqqfu u għandhom jiġu adottati miżuri xierqa,

ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-konsultazzjonijiet li nbdew mar-Repubblika tal-Madagaskar skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005, (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”) huma b’dan konklużi.

Artikolu 2

Il-miżuri stabbiliti fl-ittra annessa huma adottati bħala miżuri xierqa skont l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Id-Deċiżjoni ser tibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ 12-il xahar u għandha tiġi eżaminata mill-ġdid minn żmien għal żmien.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-6 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

C. CORBACHO


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 287, 28.10.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.


ANNESS

Abbozz ta’ ittra

L-Eċċellenza Tiegħu s-Sur Andry Nirina RAJOELINA

President tal-Awtorità Għolja ta’ Transizzjoni tar-

Repubblika tal-Madagaskar

Antananarivo

Madagaskar

Sur President tal-Awtorità Għolja ta’ Transizzjoni,

L-Unjoni Ewropea (“UE”) tagħti importanza kbira lill-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 u rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”, dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, li fuqhom hi bbażata s-sħubija bejn l-AKP u l-UE.

Għaldaqstant l-Unjoni Ewropea rreaġixxiet minnufih wara t-trasferiment furzat tal-poter li seħħ fil-Madagaskar fis-17 ta’ Marzu 2009 u qieset dan it-trasferiment furzat tal-poter bħala ksur ovvju tal-elementi essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.

Hija impenjat ruħha, taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, fi djalogu politiku ma’ min jinsab attwalment fil-poter, li wassal għall-ftuħ ta’ konsultazzjonijiet bil-għan li jiġu eżaminati s-sitwazzjoni u s-soluzzjonijiet possibbli biex ikun hemm ritorn mill-aktar fis għall-ordni kostituzzjonali. Matul il-laqgħa ta’ ftuħ ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, li seħħet fi Brussell fis-6 ta’ Lulju 2009, l-UE ma nnotat l-ebda proposta sodisfaċenti min-naħa tal-Madagaskar.

Fi spirtu ta’ ftuħ għad-djalogu u konxja mill-karattru kumpless tas-sitwazzjoni politika fil-Madagaskar, l-UE pproponiet li l-konsultazzjonijiet jibqgħu għaddejjin biex tinkoraġġixxi l-Awtorità Għolja ta’ Transizzjoni tal-Madagaskar tissokta bin-negozjati tagħha ma’ movimenti politiċi Malgaxi, taħt il-patroċinju ta’ tim konġunt ta’ medjazzjoni magħmul mill-Unjoni Afrikana (“UA”), il-Komunità ta’ Żvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (Southern African Development Community – “SADC”), l-Organisation Internationale de la Francophonie u n-Nazzjonijiet Uniti, biex jintlaħaq ftehim kunsenswali li jippermetti ritorn għall-ordni kostituzzjonali.

Fil-qafas tal-mandat ta’ dan it-tim konġunt ta’ medjazzjoni għall-Madagaskar, u speċjalment wara n-nomina tas-Sur Chissano matul is-Samit tal-SADC f’Ġunju 2009, fid-9 ta’ Awwissu 2009, il-mexxejja tal-erba’ movimenti politiċi ffirmaw, f’Maputo, l-Ftehim Politiku ta’ Maputo u l-Karta ta’ Transizzjoni, u kif ukoll ftehimiet oħra, li jipprevedu, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet li għandhom imexxu proċess ta’ transizzjoni u li fil-ħmistax-il xahar li ġejjin għandhom jorganizzaw elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi. Dawn il-ftehimiet, li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ fit-30 jum ta’ wara n-nomina kunsenswali ta’ karigi prinċipali tal-istituzzjonijiet ta’ transizzjoni, ġew iffinalizzati bl-Att Addizzjonali mal-Karta ta’ Transizzjoni tal-Madagaskar li ġie ffirmat mill-erba’ mexxejja tal-movimenti politiċi fis-6 ta’ Novembru 2009 f’Addis Ababa.

Minkejja l-bosta sforzi matul dawn l-aħħar xhur min-naħa tat-tim konġunt ta’ medjazzjoni bl-appoġġ tal-Komunità Internazzjali, u l-aħħar inizjattiva ad hoc tal-President tal-Kummissjoni tal-UA, il-movimenti politiċi baqgħu ma laħqux ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ transizzjoni li kienu qablu dwaru f’Maputo u Addis Ababa. Minflok, is-Sur Rajoelina impenja ruħu fi proċess ta’ transizzjoni unilaterali, li jinkludi n-nomina ta’ Prim Ministru u ta’ Gvern u l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet għall-2010, passi li jmorru għalkollox kontra kemm l-ispirtu u t-testi tal-ftehimiet ta’ Maputo u l-Karta ta’ Addis Ababa.

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-UE ddeċidiet li ttemm il-perjodu ta’ konsultazzjonijiet u ddeċidiet, skont l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, li tadotta l-miżuri xierqa deskritti hawn taħt:

L-għajnuna umanitarja u ta’ urġenza mhijiex milquta.

L-appoġġ baġitarju previst fil-Programmi Indikattivi Nazzjonali (PIN) tad-9 u l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (“FEŻ”) qed jiġi sospiż.

Il-proġetti u l-programmi taħt id-9 FEŻ li jinsabu għaddejjin ser jibqgħu jiġu implimentati għajr dawk l-azzjonijiet u ħlasijiet li jinvolvu direttament lill-gvern u lill-aġenziji tiegħu. Il-modifiki u ż-żjidiet għall-kuntratti li jinsabu għaddejjin għadhom iridu jiġu eżaminati każ b’każ. Il-kuntratti l-ġodda qed jiġu sospiżi.

L-implimentazzjoni tal-PIN – l-10 FEŻ huwa sospiż.

Il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ timplimenta ċerti proġetti u programmi li jkunu ta’ benefiċċju dirett għall-popolazzjoni.

Il-proġetti reġjonali ser jiġu vvalutati każ b’każ.

Il-Kummissjoni Ewropea tirriżerva d-dritt li tassumi minnufih, b’mod sħiħ jew parzjali, il-funzjonijiet ta’ Uffiċjal Nazzjonali li jawtorizza għall-FEŻ.

Id-djalogu politiku previst fil-qafas tal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ser jibqa’ għaddej u ser jitmexxa, safejn dan ikun possibbli, f’koordinazzjoni mal-Grupp Internazzjonali ta’ Kuntatt dwar il-Madagaskar; Dan ikun jista’ jintensifika ladarba tiġi aċċettata soluzzjoni kunsenswali għal ritorn għall-ordni kostituzzjonali, li tinkludi 1) arranġament kunsenswali għal gvern ta’ transizzjoni; 2) l-istabbiliment ta’ pjan direzzjonali ċar lejn elezzjoni, li jkun aċċettabbli għall-partijiet involuti u li jippermetti kampanja elettorali libera u ġusta; 3) elezzjonijiet ġusti, rikonoxxuti bħala tali mill-komunità internazzjonali u li jistgħu jipprovdu leġittimità demokratika għal Gvern ġdid. L-UE ser tkompli ssegwi mill-qrib l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-Madagaskar u tkun tista’ tagħti appoġġ, jekk ikun meħtieġ, għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni politika kunsenswali għall-kriżi.

Dawn il-miżuri xierqa qed jiġu adottati għal perjodu inizjali ta’ tnax-il xahar.

L-UE tirriżerva d-dritt li teżamina u tirrivedi l-miżuri msemmija hawn fuq sabiex tqis żviluppi eventwali, pożittivi jew negattivi, tas-sitwazzjoni fil-Madagaskar.

Dejjem tiegħek,

Għall-Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni

Image

Il-Kunsill

Image